This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62008CJ0472
Judgment of the Court (First Chamber) of 21 January 2010.#Alstom Power Hydro v Valsts ieņēmumu dienests.#Reference for a preliminary ruling: Augstākās Tiesas Senāts - Latvia.#Reference for a preliminary ruling - Sixth VAT Directive - Article 18(4) - National legislation laying down a limitation period of three years for the refund of excess VAT.#Case C-472/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Jannar 2010.
Alstom Power Hydro vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās Tiesas Senāts - il-Latvja.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 18(4) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għar-rimbors ta’ ħlas żejjed tal-VAT.
Kawża C-472/08.
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (l-Ewwel Awla) tal-21 ta' Jannar 2010.
Alstom Power Hydro vs Valsts ieņēmumu dienests.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Augstākās Tiesas Senāts - il-Latvja.
Talba għal deċiżjoni preliminari - Sitt Direttiva tal-VAT - Artikolu 18(4) - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għar-rimbors ta’ ħlas żejjed tal-VAT.
Kawża C-472/08.
ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:32
*A9* Augstākās tiesas Senāts, Lēmums 23/10/2008 (Lieta Nr.A42267105, SKA - 459/2008)
*P1* Augstākās tiesas Senāts, Administratīvo lietu departaments, Spriedums 15/04/2010 (A42267105 ; SKA-2/2010)
*P2* Administratīvā apgabaltiesa, Spriedums 25/11/2010 (A42267105 ; AA43-2342-10/8)
*P3* Augstākās tiesas Senāts, Administratīvo lietu departaments, Spriedums 05/09/2011 (A42267105 ; SKA-308/2011)
*P4* Administratīvā apgabaltiesa, Lēmums 06/12/2011 (A42267105 ; AA43-3522-11/15)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
21 ta’ Jannar 2010 ( *1 )
“Talba għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 18(4) — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT”
Fil-Kawża C-472/08,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Augstākās Tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Ottubru 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2008, fil-proċedura
Alstom Power Hydro
vs
Valsts ieņēmumu dienests,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ottubru 2009,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Alstom Power Hydro, minn V. Gencs, avukat, |
— |
għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn D. Jakāns u I. Pētersone, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Latvjan, minn D. Jakāns kif ukoll minn K. Drēviņa u E. Eihmane, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn M. Angiolini, barrister, |
— |
għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn A. Sauka u M. Afonso, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Alstom Power Hydro (iktar ’il quddiem “Alstom”), is-sussidjarja tal-kumpannija Alstom Hydro France, u l-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar ir-rimbors ta’ eċċess tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa minn Alstom. |
Il-kuntest ġuridiku
Is-Sitt Direttiva
3 |
L-Artikolu 18(2) sa (4) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li: “2. Il-persuna taxxabbli għandha teffetwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tat-taxxa fuq il-valur miżjud dovut għall-perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali fir-rigward ta’ li, matul l-istess perjodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u jista’ jkun eserċitat taħt id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1. […] 3. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijet u l-proċeduri fejn persuna taxxabbli tista’ tkun awtorizzata biex tagħmel it-tnaqqis li hu ma għamilx b’mod konformi mad-disposizzjonijiet ta’ paragrafi 1 u 2. 4. Fejn għal perjodu partikolari ta’ taxxa l-ammont ta’ tnaqqis awtorizzati jeċċedu l-ammont tat-taxxa dovuta, l-Istati Membri jistgħu jew jagħmlu ħlas lura jew imexxu l-eċċess ’l quddiem għall-perjodu li jmiss skond il-kondizzjonijet li huma għandhom jiddeterminaw. Madankollu, Stati Membri jistgħu jirrifjutaw iħallsu lura jew imexxu ’l quddiem jekk l-ammont ta’ l-eċċess hu insinifikanti.” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
4 |
B’mod konformi mal-Articlu 12(10) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (likums par pievienotās vērtības nodokļi, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 49, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), il-persuna taxxabbli tista’ titlob li l-ammont tal-VAT indebitament imħallas jiġi paċut kontra taxxi, ħlasijiet jew drittijiet dovuti lill-Istat. |
5 |
Skont l-Artikolu 12(11) tal-istess liġi, il-VID tiddisponi minn 30 ġurnata minn meta tkun irċeviet talba fondata minn persuna taxxabbli, flimkien mad-dokumenti ta’ sostenn, sabiex tirrimborsa l-eċċess lil din tal-aħħar. |
6 |
L-Artikolu 16(10) tal-liġi fuq it-taxxi u l-ħlasijiet (likums par nodokļiem un nodevām, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 26, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar it-taxxi u l-ħlasijiet”), applikabbli għat-taxxa u l-ħlasijiet kollha, jipprovdi li l-persuni taxxabbli jistgħu jressqu t-talba tagħhom għal rimbors ta’ eċċess matul terminu ta’ tliet snin wara li jkun skada t-terminu ta’ ħlas ta’ dawn. |
7 |
L-Artikolu 18(2) tal-liġi dwar it-taxxi u l-ħlasijiet tagħti lil VID il-kompitu li tivverifika jekk il-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet u taxxi ġiex effettwat korrettament mill-persuna taxxabbli u jekk dawn il-ħlasijiet effettivament twettqux. B’mod konformi mal-Artikolu 23(1) ta’ din il-liġi, meta investigazzjoni turi l-eżistenza ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet fiskali, il-VID tista’ tirretifika l-ammont tal-VAT dovut u timponi multi matul perijodu ta’ tliet snin wara li jkun skada t-terminu ta’ ħlas ta’ din it-taxxa. |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 |
Fis-7 ta’ Ottubru 2004, Alstom talbet, b’mod konformi mal-Artikolu 12(10) u (11) tal-liġi dwar il-VAT, ir-rimbors tal-ammonti li hija allegat li ħallset indebitament għall-perijodu bejn l-1998 u l-1 ta’ Ottubru 2004. |
9 |
Il-VID iddeċidiet li ma tagħtix rimbors tal-VAT fuq l-ammont ta’ LVL 288184 u li tagħti bidu għal investigazzjoni fuq l-ammont li kien jifdal, li kien ta’ LVL 31265. Fid-deċiżjoni tagħha, hija kkonstatat li Alstom kienet qabżet it-terminu ta’ tliet snin stabbilit għat-tressiq ta’ talbiet għal rimbors ta’ eċċess skont l-Artikolu 16(10) tal-liġi dwar it-taxxi u l-ħlasijiet. |
10 |
Alstom ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni billi b’mod partikolari sostniet li l-VID kellha tapplika l-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva, li ma jipprovdi l-ebda limitu ta’ żmien għad-dritt li titlob rimbors tal-eċċess, u li għaldaqstant, ma setgħetx tapplika fil-konfront tagħha t-terminu ta’ preskrizzjoni previst fl-Artikolu 16(10) tal-liġi dwar it-taxxi u l-ħlasijiet. |
11 |
Billi r-rikors tagħha ġie miċħud kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fl-appell, Alstom appellat fuq punt ta’ liġi quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn b’mod partikolari sostniet li r-Repubblika tal-Latvja, bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, għandha l-obbligu li tittrasponi l-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħha u li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Istati Membri ma jistgħux, bħal f’dan il-każ, ineħħu d-dritt għal rimbors tal-eċċess tal-VAT. |
12 |
Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Augstākās Tiesas Senāts iqis li, meta l-VID teżamina t-talbiet għal rimbors tal-eċċess tal-VAT, hija għandha d-dritt li twettaq investigazzjonijiet. Madankollu, f’sitwazzjoni bħal din, hija għandha tosserva t-terminu ta’ tliet snin previst fl-Artikolu 23(1) tal-liġi dwar it-taxxi u l-ħlasijiet. Fin-nuqqas ta’ terminu ta’ preskrizzjoni tad-dritt tal-persuni taxxabbli li jitolbu rimbors għall-eċċess tal-VAT li jikkorrispondi għat-terminu li matulu l-VID għandha d-dritt tagħti deċiżjoni fiskali ta’ rettifika insegwitu għal stħarriġ, din f’kull każ għandha teżamina t-talbiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jsir abbuż mil-leġiżlazzjoni nazzjonali minn persuna taxxabbli, meta dan jitlob ir-rimbors tal-eċċess tal-VAT għal perijodu tali li fir-rigward tiegħu l-VID ma għadhiex iktar tiddisponi mill-fakultà li tipproċedi għal investigazzjoni. |
13 |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustnazi li l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva […] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tipprekludi li Stat [Membru] jipprovdi fil-leġiżlazzjoni tiegħu terminu ta’ tliet snin għall-preskrizzjoni tad-dritt li jinkiseb ir-rimbors tal-eċċess [tal-VAT] (id-differenza bejn it-taxxa kkalkolata u l-akkont ta’ taxxa mħallsa)?” |
Fuq id-domanda preliminari
14 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi liġi ta’ Stat Membru li tipprovdi terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talba għal rimbors tal-eċċess tal-VAT miġbur indebitament mill-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat. |
15 |
L-ewwel nett għandu jingħad li, jekk huwa minnu dak li enfasizzat Alstom, li mill-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva tali terminu ta’ preskrizzjoni ma jirriżultax, xorta jibqa’ l-fatt li din iċ-ċirkustanza waħidha ma twassalx għall-konklużjoni li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżerċizzju tad-dritt għar-rimbors tal-eċċess tal-VAT ma huwiex suġġett għal terminu ta’ preskrizzjoni. |
16 |
Fil-fatt, minn naħa, b’analoġija mas-sitwazzjoni applikabbli għall-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, il-possibbiltà li tiġi mressqa talba għal rimbors tal-eċċess tal-VAT mingħajr ebda limitu ratione temporis tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li jeżiġi li s-sitwazzjoni fiskali tal-persuna taxxabbli, fir-rigward tad-drittijiet u tal-obbligi tagħha lejn l-amministrazzjoni fiskali, ma tkunx indefinittivament esposta għar-riskju li tiġi kkontestata (sentenza tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, Ġabra p. I-3457, punt 44). |
17 |
Min-naħa l-oħra, huwa stabbilit li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni Komunitarja fil-qasam ta’ rifużjonijiet ta’ taxxi nazzjonali indebitament miġbura, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li b’mod partikolari għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt Komunitarju, bil-kundizzjoni li dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li fil-prattika ma jrendux l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali Komunitarja impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1998, Aprile, C-228/96, Ġabra p. I-7141, punt 18, kif ukoll tal-11 ta’ Lulju 2002, Marks & Spencer, C-62/00, Ġabra p. I-6325, punt 34). |
18 |
Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ekwivalenza, mill-fajl ma jirriżultax, u fuq kollox, lanqas ma kien ġie allegat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li t-terminu ta’ preskrizzjoni pprovdut fl-Artikolu 16(10) tal-liġi dwar it-taxxi u ħlasijiet ma josservax dan il-prinċipju. |
19 |
F’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ effettività, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tal-iffissar ta’ termini raġonevoli ta’ dekadenza għall-preżentata ta’ rikorsi fl-interess taċ-ċertezza legali li tipproteġi kemm lill-persuni taxxabbli kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata (ara f’dan is-sens, is-sentenza Aprile, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, termini bħal dawn mhumiex ta’ natura li jrendu prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju ta’ drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni. |
20 |
Dwar il-kwistjoni ta’ x’għandu jinftiehem minn terminu “raġonevoli”, għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, b’mod partikolari, li terminu ta’ dekadenza ta’ sentejn ma jistax, fih innifsu, jirrendi prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli d-dritt għal tnaqqis, fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 18(2) tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jirrikjedu li l-persuna taxxabbli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha matul l-istess perijodu li fih tnissel dan id-dritt (sentenza Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 48). |
21 |
Din l-istess konklużjoni tapplika iktar u iktar fir-rigward ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin, bħal dak applikabbli fil-kawża prinċipali, billi fil-prinċipju dan it-terminu huwa ta’ natura li jippermetti lill-persuni kollha taxxabbli li huma normalment diliġenti li b’mod validu jasserixxu d-drittijiet tagħhom kif jirriżultaw mis-sistema legali tal-Unjoni. |
22 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talba għal rimbors tal-eċċess tal-VAT miġbur indebitament mill-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat. |
Fuq l-ispejjeż
23 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 18(4) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tipprovdi għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ tliet snin għat-tressiq ta’ talba għal rimbors tal-eċċess tal-VAT miġbur indebitament mill-amministrazzjoni fiskali ta’ dan l-Istat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.