Ewropa Kreattiva
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (UE) 2021/818 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 to 2027)
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Il-programm Ewropa kreattiva għandu l-għan li:
- jissalvagwardja, jiżviluppa u jippromwovi d-diversità u l-wirt kulturali u lingwistiku Ewropew;
- iżid il-kompetittività u l-potenzjal ekonomiku tas-setturi kulturali u kreattivi, b’mod partikolari s-settur awdjoviżiv.
PUNTI EWLENIN
Il-programm għandu tliet objettivi speċifiċi:
- li jtejjeb il-kooperazzjoni artistika u kulturali fil-livell tal-Unjoni Ewropea (UE) biex jappoġġa l-ħolqien ta’ xogħlijiet Ewropej u jsaħħaħ id-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u esterni ta’ — u l-innovazzjoni u l-mobilità — fis-setturi kulturali u kreattivi Ewropej;
- li jippromwovi l-kompetittività, l-iskalabilità, il-kooperazzjoni, l-innovazzjoni u s-sostenibilità, inkluż permezz tal-mobilità, fis-settur awdjoviżiv Ewropew;
- li jippromwovi kooperazzjoni fuq il-politika u azzjonijiet innovattivi li jappoġġaw l-aspetti kollha tal-programm u biex jippromwovu ambjent tal-midja divers, indipendenti u pluralistiku, flimkien mal-litteriżmu fil-midja, u b’hekk irawwem il-libertà tal-espressjoni artistika, id-djalogu interkulturali u l-inklużjoni soċjali.
Linji ta’ azzjoni
Il-programm jikkonsisti fi tliet aspetti distinti, kull wieħed bi prijoritajiet definiti:
- aspett kulturali li jkopri s-setturi kulturali u kreattivi, bl-eċċezzjoni tas-settur awdjoviżiv — il-prijoritajiet tiegħu jinkludu t-tisħiħ tal-kooperazzjoni transnazzjonali u d-dimensjoni transfruntiera tal-ħolqien, iċ-ċirkolazzjoni u l-viżibilità ta’ xogħlijiet Ewropej;
- aspett tal-midja li jkopri s-settur awdjoviżiv — il-prijoritajiet tiegħu jinkludu l-istimolazzjoni ta’ kooperazzjoni transfruntiera, il-mobilità u l-innovazzjoni fil-ħolqien u l-produzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej;
- aspett bejn is-setturi jkopri azzjonijiet fis-setturi kulturali u kreattivi kollha — il-prijoritajiet tiegħu jinkludu l-appoġġ ta’ kooperazzjoni fuq il-politika transnazzjonali bejn is-setturi dwar il-promozzjoni tar-rwol tal-kultura għall-inklużjoni soċjali u dwar il-libertà artistika, flimkien ma’ ġurnaliżmu ta’ kwalità u l-litteriżmu fil-midja.
Baġit
- Il-programm se jdum mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027, jiġifieri t-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali.
- Huwa għandu baġit ta’ EUR 1.8424 biljun fi prezzijiet kurrenti, b’EUR 600 miljun addizzjoniali fi prezzijiet tal-2018.
- Mill-inqas 33% minn dan l-ammont huwa allokat għall-kultura, mill-inqas 58% għall-midja u sa 9% għal azzjonijiet bejn is-setturi.
- Ir-regolament jinkludi l-forom tal-finanzjament disponibbli u r-regoli għall-għoti ta’ tali fondi.
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.
SFOND
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 to 2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (ĠU L 189, 28.5.2021, pp. 34-60)
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)
Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
l-aħħar aġġornament 19.07.2021
Top