EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009IP0372

L-integrazzjoni bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas- 7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (2008/2198(INI))

OJ C 212E, 5.8.2010, p. 32–36 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 212/32


Il-Ħamis, 7 ta’ Mejju 2009
L-integrazzjoni bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE

P6_TA(2009)0372

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet barranin tal-UE u fil-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat (2008/2198(INI))

2010/C 212 E/07

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 2, 3(2), 13, 137(1)(i) u 141 tat-Trattat KE,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea pproklamata fis-7 ta' Diċembru 2000,

wara li kkunsidra t-Trattat ta' Liżbona, iffirmat fit-13 ta' Diċembru 2007 f'Liżbona,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta' Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni Kontra n-Nisa,

wara li kkunsidra r-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa li saret f'Beijing f'Settembru 1995, id-Dikjarazzjoni u Pjattaforma għall-Azzjoni adottati f'Beijing u d-dokumenti sussegwenti dwar dak li rriżulta li ġew adottati fis-Sessjonijiet Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Beijing +5 u Beijing +10 dwar azzjonijiet u inizjattivi ulterjuri biex jimplimentaw id-Dikjarazzjoni u Pjattaforma għall-Azzjoni ta' Beijing adottati fid-9 ta' Ġunju 2000 u fil-11 ta' Marzu 2005 rispettivament,

wara li kkunsidra l-Aġenda tal-UE għall-Azzjoni dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, adottata mill-Kunsill fit-18 ta' Ġunju 2008,

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) S/RES/1325(2000), adottata fil-31 ta' Ottubru 2000, u S/RES/1820(2008), adottata fid-19 ta' Ġunju 2008, dwar in-nisa u l-paċi u s-sigurtà,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni tat-23 u l-24 ta' Mejju 2005 dwar is-Sigurtà Ewropea,

wara li kkunsidra d-dokument tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2008 intitolat “L-Implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 1325 tal-UNSC kif imsaħħa mir- riżoluzzjoni 1820 tal-UNSC fil-kuntest tal-ESDP”,

wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-13 ta' Novembru 2006 dwar il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjonital-ugwaljanza bejn is-sessi fl-immaniġġjar tal-kriżijiet,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008 dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa, b'mod partikolari fil-qafas tal-Politika Ewropea għas-Sigurtà u d-Difiża (PESD), u l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

wara li kkunsidra l-“Approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni mill-UE tar-Riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà” approvat mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008,

wara li kkunsidra l-ħidma li għaddejja fuq Dokument ta' Ħidma tal-Istaff tal-Kummissjoni bit-titolu “Lejn Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Irwol tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE”,

wara li kkunsidra l-iżvilupp tal-Politika Ewropea dwar il-Pajjiżi Ġirien mill-2004, u l-aktar ir-rapporti tal-Kummissjoni dwar il-progress tal-implimentazzjoni tagħha, u l-pjanijiet ta' azzjoni adottati flimkien mal-Armenja, l-Ażerbajġan, l-Eġittu, il-Ġeorġja, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Moldova, il-Marokk, l-Awtorità Palestinjana, it-Tuneżija u l-Ukrajna,

wara li kkunsidra l-proċess ta' tkabbir u r-rapporti ta' progress maħruġa mill-Kummissjoni,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fil-politika internazzjonali u ta' żvilupp u l-irwol tagħhom fis-sigurtà u l-paċi, l-aktar dik tal-1 ta' Ġunju 2006 (1), dik tas-16 ta' Novembru 2006 (2) u dik tat-13 ta' Marzu 2008 (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il- PEV, dwar l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE u dwar il-pajjiżi u r-reġjuni ġirien tal-UE,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-istrumenti ta' għajnuna esterna,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar il-perspettivi ta' żvilupp għall-konsolidazzjoni tal-paċi u tal-istrutturi tal-Istat f'sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt (4),

wara li kkunsidra l-Artikolu 45 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l- Ugwaljanza bejn is-Sessi (A6-0225/2009),

A.

billi t-twettiq tad-drittijiet umani tan-nisa, tat-tisħiħ tal-irwol tan-nisa u tal-intervent attiv mhuwiex importanti biss biex tkun indirizzata l-inugwaljanza bejn is-sessi u biex tkun implimentata dimensjoni ġenwina tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, iżda huwa essenzjali sabiex il-politika barranija tal-UE tkun implimentata b'suċċess, ukoll fl-oqsma tal-għajnuna, l-iżvilupp, it-tkabbir, il-politika dwar il-pajjiżi ġirien, is-soluzzjoni tal-kunflitti, l-istrutturar tas-sigurtà u tal-paċi u l-kummerċ internazzjonali,

B.

billi minkejja l-fatt li l-Istati Membri huma firmatarji tal-oqsfa internazzjonali ewlenin kollha dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa, u minkejja l-fatt li jeżistu għadd ta' dokumenti ta' politika fuq il-livell tal-UE, l-impenn prattiku biex jitmexxew ’il quddiem l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fil-politika barranija għadu dgħajjef, l-implimentazzjoni tad-dokumenti ta' politika eżistenti hija waħda modesta u r-riżorsi baġitarji ddedikati speċifikament għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi mhumiex biżżejjed,

C.

billi minkejja titjibiet konsiderevoli fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul dawn l-aħħar snin, l-istituzzjonijiet prinċipali tal-UE – jiġifieri l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni – m'għandhomx staff biżżejjed maħtur speċifikament biex jimplimenta l-objettivi ddikjarati rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma tal-politika esterna u tat-tkabbir, u l-parti l-kbira tal-istaff eżistenti responsabbli għall-kwistjonijiet marbuta mal-ugwaljanza tas-sessi jridu jgħaqqdu dik l-attività ma’ tal-anqas ġabra oħra ta' dmirijiet, u xi drabi anke tnejn,

D.

billi l-UE teħtieġ strateġija olistika u koerenti lejn l-inklużjoni tal-perspettiva tal-ġeneru,

Rimarki ġenerali

1.

Jagħraf li l-istituzzjonijiet tal-UE taw importanza dejjem akbar lill-perspettiva tal-ġeneru u lit-tisħiħ tal-irwol tan-nisa iżda jenfasizza li jonqos ħafna xi jsir biex l-impenji politiċi jitwettqu fil-prattika, u jisħaq dwar l-importanza li jkun hemm finanzjament adegwat u għadd xieraq ta' persunal responsabbli mill-implimentazzjoni tal-objettivi relatati mal-ugwaljanza tas-sessi;

2.

Ifakkar li l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tirrikjedi mhux biss stqarrijiet politiċi ta' livell għoli imma anki r-rieda politika tal-mexxejja tal-UE u l-Istati Membri, il-prijoritizzazzjoni tal-għanijiet u l-monitoraġġ tal-progress li sar;

3.

Jilqa’ l-adozzjoni ta’ “Approċċ komprensiv għall-implimentazzjoni fl-UE tal-UNSCR 1325(2000) u 1820(2008) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà” fuq imsemmi, kif ukoll l-adozzjoni mill-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali tat-8 ta' Diċembru 2008 tal-linji gwida dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u kif jistgħu jkunu miġġielda l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom; jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma adottawx il-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali tagħhom rigward il-UNSCR 1325 sabiex b'urġenza jikkonformaw mat-talba tal-Kunsill tas-Sigurtà biex jagħmlu dan; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi assistenza teknika u għajnuna lill-pajjiżi terzi li huma lesti li jiżviluppaw strateġiji nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmija hawn fuq;

4.

Jinsab kuntent li t-test rivedut tal-Istrateġija Ewropea għas-Sigurtà jinkludi referenza għar-Riżoluzzjonijiet S/RES/1325(2000) u S/RES/1820(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà msemmijin hawn fuq, kif ukoll għar-Riżoluzzjoni S/RES/1612(2005):

5.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tħaffef il-ħidma tagħha u biex sa Lulju 2009 tipproponi, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u mas-Segretarjat tal-Kunsill, “Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Irwol tan-Nisa fl-Azzjoni Esterna tal-UE”, sabiex jiġi applikat fis-27 Stat Membru u fin-negozjati ma' pajjiżi terzi, flimkien ma' ġabra ta' strumenti ta' monitoraġġ effettivi;

6.

Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex fid-djalogu politiku tal-UE u fid-diskussjonijiet ta' politika mal-pajjiżi sħab jinkludu sistematikament l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-irwol tan-nisa;

7.

Jitlob lid-delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew sabiex jindirizzaw il-kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-ugwaljanza bejn is-sessi u mat-tisħiħ tal-irwol tan-nisa fir-relazzjonijiet tal-Parlament mal-parlamenti ta' pajjiżi terzi; jenfasizza l-importanza li jkunu pprovduti appoġġ u għajnuna għall-parlamenti nazzjonali ta' pajjiżi terzi, bil-għan li tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jintroduċu l-perspettiva tal-ugwaljanza tas-sessi fix-xogħol leġiżlattiv tagħhom;

8.

Jenfasizza l-importanza tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fit-tisħiħ tal-irwol tan-nisa; jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiddedikalhom appoġġ finanzjarju adegwat u biex tippromwovi l-parteċipazzjoni ta' Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi tan-nisa fil-proċessi ta' djalogu politiku ma’ pajjiżi sħab, kif ukoll f'negozjati tal-paċi madwar id-dinja;

9.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jippromwovu l-koerenza fl-approċċ tal-politika tagħhom dwar l-integrazzjoni bejn is-sessi u l-għoti ta' setgħa lin-nisa; jitlob sabiex l-oqsfa differenti ta' politika li jeżistu f'dan il-qasam jinġabru flimkien f'Kunsens tal-UE dwar l-Ugwaljanza tas-Sessi, li jkun ikopri kemm il-politika interna kif ukoll dik barranija;

10.

Iħeġġeġ li regolarment jiġu organizzati konferenzi biex jiddibattu kwistjonijiet dwar opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, bil-parteċipazzjoni ta' delegazzjonijiet fil-livell tal-parlamenti nazzjonali, li jkunu magħmula minn kemm nisa u kemm irġiel, flimkien mal-ħolqien ta' strateġiji komuni għall-implimentazzjoni ta' proġetti relatati ma' dan is-suġġett;

11.

Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tindirizza u tipprijoritizza b'mod aktar konsistenti u sistematiku, l-inugwaljanzi bejn is-sessi fl-ipprogrammar u fl-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' assistenza esterna, l-aktar fir-rigward tal-provvediment ta' assistenza għar-riforma tas-settur tas-sigurtà; jinsisti li għandhom ikunu inklużi fid-dokumenti ta' strateġija tal-pajjiżi objettivi, attivitajiet u finanzjament li jkunu jikkonċernaw speċifikament l-ugwaljanza tas-sessi u li l-integrazzjoni tal-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza tas-sessi permezz ta' dawk id-dokumenti ta' strateġija għandha tiġi mtejba; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm approċċ olistiku fl-użu tal-istrumenti ta' għajnuna esterna, fosthom l-Istrument għall-Assistenza ta' qabel l-Adeżjoni, l-Istrument Ewropew għall-Politika tal-Viċinanza, l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, l-Istrument għall-Istabilità u programmi tematiċi bħall-programm “Investiment fin-Nies”, sabiex jintlaħqu bl-aħjar mod l-għanijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tat-tisħiħ tal-irwol tan-nisa;

12.

Iqis li r-riżorsi allokati għas-settur tas-saħħa, u għaldaqstant għas-saħħa tal-bniet u n-nisa, bħala insuffiċjenti meta wieħed iqis l-impenji tal-UE għall-politika tal-iżvilupp; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu allokati aktar riżorsi finanzjarji skont l-istrumenti ta' assistenza esterna għall-programmi tas-saħħa tan-nisa; jinnota li, skont ir-Rapport Speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Għajnuna tal-Iżvilupp tal-KE għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika tas-Sub-Sahara, ippubblikat f'Jannar tal-2009, l-allokazzjonijiet għas-settur tas-saħħa għal dak ir-reġjun ma żdidux mis-sena 2000 ’l hawn bħala proporzjon tal-għajnuna totali tal-KE għas-saħħa, filwaqt li l-Karta dwar il-Progress tal-Għanijiet tal-Iżvilupp għall-Millennju għadha tidentifika livelli għolja ħafna fir-rata tal-mortalità materna hemmhekk;

13.

Jinnota li integrazzjoni tas-sessi effettiva teħtieġ koordinazzjoni msaħħa bejn id-donaturi u l-atturi, mekkaniżmi ta' responsabilità u sjieda akbar tal-proċess ta' żvilupp mill-gvernijiet nazzjonali; jenfasizza f'dan ir-rigward il-valur miżjud tas-Sħubija KE/NU dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-Iżvilupp u l-Paċi, u tal-inizjattivi għal ibbaġittjar li jirrispondi għall-kwistjoni tal-ugwaljanza tas-sessi; jilqa’ b’sodisfazzjon it-twaqqif ta' task force għan-nisa, il-paċi u s-sigurtà kif previst fl-approċċ komprensiv fuq imsemmi għall-implimentazzjoni min-naħa tal-UE tar-Riżoluzzjonijijiet S/RES/1325(2000) u S/RES/1820(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà;

14.

Itenni l-ħtieġa li wieħed jikkonċentra mhux biss fuq in-nisa iżda wkoll fuq ir-relazzjonijiet tas-sessi bejn l-irġiel u n-nisa li joħolqu u jipperpetwaw inugwaljanzi bejn is-sessi; jemmen li, minħabba f'hekk, il-proġetti għandhom iqisu kemm lill-irġiel kif ukoll lin-nisa;

15.

Jenfasizza li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-ħtiġijiet tan-nisa li huma l-aktar vulnerabbli u l-aktar esklużi soċjalment, b'mod partikulari nisa b'diżabilità, refuġjati u nisa minn gruppi ta' minoranza;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżviluppa aktar il-proċeduri, l-istandards ta' referenza u l-indikaturi sabiex tkun żgura li hija tissodisfa l-impenji tagħha fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politika esterna tagħha;

17.

Iqis li l-Istitut Ewropew dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, imwaqqaf fl-2006, għandu jibda jopera mill-aktar fis possibbli u li l-mandat tiegħu għandu jkun estiż biex jinkludi l-politika barranija;

18.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw is-“Sejħa għall-Azzjoni ta' Brussell biex Tiġi Indirizzata l-Vjolenza Sesswali fil-Kunflitti u Lil Hinn Minnhom”;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jipprevenu u jikkumbattu kontra t-traffikar tal-bnedmin;

20.

Jenfasizza li l-istupru u l-vjolenza sesswali qed jintużaw bħala arma tal-gwerra; jisħaq li għandhom jiġu kkastigati bħala delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jitlob li jkun hemm aktar programmi ta' appoġġ għall-vittmi ta' dawk ir-reati;

21.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tikkapitalizza mis-sħubija tagħha man-Nazzjonijiet Uniti, billi tutilizza l-għarfien espert dinji ta' din tal-aħħar fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tat-tisħiħ tal-irwol tan-nisa, bil-għan li ssaħħaħ l-effikaċja u l-impatt tal-politika u tal-għajnuna tal-UE, u sabiex tiggarantixxi li jkun hemm koerenza fl-appoġġ estern għall-pajjiżi sħab biex dawn ikunu jistgħu jwettqu l-obbligi relevanti tagħhom;

L-inklużjoni tal-perspettiva tal-ugwaljanza tas-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE

22.

Iqis li l-għadd ta' persunal li bħalissa qed jaħdem fuq kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza tas-sessi fil-Kunsill u fil-Kummissjoni huwa inadegwat; jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet biex jallokaw aktar staff għall-istrutturi inkarigati mill-azzjoni esterna tal-UE b'responsabilità speċifika għall-integrazzjoni tal-ugwaljanza tas-sessi u tat-tisħiħ tal-irwol tan-nisa;

23.

Jinnota n-nuqqas kontinwat ta' nisa f'karigi ta' livell għoli fil-Kunsill u l-Kummissjoni, u jappella, b'mod partikulari, biex isiru aktar sforzi biex jiżdied in-numru ta' nisa fost il-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE u fost ir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE; jenfasizza li s-Servizz ta' Azzjoni Esterna tal-ġejjieni għandu jkollu bilanċ aħjar bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikulari fir-rigward tal-postijiet ta' livell għoli, u li għandu jinkludi aktar staff li jkun responsabbli mill-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-ugwaljanza tas-sessi;

24.

Jistieden lill-Istati Membri sabiex jinkludu aktar nisa fil-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PESD, u jitlob li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha u fil-fażijiet kollha tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tiżdied; jenfasizza l-ħtieġa li jiddaħħal it-tagħrif espert li għandu x'jaqsam mal-ugwaljanza tas-sessi sa mill-bidu tal-ippjanar ta' missjoni jew operazzjoni, u jenfasizza wkoll l-importanza li, qabel ma staff li jkun f'missjonijiet u operazzjonijiet, jingħata taħriġ sistematiku u sostanzjali fl-ugwaljanza tas-sessi;

25.

Jinnota li bħalissa qed isir sforz kbir sabiex jiġi integrat approċċ li jkun sensittiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kultura tal-PESD, inter alia billi tiġi żviluppata d-dimensjoni kwantitattiva tal-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi f'dik il-politika (eż. permezz ta' kwestjonarji, l-iżvilupp ta' listi ta' kontroll, l-għadd ta' kemm hemm irġiel u nisa f'operazzjonijiet tal-ESDP, eċċ); madanakollu, jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żviluppat il-qafas kunċettwali kwalitattiv meħtieġ sabiex jiġu mifhuma l-kuntest soċjoekonomiku li fih huma mħaddma l-missjonijiet tal-PESD (i.e. zoni ta' kunflitt) u l-kwistjonijiet li jirrigwardaw mill-qrib l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet u programmi;

26.

Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħatra ta' konsulent li jittratta d-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal kważi l-missjonijiet kollha tal-PESD, bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Novembru 2006 imsemmija hawn fuq; madankollu jenfasizza li x-xogħol ta' dawn il-konsulenti tal-ugwaljanza bejn is-sessi jista' jkun imminat min-nuqqas ta' politika konkreta tal-UE dwar l-ugwaljanza tas-sessi – b'mod partikolarment, nuqqas ta' kuxjenza dwar id-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi u/jew nuqqas ta' rieda li titqies l-importanza tagħha – u min-nuqqas ta' linji baġitarji allokati speċifikament għad-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fl-iffinanzjar tal-missjonijiet tal-PESD;

27.

Ifaħħar l-inizjattivi sabiex jiġi pprovdut taħriġ relatat mal-ugwaljanza tas-sessi lill-istaff li jkun mibgħut fuq missjonijiet tal-PESD u fil-kwartieri ġenerali korrispondenti, u l-isforz konsiderevoli tal-Kummissjoni sabiex tħarreġ lill-istaff tagħha, b'mod partikulari fi ħdan id-delegazzjonijiet; itenni li l-istaff kollu f'kull livell tal-ippjanar, l-ipprogrammar u l-implimentazzjoni tal-politika barranija tal-UE għandu jkun imħarreġ b'mod adegwat; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jiżguraw li taħriġ obligatorju jkun ipprovdut għall-istaff kollu li jkun f'missjonijiet u delegazzjonijiet, inkluż il-maniġment, u li huma jingħataw gwida dwar il-kwistjonijiet tal-ugwaljanza tas-sessi u t-tisħiħ tal-irwol tan-nisa;

28.

Jinsab konvint li l-ippjanar tal-missjonijiet tal-PESD għandu jqis l-inklużjoni tal-organizzazzjonijiet lokali tan-nisa fil-proċess tal-paċi, sabiex wieħed jibni fuq il-kontribut speċifiku li dawn jistgħu jagħmlu u sabiex jiġu rrikonoxxuti l-modi partikulari li bihom in-nisa huma affettwati mill-kunflitti;

29.

Jisħaq li, fil-preżent, il-kwoti huma mezz indispensabbli biex tiġi assigurata l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-missjonijiet ta' paċi u ta' sigurtà u fit-teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċessi nazzjonali u internazzjonali ta' rikostruzzjoni, u huma mezz indispensabbli biex tiġi ggarantita l-preżenza politika femminili madwar il-mejda tan-negozjati;

30.

Jenfasizza l-importanza ta' baġitjar li jkun sensittiv għall-perspettiva tal-ugwaljanza tas-sessi; jirrimarka li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi żviluppata bħala kwistjoni tematika fi strumenti ewlenin ta' għajnuna barranija, li għandhom jiġu allokati approprjazzjonijiet speċjali għall-kwistjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi u li għandhom ikunu ddefiniti standards ta' referenza sabiex jiġi mkejjel kemm qed ikunu użati b'mod effiċjenti l-fondi pprovduti;

*

* *

31.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.


(1)  ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 287.

(2)  ĠU C 314 E, 21.12.2006, p. 347.

(3)  Testi adottati, P6_TA(2008)0103.

(4)  Testi adottati, P6_TA(2008)0639.


Top