EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52014XC1212(06)

Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

OJ C 444, 12.12.2014, p. 25–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

12.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 444/25


Pubblikazzjoni ta’ talba għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 444/09)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt li wieħed joġġezzjona għat-talba għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL EMENDA

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“JAMBON SEC DES ARDENNES”/“NOIX DE JAMBON SEC DES ARDENNES”

Nru tal-KE: FR-PGI-0105-01173 — 6.11.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta maż-żona ġeografika

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn:

introduzzjoni tal-lista ta’ operazzjonijiet imwettqa bilfors fiż-żona ġeografika;

aġġornament tal-ismijiet u l-indirizzi tal-grupp li għamel it-talba u tal-awtorità ta’ kontroll;

2.   Tip ta’ emenda/i

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrata, li għaliha la d-dokument uniku u lanqas is-sommarju ma ġew ippubblikati

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma għandhiex bżonn emendi tad-dokument uniku ppubblikat [l-Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi [l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

3.   Emenda (emendi)

3.1.   Isem il-prodott

L-isem tal-prodott inbidel sabiex jirrifletti l-“Isem tal-oġġett tal-ikel” deskritt fil-Kapitolu 2 tal-ispeċifikazzjonijiet attwali. Issa dan sar: “Jambon sec des Ardennes”/“Noix de Jambon sec des Ardennes”.

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott

Iż-żmien minimu meħtieġ għall-manifattura tal-perżut żdied minn 270 jum għal 360 jum: permezz ta’ din id-dispożizzjoni jinkiseb prodott ta’ kwalità aqwa, u l-perżut, waqt li jkun qed isir, jiżviluppa aktar ir-riħa ta’ frott tiegħu u t-togħma ta’ laħam imnixxef. Wara li ġie estiż iż-żmien ta’ maturazzjoni, il-piż minimu tal-perżut wara l-inqas żmien ta’ manifattura tnaqqas minn 6 għal 5,5 kg, biex ikun rifless it-telf ta’ piż ikkawżat mill-estensjoni taż-żmien tat-tnixxif.

Tneħħiet il-koxxa sħiħa bl-għadma bħala mod ta’ preżentazzjoni tan-“Noix de jambon sec des Ardennes”. Fil-fatt, l-għadma toħloq problema meta wieħed jiġi biex iqattal-perżut. Barra minn hekk huwa aktar faċli li wieħed ineħħi l-għadma qabel it-tnixxif, u dan għen l-iżvilupp ta’ din il-prattika: l-għadma issa qiegħda tiġi sistematikament imneħħija mill-koxxa qabel it-tmelliħ. Fl-aħħar nett, l-għadma mhijiex essenzjali biex wieħed jikseb il-karatteristiċi organolettiċi deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet.

Ġew irtirati l-karatteristiċi kimiċi (nitrati u nitriti) u mikrobibijoloġiċi li huma limitati għall-konformità mar-regolamenti ġenerali.

Tneħħew l-elementi deskrittivi li ma għandhom ebda oġġettività: “delizzjuża”“skwiżita”, “u għandhom jiġu apprezzati t-togħmiet tajbin kollha tiegħu”

Żdiedet il-lista eżawrjenti ta’ modi ta’ preżentazzjoni awtorizzati: sħiħa, sħiħa mingħajr għadma, sħiħa mingħajr għadma u mingħajr ġilda, f’biċċa mingħajr għadma jew imqatta’ għall-perżut; sħiħa, nofs jew biċċa għall-koxxa.

Żdiedet il-perżuta sħiħa mingħajr għadma u mingħajr ġilda: din il-preżentazzjoni hija maħsuba biss biex tinbiegħ għat-tqattigħ.

Il-preżentazzjoni “f’biċċa mingħajr għadma” ħadet post “nofs jew kwart” li ma kinitx preċiża biżżejjed u allura diffiċli biex wieħed jikkontrollaha. Barra minn hekk, meta wieħed iqis il-varjazzjoni fil-perżut, id-daqs tal-porzjonijiet ma kienx omoġenju ħafna, u għalhekk insinifikanti għall-IĠP.

Il-kelma “iffurmat” ħadet post il-kelma “ippressat”, li hija aktar preċiża. Iż-żewġ kelmiet jindikaw l-istess operazzjoni li tikkonsisti fl-ippressar tal-perżut jew ta’ koxxa f’forma biex titneħħa t-toqba mħollija meta titneħħa l-għadma u/jew biex tingħatalha l-forma mixtieqa.

Il-possibbiltà ta’ tqattigħ tal-qalba tal-koxxa hija estiża wkoll għall-koxxa sħiħa. Fil-fatt iż-żewġ biċċiet huma adattati għat-tqattigħ peress li ma fihomx għadma.

3.3.   Prova tal-oriġini

Minħabba li tneħħa l-obbligu li l-laħam tal-majjal jinkiseb biss miż-żona ġeografika, il-paragrafi dwar it-traċċabbiltà tal-ħnieżer waqt it-trobbija u fil-biċċerija ġew irtirati.

Rigward l-iżviluppi leġiżlattivi u regolatorji nazzjonali, l-intestatura “Elementi li juru li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika” ġiet aġġornata u tiġbor fiha inter alia r-rekwiżiti ta’ dikjarazzjonijiet u ż-żamma ta’ reġistri dwar it-traċċabbiltà tal-prodott u l-monitoraġġ tal-kundizzjonijiet ta’ produzzjoni.

Kif jitqiegħed il-melħ, il-perżut u l-koxox sħaħ jiġu mmarkati b’mod permanenti (timbru fuq il-ġilda jew ċomba) bil-ġimgħa ta’ manifattura. Għal raġunijiet ta’ organizzazzjoni ta’ xogħol u b’mod partikolari ta’ ndafa tal-post, it-tmelliħ isir darba f’ġimgħa. Għaldaqstant, in-numru tal-ġimgħa mqabbel mad-data ta’ tmelliħ u man-numru ta’ biċċiet imniżżla fuq l-iskeda tal-manifattur tal-lott jgħin fil-kontroll tal-konformità maż-żmien ta’ manifattura espress f’jiem.

Minħabba li tkun mingħajr ġilda, l-immarkar individwali permanenti tal-qalba tal-koxxa mhuwiex possibbli li jsir fl-istadju tat-tmelliħ. Biex jibqa’ traċċabbli, kull lott jiġi identifikat b’mod ċar u akkumpanjat mill-iskeda ta’ manifattura li tkun tinkludi n-numru ta’ biċċiet użati u d-data tat-tmelliħ.

Malajr kemm jista’ jkun wara ż-żmien minimu tal-manifattura, jiġu magħżula l-biċċiet. Dawk li ma jissodisfawx il-kriterji ddefiniti fil-kapitolu dwar id-deskrizzjoni tal-prodott jiġu mwarrba, u n-numru tagħhom jinkiteb fl-iskeda tal-manifattura tal-lott. Dawk li jkunu sodisfaċenti jiġu mmarkati bil-ħadid jikwi fil-każ tal-perżut u l-koxox sħaħ, filwaqt li l-qlub tal-koxox jingħataw marka individwali. Id-data tal-immarkar u l-għadd ta’ biċċiet jiġu rreġistrati.

Żdiedet tabella bl-istadji differenti ta’ manifattura u t-traċċabbiltà assoċjata magħhom: dan jippermetti l-monitoraġġ tal-biċċiet tul il-proċess kollu tal-manifattura.

3.4.   Metodu ta’ produzzjoni

Il-karkassi tal-annimali riproduttivi li jkunu nqatlu apposta huma esklużi peress li l-prodotti miksuba minnhom ma jkunux jissodisfaw il-karatteristiċi organolettiċi tal-IĠP.

Tneħħa r-rekwiżit ta’ provvista ta’ majjali miż-żona ġeografika: dan jipprovdi aktar flessibbiltà lill-operaturi u jagħtihom iċ-ċans li jiksbu majjali li xorta jirrispettaw il-karatteristiċi tal-materja prima deskritti fl-ispeċifikazzjonijiet. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet dwar it-trobbija u l-qatla tal-majjali u dwar l-għażla tal-karkassi (id-dispożizzjonijiet dwar l-impjanti fejn jitwieldu u jissemmnu l-majjali, il-biċċeriji u l-impjanti ta’ tqattigħ, kif ukoll iż-żamma ta’ reġistru tal-bhejjem) tneħħew ukoll.

Tneħħa l-kriterju dwar l-għalf tal-majjali tul il-perjodu kollu ta’ tismin (minimu ta’ 75 % ċereali u proteini). Fil-fatt, dan il-kriterju huwa rrispettat minn bosta fil-qasam tal-majjali.

Tneħħa l-kriterju dwar il-piż tal-karkassa (> 72 kg): fil-fatt, illum, il-parti l-kbira tal-operaturi jixtru l-perżut mill-ewwel għaliex ma jkollhomx bżonn il-karkassi sħaħ. Il-piż tal-perżut lest (minimu ta’ 9,5 kg) huwa aktar sinifikanti biex wieħed jiddefinixxi l-itinerarju teknoloġiku milli l-piż tal-karkassa li jkun ġie minnha;

Ġew iddefiniti l-kriterji preċiżi u oġġettivi għall-għażla tal-materja prima użata:

Iddaħħal l-obbligu li ma jintużax laħam iffriżat, biex tkun iggarantita l-kwalità tal-prodott lest, li jkun ġie minn perżut frisk biss;

Il-piż tal-perżut lest użat żdied minn 9 għal 9,5 kg: dan iqis l-estensjoni taż-żmien tat-tnixxif b’90 jum;

Id-difetti fid-dehra issa huma vvalutati fuq il-perżut lest u mhux fuq il-karkassa. Fil-fatt, ċerti difetti ma jirrigwardawx il-perżut, u oħrajn jistgħu jitranġaw waqt it-tirqim mingħajr ma tiġi affettwata l-kwalità tal-prodott (difetti minħabba t-tneħħija tal-pil, pereżempju);

Iddaħħlu l-kriterji tal-pH (minn 5,5 sa 6,2) u tal-lewn tal-laħam (omoġenju, mhux ċar ħafna u lanqas skur ħafna) ibbażati fuq l-iskala Ġappuniża (minn żewġ punti sa ħamsa), biex tiġi assigurata l-istess kwalità għall-perżut u l-koxox kollha;

Tneħħiet ir-rata ta’ laħam dgħif: dan il-kriterju ma jidhirx li huwa rilevanti peress li jiġi vvalutat fuq il-karkassa. Il-ħxuna tax-xaħam tal-perżut hija kriterju aktar adattat jekk wieħed iqis l-għan finali li huwa dak li jiġi manifatturat laħam mielaħ imnixxef: din il-ħxuna ġiet iddefinita li għandha tkun 10 mm jew aktar;

Żdiedu l-karatteristiċi tal-koxxa wara t-tqattigħ u t-tirqim li fl-ispeċifikazzjonijiet attwali mhumiex stabbiliti fid-dettall.

Il-piż tal-koxox tal-perżut frisk wara t-tqattigħ u t-tirqim: il-piż minimu tniżżel minn 1,5 għal 1,2 kg għall-qlub tal-koxox u minn 3,5 għal 3 kg għall-koxox sħaħ biex jiġu kkunsidrati l-proporzjonijiet anatomiċi osservati tal-biċċiet.

Manifattura tal-perżut imnixxef u tal-koxox tal-perżut imnixxfa:

Il-qatgħa tal-perżut 10 cm mir-ras tal-wirk ġiet definita: dan jippermetti li tiġi rrispettata l-anatomija tal-perżut u ssir qatgħa tonda. Dan il-kejl jissostitwixxi l-formulazzjoni eżistenti li tiddefinixxi l-qatgħa “żewġt iswaba mill-flett”, formulazzjoni li tista’ tkun suġġettiva. Minbarra dan il-kriterju ta’ 10 cm, l-għażla tal-metodu tal-qatgħa titħalla fid-diskrezzjoni tal-bejjiegħ tal-laħam skont il-forma ta’ kull biċċa.

Żdied l-obbligu li l-biċċiet jiġu mmarkati bil-ġimgħa li fiha jżidulhom il-melħ u bis-sena biex ikunu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ traċċabbiltà deskritti fil-kapitolu dwar il-prova tal-oriġini.

Ġew iffaċilitati r-regoli dwar l-użu tan-nitrati; l-użu tagħhom issa huwa fakultattiv;

Tneħħiet il-lista ta’ ħwawar li jistgħu jintużaw fit-tħejjija tal-perżut u tal-koxox tal-perżut; fil-fatt din il-lista ma kinitx eżawrjenti. L-operatur jista’ juża ħwawar oħrajn diment li jkunu konformi mal-karatteristiċi tal-prodotti lesti.

Tmelliħ: dan isir b’diversi applikazzjonijiet ta’ melħ xott. L-ispeċifikazzjonijiet eżistenti jawtorizzaw esklussivament it-tmelliħ bl-idejn. Minħabba l-iżviluppi fit-tekniki ta’ manifattura, u meta jsir l-għorik li jneħħi d-demm residwu, jista’ jsir l-ewwel tmelliħ bl-isprejjar ta’ melħ xott mill-magni tal-għorik. It-tmelliħ ta’ wara jsir bl-idejn biex wieħed jikkontrolla tajjeb il-kwantità ta’ melħ u t-tferrix tiegħu fuq kull perżuta. Il-koxox jiġu mmelħa f’darba u bl-idejn biss;

Id-dispożizzjonijiet dwar l-iġjene fil-postijiet iddedikati għat-tnixxif u għall-maturazzjoni tneħħew għaliex dawn jaqgħu taħt ir-regolamenti ġenerali.

It-tul ta’ żmien u t-temperaturi ġew speċifikati għall-fażijiet ta’ mistrieħ – minn 6 sa 13-il ġimgħa f’temperatura ta’ inqas minn 5 °C – u ta’ tnixxif u maturazzjoni — minn 34 sa 44 ġimgħa f’temperatura ta’ bejn 10 u 18 °C. Dawn id-dispożizzjonijiet għandhom l-għan li jassiguraw l-andament tajjeb tal-proċess ta’ manifattura tal-“Jambon sec des Ardennes/Noix de jambon sec des Ardennes”.

Ma għadux indikat li t-tul ta’ żmien tal-manifattura “jitħalla fid-diskrezzjoni tal-manifattur” għaliex dan ma kienx rekwiżit. Inżammu biss il-perjodi minimi.

It-tul ta’ żmien minimu ta’ manifattura tal-“Jambon sec des Ardennes” żdied minn 270 għal 360 jum. Dan it-tibdil jgħin biex jinkiseb prodott ta’ kwalità aqwa, peress li l-perżut, waqt li jkun qed jimmatura, ikompli jiżviluppa r-riħa ta’ frott tiegħu u t-togħma tiegħu ta’ laħam imnixxef.

It-teknika tradizzjonali tat-tneħħija tal-għadma tal-perżut imsejħa “goujage” (it-tneħħija tal-għadma b’għodda qisha skarpell) ġiet iċċarata biex isservi ta’ gwida għal dan l-istadju determinanti għall-preżentazzjoni tal-“Jambon sec des Ardennes”/“Noix de jambon sec des Ardennes”, li ma teħtieġx li tinħiet mill-ġdid biex tingħalaq wara t-tneħħija tal-għadam.

L-ippakkjar bil-vakum jew f’atmosfera mmodifikata huwa obbligatorju meta titneħħa l-għadma mill-perżut, biex wieħed jevita kwalunkwe riskju ta’ proliferazzjoni ta’ mikrobi fit-toqba li titħalla wara li titneħħa l-għadma.

Tneħħiet id-dispożizzjoni dwar il-kontrolli li jagħmlu l-manifatturi tal-laħam ippreżervat stess f’dak li jirrigwarda l-omoġeneità tat-tnixxif, il-kontenut ta’ melħ, ir-riħa u l-kwalità tax-xaħam. Din id-dispożizzjoni taqa’ taħt il-pjan ta’ kontroll.

3.5.   Tikkettar

Tneħħew id-dettalji li jirrigwardaw il-karatteristiċi tal-prodott, l-awtorità ta’ kontroll u s-servizz tal-konsumaturi biex nillimitaw ruħna għar-regoli tat-tikkettar tal-indikazzjoni ġeografika protetta;

Tneħħa l-obbligu li t-tikketti jiġu approvati mill-awtorità ta’ ċertifikazzjoni: din id-dispożizzjoni ma taqax taħt l-ispeċifikazzjonijiet;

Iddaħħal l-obbligu li jintuża l-logo IĠP tal-Unjoni Ewropea biex titjieb il-komunikazzjoni mal-konsumaturi.

3.6.   Rekwiżiti nazzjonali

Iddaħħlet tabella bil-punti ewlenin li għandhom ikunu kkontrollati, kif jitolbu r-regolamenti nazzjonali.

3.7.   Oħrajn

Il-grupp li issa huwa responsabbli mill-IĠP u li għamel it-talba tal-emenda huwa l-assoċjazzjoni “Les Charcuteries du Pays d’Ardennes”. Għalhekk l-informazzjoni dwar il-grupp “Ardennes de France” li kien għamel it-talba ta’ reġistrazzjoni fil-bidu tneħħiet u ġiet issostitwita bl-isem u l-indirizz tal-grupp “Les Charcuteries du Pays d’Ardennes”.

Iddaħħlet lista ta’ operazzjonijiet li jitwettqu bilfors fiż-żona ġeografika: il-preparazzjoni tal-biċċiet (it-tirqim), it-tmelliħ, it-tnixxif u t-tneħħija tal-għadam (bl-ippressar, fejn ikun meħtieġ).

L-istruttura ta’ kontroll: Il-grupp iddeċieda li jibdel l-awtorità ta’ kontroll. L-isem u l-indirizz tal-awtorità ta’ kontroll (“A.d.F. Certification”) ġew issostitwiti minn dawk tal-awtorità l-ġdida magħżula mill-grupp: Certipaq.

DOKUMENT UNIKU

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet ta’ oriġini tal-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“JAMBON SEC DES ARDENNES”/“NOIX DE JAMBON SEC DES ARDENNES”

Nru tal-KE: FR-PGI-0105-01173 — 6.11.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Jambon sec des Ardennes”/“Noix de Jambon sec des Ardennes”

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2: prodotti tal-laħam (imsajra, immellħa, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem mogħti fil-punt 1

(a)   Karatteristiċi fiżiċi:

Il-“Jambon sec des Ardennes” u n-“Noix de jambon sec des Ardennes” huma laħam immellaħ b’melħ xott. Il-melħ li jintuża għall-għorik fih ħwawar, ħxejjex aromatiċi u zokkor.

Iż-żmien minimu ta’ manifattura (minn meta jingħorok bil-melħ) ivarja skont it-tip tal-biċċa: 360 jum għall-perżut imnixxef, 120 jum għall-koxxa sħiħa u 45 jum għall-qalba tal-koxxa.

Il-piż minimu tal-biċċiet fl-aħħar taż-żmien minimu ta’ manifattura huwa ta’:

“Jambon sec des Ardennes”, bl-għadma: 5,5 kg;

“Noix de jambon sec des Ardennes”: 3 kg għall-koxox sħaħ (li jikkonsistu fil-koxxa sħiħa) u 800 g għall-qalba tal-koxxa.

Il-perżut u l-koxxa tal-perżut għandhom ikunu xotti u sodi biżżejjed. Ma jinħassux iebsin u lanqas ma jkunu jidhru minfuħa.

Ix-xaħam tal-perżut u tal-qalba tal-koxxa huwa ta’ lewn abjad, il-konsistenza tiegħu hija soda u r-riħa tiegħu hija waħda pjaċevoli.

(b)   Il-karatteristiċi kimiċi:

Il-“Jambon sec des Ardennes” u n-“Noix de jambon sec des Ardennes” għandhom kontenut ta’ ndewwa tal-prodott mingħajr xaħam H.P.D < 65 %.

(c)   Il-preżentazzjoni tal-prodott:

Il-“Jambon sec des Ardennes” jinbiegħ ippakkjat u anki mhux ippakkjat, iffurmat jew le:

sħiħ: mingħajr għadma jew bl-għadma,

sħiħ mingħajr għadma u mingħajr ġilda,

f’porzjonijiet mingħajr għadma,

imqatta’.

In-“Noix de jambon sec des Ardennes” tinbiegħ ippakkjata u anki mhux ippakkjata, iffurmata jew le:

sħiħa,

nofs,

imqatta’.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-perżut li jkunu ġejjin mill-majjali tar-refgħa u mill-majjali femminili huma esklużi mill-produzzjoni tal-“Jambon sec des Ardennes” u tan-“Noix de jambon sec des Ardennes”.

(a)   Il-karatteristiċi tal-perżut frisk użat:

Wara l-qtugħ u t-tirqim, il-perżuta friska jkollha dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

ma tkunx ġiet ffriżata;

piż ta’ aktar minn 9,5 kg mirqum, mingħajr il-parti ta’ wara tas-sider u s-sieq;

qatgħa tonda, mingħajr il-parti ta’ wara tas-sider, li ma għandhiex teċċedi 10 cm mir-ras tal-wirk;

ikollha s-sieq maqlugħa, bil-biċċa laħam irqiqa li tkun imqabbda mal-ħokk inkluża, il-ħokk ma jkunx imtaqqab u l-għadma tal-flett tkun nofsha mneħħija. Il-perżuta tista’ wkoll tingħorok bil-melħ fl-intier tagħha bis-sieq b’kollox;

in-nuqqas ta’ dawn id-difetti viżibbli: pil viżibbli, ġlud imċarrta jew maħruqa, tbenġil, daqqiet, ksur, axxessi, ħmieġ mill-ippurgar jew mil-lubrikant tal-konvejer;

tkun ġejja minn laħam li jkollu lewn omoġeneu, la jkun ċar ħafna u lanqas skur ħafna, b’: 5,5 ≤ pH ≤ 6,2;

il-lewn tal-laħam imniżżel fuq l-iskala Ġappuniża: minn 2 sa 5;

xaħam tal-kisja abjad u sod;

ħxuna tax-xaħam ta’ 10 mm jew aktar, imkejla vertikalment mir-ras tal-wirk.

(b)   Il-karatteristiċi tal-koxox friski użati:

In-“Noix de jambon sec des Ardennes” iridu jibqgħu anatomikament sħaħ. Dawn ikunu miksija minn parti mill-ġilda bl-eċċezzjoni tal-qlub tal-koxxa. Il-koxox sħaħ titneħħielhom l-għadma qabel jinksew bil-melħ.

Wara l-qtugħ u t-tirqim, il-koxxa friska jkollha dawn il-karatteristiċi li ġejjin:

ma tkunx ġiet ffriżata;

skont il-kategorija: piż ta’ aktar minn 1,2 kg għall-qlub tal-koxxa u aktar minn 4 kg għall-koxox il-kbar;

in-nuqqas ta’ dawn id-difetti viżibbli: pil viżibbli, ġlud imċarrta jew maħruqa, tbenġil, daqqiet, ksur, axxessi, ħmieġ mill-ippurgar jew mil-lubrikant tal-konvejer;

tkun ġejja minn laħam li jkollu lewn omoġeneu, la jkun ċar ħafna u lanqas skur ħafna, b’: 5,5 ≤ pH ≤ 6,2;

xaħam tal-kisja abjad u sod għall-koxox sħaħ

3.4.   L-għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   L-istadji speċifiċi tal-produzzjoni li għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika indikata

L-operazzjonijiet ta’ manifattura li jsiru fiż-żona ġeografika huma: il-wasla tal-materja prima u t-tħejjija tal-biċċiet, it-tmelliħ, it-tnixxif, it-tneħħija tal-għadam, l-ippressar.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi għat-tqattigħ, għall-ħakk, għall-ippakkjar, eċċ.

It-tneħħija tal-għadma (fakultattiva) issir b’dan il-mod: L-għadma tal-flett titneħħa billi wieħed jagħmel fetħa mill-ġilda tal-ħokk sal-għaksa, imbagħad l-għadma tinqala’ mill-wirk permezz ta’ għodda qisha skarpell (qtugħ tal-għadma mill-wirk mingħajr ftuħ tal-perżuta). It-tibja, il-fibula u l-wirk jinqalgħu fl-istess ħin. Il-ġilda terġa’ tingħalaq fi tmiem dan il-proċess. Il-perżuta mingħajr għadma mbagħad tiġi ppakkjata taħt vakum jew f’atmosfera protettiva biex jiġu kkonservati l-kwalitajiet organolettiċi tagħha.

3.7.   Ir-regoli speċifiċi għat-tikkettar

It-tikketta tal-“Jambon sec des Ardennes” u tan-“Noix de jambon sec des Ardennes” għandha tinkludi d-dettalji li ġejjin:

l-isem tal-IĠP “Jambon sec des Ardennes” jew “Noix de jambon sec des Ardennes”;

il-logo IĠP tal-Unjoni Ewropea;

iż-żmien ta’ maturazzjoni.

Fil-każ ta’ bejgħ “mingħajr ippakkjar preċedenti”, l-isem tal-IĠP “Jambon sec des Ardennes” jew “Noix de jambon sec des Ardennes” u l-kliem “Indikazzjoni ġeografika protetta” jidhru wkoll fuq it-tabelli jew kwalunkwe mezz ieħor li jintuża għal dan il-għan.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tinkludi d-dipartiment kollu ta’ Ardennes.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

(a)   Fatturi naturali

Il-parti tat-Tramuntana tad-dipartiment ta’ Ardennes, fit-Tramuntana ta’ linja mmarkata mill-widien orjentati mill-Majjistral għax-Xlokk ta’ Sormonne u ta’ Meuse, tikkonsisti fil-muntanji tal-Ardenne, firxa wiesgħa taflija li tilħaq għoli ta’ 505 m. Il-parti tan-Nofsinhar tad-dipartiment tikkorrispondi għall-ewwel parti tat-Tramuntana tal-pjanura ġibsija ta’ Champagne, b’pajsaġġ aktar omoġenju u ddedikat għall-kultivazzjonijiet kbar. Bejn dawn iż-żewġ entitajiet hemm Thiérache fil-punent u Argonne fil-Lvant, art kollha widien fejn iserrpu diversi xmajjar.

Id-dipartiment ta’ Ardennes jinsab f’żona ta’ transizzjoni bejn il-klima tat-tip kontinentali u l-klima oċeanika. Tinżel ħafna xita: sa 1 200 mm f’Ardenne, u madwar 900 sa 1 000 mm fi Thiérache u Argonne. It-temperatura medja ta’ dawn ir-reġjuni hija bejn 8 u 10 °C. Hija ma taqbiżx is-17 °C fis-sajf u bilkemm titla’ għal 2 °C fix-xitwa.

It-topografija, minħabba l-effett tad-differenza fl-altitudni osservata bejn it-Tramuntana (aktar minn 400 m) u n-Nofsinhar tad-dipartiment (inqas minn 200 m), għandha rwol importanti fuq il-klima taż-żona. Il-blat aċiduż u tafli tal-muntanji ta’ Ardenne, joħolqu klima lokalment aktar kiesħa u umduża, aċċentwata minn għadd kbir ta’ foresti. Fl-aħħar nett, id-diversi xmajjar ħaffru widien li ħolqu daqstant ieħor mikroklimi. Dawn huma kkaratterizzati mill-formazzjoni ta’ ċpar lokali matul il-lejl (id-dipartiment jirreġistra sa 120 jum ta’ ċpar fis-sena), u minn firxa wiesgħa ta’ temperaturi matul il-jum.

(b)   Fatturi umani

Fis-seklu dsatax, it-trobbija tal-majjali f’Ardennes kienet attività tal-familja. Ġeneralment, fl-irziezet, fid-djar tal-bdiewa, kienu jitrabbew minn ħanżir wieħed sa tnejn għall-konsum mill-familja stess u mill-ħwienet lokali. Victor CAYASSE, f’“Folklore de Guignicourt sur Vence et de Faissault”, 1920, kiteb dwar dan: “kull familja kienet toqtol mill-inqas ħanżir wieħed fis-sena u kienet tgħix is-sena kollha fuq il-laħam immellaħ u mnixxef tiegħu”. Jules LEFRANC, f’“Choses et gens de chez nous” (li nkiteb bejn wieħed u ieħor fl-1911), jiddeskrivi d-drawwiet tar-raħal żgħir ta’ Sainte Vaubourg fi żmien l-antenati tiegħu: “it-tank tal-melħ normalment kien ikun fil-kantina,[…] Il-biċċiet, li kienu jitlestew minn qabel, kienu jitniżżlu waħda waħda għand dak li kien jogħrokhom bil-melħ, li bil-paċenzja kollha kien ipoġġihom f’saffi, iferrxilhom il-bżar u l-ħwawar u jiksihom b’melħ griż.[…] Xahar u nofs wara, il-melħ kien jitneħħa minn fuq il-majjal u […]l-perżut u l-kwart tal-bejken kienu jiddendlu […]” Il-produtturi tal-laħam immellaħ tal-lum wirtu l-esperjenza u l-għarfien ta’ din it-tradizzjoni li nibtet mill-preżenza tal-majjali fl-ekonomija domestika lokali. Illum l-għarfien qed ikompli jinfirex fost id-diversi ġenerazzjonijiet ta’ produtturi ta’ laħam immellaħ li jiltaqgħu b’mod regolari sabiex itejbu l-prodotti tagħhom flimkien.

Dan l-għarfien qed ikompli jesprimi ruħu permezz tal-għażla tal-biċċiet, il-metodu ta’ tmelliħ xott, it-tidlik bl-idejn tal-perżut b’“tieqa” li tippermetti li twassal għal tnixxif bil-mod biex jiġi evitat li tifforma qoxra u l-perżut jibqa’ artab.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-“Jambon sec des Ardennes” u n-“Noix de jambon sec des Ardennes” jiżviluppaw riħa ta’ frott u togħma ta’ laħam niexef matul il-maturazzjoni tagħhom. Ma fihomx irwejjaħ ta’ affumikazzjoni. Jarmu riħa sottili ta’ bettieħ flimkien ma’ togħma ħelwa u mielħa fl-istess ħin. Ir-riħa tax-xaħam hija sottili ħafna, mingħajr sinjal ta’ tranġit.

Il-konsistenza eċċellenti tagħhom tippermetti li jitqattgħu faċilment f’biċċiet irqaq. L-istruttura omoġenja tagħhom hija pjuttost elastika u soda, mingħajr ma tqarmeċ. Il-perżut niexef u l-koxxa tal-perżut niexef fihom ftit meraq, huma pjaċevolment rotob u jdubu fil-ħalq.

5.3.   Ir-rabta każwali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiċi l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Ir-rabta maż-żona ġeografika tal-“Jambon sec des Ardennes” u tan-“Noix de jambon sec des Ardennes” hija bbażata fuq il-kwalità stabbilita u r-reputazzjoni tagħhom.

Id-dipartiment ta’ Ardennes igawdi minn klima umduża, minħabba, inter alia, l-ammont ta’ xita u l-frekwenza taċ-ċpar. Dawn il-kundizzjonijiet huma ideali għall-produzzjoni tal-perżut. Il-klima ta’ Ardennes toħloq tliet karatteristiċi essenzjali għall-manifattura tal-“Jambon sec des Ardennes” u tan-“Noix de jambon sec des Ardennes”: l-umdità, ir-riħ u t-temperaturi adegwati. It-tnixxif u l-maturazzjoni għaldaqstant iseħħu bil-mod u gradwalment. Dawn il-kundizzjonijiet ta’ ħażna, assoċjati mal-melħ tal-għorik miżjud bil-ħwawar, ħxejjex aromatiċi u zokkor jgħinu fl-iżvilupp u l-firxa tal-irwejjaħ u tat-togħmiet speċifiċi. Il-perżut jakkwista wkoll l-irtubija tiegħu.

Storikament, il-familji ta’ Ardennes kienu jagħmlu l-perżut għall-konsum proprju tagħhom minħabba l-klima speċifika ta’ Ardennes. It-tmelliħ kien isir fix-xhur kesħin għaliex dak iż-żmien ma kinitx teżisti r-refriġerazzjoni. It-tnixxif fil-kċina u l-maturazzjoni fil-kamra ta’ fuq nett ma baqgħux isiru, iżda l-mezzi attwali ta’ produzzjoni tal-kesħa u ta’ kontroll tal-umdità jgħinu biex dawn il-kundizzjonijiet jinħolqu mill-ġdid u jkunu kkontrollati tajjeb matul is-sena kollha.

Il-produtturi tal-laħam immellaħ kienu kapaċi jgħożżu dan l-għarfien antik dwar il-produzzjoni tal-perżut.

Il-fama tal-“Jambon sec des Ardennes” ilha mis-seklu dsatax. Il-“Jambon sec des Ardennes” huwa msemmi f’diversi pubblikazzjonijiet bħala referenza f’dak li jirrigwarda l-laħam mielaħ. Fl-1866, dokument ta’ Gustave HEUZE dwar il-majjal jispjega li “il-perżut Franċiż l-aktar prestiġġjuż jitħejja fid-dipartimenti ta’ Basses Pyrénées, ta’ Bas u ta’ Haut-Rhin, ta’ Meuse, ta’ Moselle, ta’ Ardennes u ta’ Vosges”.

Għaldaqstant huwa loġiku li l-“Jambon sec des Ardennes” kien ikun fuq il-menu tal-banketti u tal-ikliet ta’ tmiem is-seklu dsatax. Għalhekk, ukoll, ġie servut fil-pranzu li sar fil-21 ta’ Awwissu 1898 għall-Ministru tax-Xogħlijiet Pubbliċi meta inawgura l-ferrovija ta’ Raucourt, u fid-9 ta’ Novembru 1924, meta ġiet inawgurata l-lukanda l-ġdida tal-belt ta’ Nouzonville.

Il-“Jambon sec des Ardennes”, prodott minn għadd kbir ta’ manifatturi tal-laħmijiet ippreżervati u melħin tad-dipartiment biex jinbiegħ l-aktar lokalment, bil-mod il-mod inbidel fi produzzjoni sħiħa u beda jinbiegħ mill-bejjiegħa bl-ingrossa kif jixhed reklam tal-1929.

Stħarriġ li sar mill-Association des Salaisonniers d’Auvergne f’Marzu 1994, bl-appoġġ tal-Komunità Ekonomika u tal-Ministeru tal-Agrikultura, juri li l-“Jambon sec des Ardennes” huwa magħruf barra d-dipartiment, minkejja produzzjoni pjuttost modesta. Dan l-istħarriġ jindika li 23,4 % fost dawk li wieġbu l-istħarriġ kienu jafu bil-“Jambon sec des Ardennes”, li tqiegħdu fil-ħames post fost il-perżut imsemmi (9 b’kollox).

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

[L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4)]

http://agriculture.gouv.fr/IMG/pdf/CDCIGPJambonsecdesArdennesetNoixdejambonsecdesArdennesV1_BO_cle86172f.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Mibdul bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 3.


Top