Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja (arbitraġġ)

L-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja (arbitraġġ)

 

SOMMARJU TA’:

Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja — aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI?

Din il-konvenzjoni intergovernattiva, magħrufa wkoll bħala l-konvenzjoni dwar l-arbitaġġ, tintroduċi proċedura għall-eliminazzjoni tat-tassazzjoni doppja f’sitwazzjonijiet speċifiċi. Pereżempju, fejn fergħat ta’ kumpaniji multinazzjonali (kumpaniji assoċjati) li huma bbażati f’pajjiżi differenti tal-UE huma ntaxxati minn aktar minn pajjiż wieħed tal-UE bħala riżultat ta’ aġġustament ’il fuq fil-profitti tagħhom f’pajjiż ieħor tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Meta jirriżulta każ ta’ tassazzjoni doppja, il-kumpanija affettwata tista’ tippreżenta l-każ tagħha lill-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati; jekk dawk l-awtoritajiet ma jistgħux isolvu l-problema b’mod sodisfaċenti, huma jfittxu li jilħqu ftehim reċiproku mal-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE fejn id-ditta assoċjata hija intaxxata.

Jekk l-awtoritajiet fiż-żewġ pajjiżi tal-UE ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim, huma jippreżentaw il-każ lil kummissjoni konsultattiva, li tissuġġerixxi mod kif tinstab soluzzjoni għat-tilwima.

Għalkemm l-awtoritajiet tat-taxxa jistgħu sussegwentement jadottaw, bi ftehim reċiproku, soluzzjoni li hija differenti minn dik issuġġerita mill-kummissjoni konsultattiva, huma obbligati li jadottaw il-parir tal-kummissjoni jekk ma jkunux jistgħu jilħqu ftehim. Il-kummissjoni hija magħmula minn president, żewġ rappreżentanti minn kull waħda mill-awtoritajiet tat-taxxa kkonċernati, u numru ugwali ta’ membri indipendenti.

Il-konvenzjoni ġiet iffirmata fit-23 ta’ Lulju 1990 u daħlet fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 1995 sal-31 ta’ Diċembru 1999 (għal perjodu ta’ ħames snin). Fil-25 ta’ Mejju 1999, il-Kunsill adotta protokoll li jemenda l-konvenzjoni; u jestendiha għal perjodi ulterjuri ta’ ħames snin kull darba.

Kodiċi tal-Kondotta

Kodiċi ta’ kondotta għall-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjoni ġtfassal mill-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment (JTPF) u adottat fl-2006. Il-JTPF, li kien stabbilit fl-2002, jassisti u jagħti pariri lill-Kummissjoni Ewropea dwar kwistjonijiet dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment*. Kodiċi ta’ kondotta rivedut ġie adottat fl-2009. Il-kodiċi ta’ kondotta jikkjarifika aspetti li jinkludu:

  • il-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni,
  • l-ammissibbiltà ta’ każ,
  • il-proċeduri ta’ ftehim reċiproku u
  • il-proċeduri ta’ riżoluzzjoni ta’ tilwim.

Estensjoni tal-konvenzjoni għal pajjiżi ġodda tal-UE

Ftit ftit, peress li aktar u aktar pajjiżi saru membri tal-UE, il-konvenzjoni ġiet estiża lilhom permezz tal-istrumenti legali li ġejjin:

  • konvenzjoni fl-1995 dwar l-adeżjoni tal-Awstrija, il-Finlandja u l-Iżvezja għall-konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja b’konnessjoni mal-aġġustament tal-profitti tal-intrapriżi assoċjati;
  • konvenzjoni fl-2005 dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tal-Estonja, ta’ Ċipru, tal-Latvja, tal-Litwanja, tal-Ungerija, ta’ Malta, tal-Polonja, tas-Slovenja u tas-Slovakkja għall-konvenzjoni;
  • att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Bulgarija u r-Rumanija u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija msejsa l-UE;
  • L-att ta’ adeżjoni tal-Kroazja mal-UE li permezz tiegħu l-pajjiż aderixxa għall-konvenzjoni u l-protokoll. Id-Deċiżjoni 2014/899/UE stabbilixxiet id-data tad-dħul fis-seħħ tal-konvenzjoni u tal-protokoll għall-Kroazja u emendat it-test tal-konvenzjoni skont l-adeżjoni tal-Kroazja.

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852

F’Ottubru 2017, il-Kunsill adotta d-Direttiva (UE) 2017/1852 dwar mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim fiskali fl-UE li jibni fuq il-konvenzjoni dwar l-arbitraġġ. L-iskop tad-direttiva huwa usa’ minn dak tal-konvenzjoni u se japplika għall-kontribwenti kollha soġġetti għal taxxi fuq id-dħul u l-kapital koperti mit-trattati bilaterali dwar it-taxxa u l-konvenzjoni dwar l-arbitraġġ. Maż-żmien, l-użu tal-konvenzjoni dwar l-arbitraġġ jista’ jonqos, minħabba l-vantaġġi tad-direttiva li titlob li titneħħa t-taxxa doppja.

MINN META TAPPLIKA L-KONVENZJONI?

Din ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 1995.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Il-prezzijiet ta’ trasferiment: prezz, użat għal skopijiet ta’ żamma tal-kotba, li jivvaluta tranżazzjonijiet bejn kumpaniji affiljati li jaqgħu taħt l-istess maniġment f’livelli artifiċjalment għoljin jew baxxi sabiex isir ħlas ta’ dħul mhux speċifikat jew trasferiment ta’ kapital bejn dawk il-kumpaniji.

DOKUMENT EWLIENI

Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja in konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ ta’ intrapriżi assoċjati (ĠU L 225, 20.8.1990, pp. 10-24)

Emendi suċċessivi għall-konvenzjoni ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/1852 tal-10 ta’ Ottubru 2017 dwar Mekkaniżmi għas-Soluzzjoni tat-Tilwim dwar it-Taxxa fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 265, 14.10.2017, pp. 1-14)

Kodiċi ta’ Kondotta Rivedut għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja b’konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ tal-intrapriżi assoċjati (ĠU C 322, 30.12.2009, pp. 1-10)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-xogħol tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment fil-qasam ta’ evitar ta’ tilwim u ta’ proċeduri ta’ riżoluzzjoni u dwar Linji Gwida għal Arranġamenti Preliminari ta’ Prezzijiet ta’ Trasferiment fl-UE (COM(2007) 71 final, 26.2.2007)

Riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 2006 dwar kodiċi ta’ kondotta dwar id-dokumentazzjoni tal-prezzijiet ta’ trasferiment għal intrapriżi assoċjati fl-Unjoni Ewropea (EU TPD) (ĠU C 176, 28.7.2006, pp. 1-7).

Kodiċi ta’ Kondotta għall-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar l-eliminazzjoni tat-taxxa doppja b’konnessjoni mal-aġġustament tal-qligħ tal-intrapriżi assoċjati (ĠU C 176, 28.7.2006, pp. 8-12)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-xogħol tal-Forum Konġunt tal-UE dwar il-Prezzijiet ta’ Trasferiment dwar id-dokumentazzjoni dwar il-prezzijiet ta’ trasferiment għal intrapriżi assoċjati fl-UE (COM(2005) 543 final, 7.11.2005)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar ix-xogħol tal-Forum Konġunt tal-UE dwar l-Ipprezzar ta’ Trasferiment fil-qasam ta’ taxxa fuq in-negozju minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2003 u dwar proposta għal Kodiċi ta’ Kondotta għal implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni dwar l-Arbitraġġ (90/436/EEC of 23 ta’ Lulju 1990) (COM(2004) 297 final, 23.4.2004)

l-aħħar aġġornament 14.12.2017

Top