EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D0920

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/920 tal-20 ta' Mejju 2016 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

OJ L 154, 11.6.2016, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2016/920/oj

Related international agreement

11.6.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 154/1


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/920

tal-20 ta' Mejju 2016

dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 16, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fit-3 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tibda negozjati mal-Gvern tal-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti) rigward Ftehim dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tiġi ttrasferita u pproċessata għall-fini tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu.

(2)

In-negozjati mal-Gvern tal-Istati Uniti tlestew u t-test tal-Ftehim ġie inizjalat fit-8 ta' Settembru 2015.

(3)

Il-Ftehim għandu l-għan li jistabbilixxi qafas komprensiv ta' prinċipji u salvagwardji għall-protezzjoni tad-data meta informazzjoni personali tiġi ttrasferita għal fini ta' infurzar tal-liġi kriminali bejn l-Istati Uniti, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra. L-għan huwa li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tad-data u, b'hekk, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Partijiet. Filwaqt li mhuwiex fih innifsu l-bażi legali għal kwalunkwe trasferiment ta' informazzjoni personali lejn l-Istati Uniti, il-Ftehim jissupplimenta, fejn meħtieġ, is-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data eżistenti u futuri, ftehimiet ta' trasferiment tad-data jew id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jawtorizzaw tali trasferimenti.

(4)

L-Unjoni għandha kompetenza li tkopri d-dispożizzjonijiet kollha tal-Ftehim. B'mod partikolari, l-Unjoni adottat id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar -moviment liberu ta' dik id-data. It-trasferimenti mill-Istati Membri soġġetti għal salvagwardji adattati huma previsti mill-Artikolu 37(1)(a) ta' dik id-Direttiva.

(5)

F'konformità mal-Artikolu 6a tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta mir-regoli stabbiliti f'dan il-Ftehim li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jkunu qegħdin iwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitoli 4 jew 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE fejn ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex marbuta bir-regoli li jirregolaw il-forom ta' kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali jew kooperazzjoni tal-pulizija li jeħtieġu konformità mad-dispożizzjonijiet stipulati f'dan il-Ftehim.

(6)

Skont l-Artikoli 2 u 2a tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhijiex marbuta bir-regoli stipulati fil-Ftehim jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħhom li jirrigwardaw l-ipproċessar ta' data personali mill-Istati Membri meta jwettqu attivitajiet li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tal-Kapitolu 4 jew 5 tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-TFUE.

(7)

Kwalunkwe notifika taħt l-Artikolu 27 tal-Ftehim fir-rigward tar-Renju Unit, l-Irlanda jew id-Danimarka għandu jsir f'konformità mal-istatus ta' dawk l-Istati Membri taħt id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u f'konsultazzjoni mill-qrib magħhom.

(8)

Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f'data aktar tard,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali hija b'dan awtorizzata, suġġetta għall-konklużjoni ta' dak il-Ftehim (2).

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina lill-persuna jew persuni bis-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim f'isem l-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta' Mejju 2016.

Għall-Kunsill

Il-President

K.H.D.M. DIJKHOFF


(1)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

(2)  It-test tal-Ftehim ser jiġi ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni dwar il-konklużjoni tiegħu.


Top