Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
SOMMARJU TA’:
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea
X’INHU L-GĦAN TAL-KARTA?
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) tipproteġi d-drittijiet fundamentali li jgawdu n-nies fl-Unjoni Ewropea (UE). Hija strument modern u komprensiv tal-liġi tal-UE, li tipproteġi u li tippromwovi d-drittijiet u l-libertajiet tan-nies fid-dawl tat-tibdil fis-soċjetà, il-progress soċjali u l-iżviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi.
PUNTI EWLENIN
Kontenut
Il-Karta tafferma mill-ġdid - bl-attenzjoni dovuta għas-setgħat u għall-kompiti tal-UE u għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà - id-drittijiet stabbiliti abbażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali u l-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri tal-UE, li jinkludu l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, il-karti soċjali adottati mill-UE u mill-Kunsill tal-Ewropa, u l-ġuriżprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Billi tagħmel id-drittijiet fundamentali aktar ċari u aktar viżibbli, hija toħloq ċertezza legali fi ħdan l-UE.
Il-karta tinkludi preambolu u 54 artikolu, miġburin f’seba’ kapitoli.
- Kapitolu I: id-dinjità (id-dinjità tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja, id-dritt għall-integrità tal-persuna, il-projbizzjoni tat-tortura u trattament inuman jew degradanti jew kastig, il-projbizzjoni tal-iskjavitu u tax-xogħol furzat).
- Kapitolu II: il-libertajiet (id-dritt għal-libertà u s-sigurtà, ir-rispett għall-ħajja privata u familjari, il-protezzjoni tad-data personali, id-dritt taż-żwieġ u tal-istabbiliment ta’ familja, il-libertà tal-ħsieb, kuxjenza u reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u informazzjoni, il-libertà ta’ assemblea u assoċjazzjoni, il-libertà tal-arti u x-xjenzi, id-dritt għall-edukazzjoni, il-libertà tal-għażla tal-okkupazzjoni u d-dritt li persuna tinvolvi ruħha f’xogħol, il-libertà li persuna tmexxi negozju, id-dritt għall-proprjetà, id-dritt għall-ażil, il-protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni).
- Kapitolu III: l-ugwaljanza (ugwaljanza quddiem il-liġi, in-non-diskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, id-drittijiet tat-tfal, id-drittijiet tal-anzjani, l-integrazzjoni ta’ persuni b’diżabbiltà).
- Kapitolu IV: solidarjetà (id-dritt tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni fi ħdan l-impriża, id-dritt ta’ negozjar u ta’ azzjoni kollettiva, id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ impjieg, il-protezzjoni fil-każ ta’ tkeċċija inġusta, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, il-projbizzjoni ta’ impjieg ta’ tfal u l-protezzjoni ta’ żgħażagħ fuq ix-xogħol, tal-ħajja tal-familja u dik professjonali, is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, il-kura tas-saħħa, l-aċċess għal servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumatur).
- Kapitolu V: drittijiet taċ-ċittadini (id-dritt għall-vot u li persuna toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u fl-elezzjonijiet muniċipali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti, l-Ombudsman Ewropew, id-dritt ta’ petizzjoni, il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza, u l-protezzjoni diplomatika u konsulari).
- Kapitolu VI: ġustizzja (id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dritt għad-difiża, il-prinċipji tal-legalità u l-proporzjonalità ta’ reati kriminali u ta’ pieni, id-dritt li persuna ma tiġix iġġudikata jew tingħata piena darbtejn fi proċeduri kriminali għall-istess offiża kriminali).
- Kapitolu VII: dispożizzjonijiet ġenerali.
Kamp ta’ applikazzjoni
Il-karta tapplika għall-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE fl-azzjonijiet kollha tagħhom. Ma testendix is-setgħat u l-kompiti mogħtija lilhom mit-trattati. Il-karta tapplika wkoll għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-UE.
Il-karta tapplika flimkien ma’ sistemi ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali nazzjonali u internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.
Rapporti annwali
Kull sena mill-2010, il-Kummissjoni Ewropea tippubblika rapport annwali li jwettaq monitoraġġ tal-progress fl-applikazzjoni tal-karta. Mill-2021, wara l-istrateġija għat-tisħiħ tal-applikazzjoni tal-Karta fl-UE (ara s-sommarju), ir-rapport tal-karta jiffoka kull sena fuq qasam tematiku differenti ta’ rilevanza strateġika rregolat mil-liġi tal-UE.
SFOND
- Fl-1999, il-Kunsill Ewropew ikkonkluda li d-drittijiet fundamentali applikabbli fil-livell tal-UE għandhom jiġu konsolidati f’karta biex jingħataw aktar viżibbiltà.
- Il-Karta ġiet ipproklamata formalment f’Nizza f’Diċembru tas-sena 2000 mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kummissjoni.
- Il-karta saret legalment vinkolati bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, (ara s-sommarju) f’Diċembru 2009, u issa għandha l-istess valur legali bħat-trattati tal-UE.
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 389–405).
l-aħħar aġġornament 14.01.2022