EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1258

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1258/2011 tat- 2 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi għan-nitrati fl-oġġetti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

OJ L 320, 3.12.2011, p. 15–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Special edition in Croatian: Chapter 13 Volume 062 P. 209 - 211

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 24/05/2023; Impliċitament imħassar minn 32023R0915

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2011/1258/oj

3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1258/2011

tat-2 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1881/2006 dwar il-livelli massimi għan-nitrati fl-oġġetti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 315/93 tat-8 ta’ Frar 1993 li jistabbilixxi proċeduri tal-Komunità għall-kontaminanti fl-ikel (1), u b'mod partikulari l-Artikolu 2(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1881/2006 tad-19 ta’ Diċembru 2006 li jiffissal-livelli massimi ta’ ċerti kontaminanti fl-oġġetti tal-ikel (2) jistabbilixxi l-livelli massimi ta’ nitrati f'ċerti ħxejjex werrieqa.

(2)

F'xi każijiet, minkejja żviluppi fi prattiki agrikoli tajbin, il-livelli massimi jinqabżu u għaldaqstant ingħatat deroga temporanja lil ċerti Stati Membri biex dawn iqiegħdu fis-suq tagħhom ċerti ħxejjex werrieqa, imkabbra u maħsuba għall-konsum fit-territorju tagħhom stess b'livelli ta’ nitrati ogħla mil-livelli stabbiliti massimi.

(3)

Mindu ġew applikati livelli massimi ta’ nitrati fil-ħass u l-ispinaċi, saru bosta investigazzjonijiet dwar il-fatturi involuti fil-preżenza tan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu biex titnaqqas kemm jista' jkun il-preżenza tan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi. Minkejja l-progress miksub fil-prattiki agrikoli tajbin biex titnaqqas il-preżenza tan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi u l-applikazzjoni stretta ta’ dawn il-prattiki agrikoli tajbin, mhux possibbli li jinkisbu b'mod konsistenti livelli ta’ nitrati taħt il-livelli massimi attwali fil-ħass u l-ispinaċi frisk f'ċerti reġjuni tal-Unjoni. Ir-raġuni hija li l-klima u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet tad-dawl huma l-fatturi determinanti ewlieni fir-rigward tal-preżenza tan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi. Dawn il-kundizzjonijiet klimatiċi, il-produttur la jista' jimmaniġġjahom u lanqas jibdilhom.

(4)

Biex tiġi pprovduta bażi xjentifika aġġornata rigward l-istrateġija fit-tul ta’ żmien għall-immaniġġjar tar-riskju li jfeġġ minħabba n-nitrati fil-ħxejjex, inħtieġet valutazzjoni xjentifika tar-riskju mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA), li tikkunsidrat informazzjoni ġdida. Din il-valutazzjoni kellha tqis kwalunkwe kunsiderazzjonijiet rilevanti dwar ir-riskji u l-benefiċċji, pereżempju, billi tqabbel l-impatt negattiv possibli tan-nitrati mal-effetti pożittivi possibbli miksuba meta wieħed jiekol il-ħxejjex, bħall-attivitajiet antiossidanti jew karatteristiċi oħrajn li jafu b'xi mod jibbilanċjaw jew ipattu għar-riskji li jfeġġu minħabba n-nitrati u l-komposti nitrużi li jirriżultaw minnhom.

(5)

Fuq talba tal-Kummissjoni, il-Bord dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (il-Bord), fl-10 ta’ April 2008, adotta opinjoni Xjentifika dwar in-nitrati fil-ħxejjex (3). Il-Bord qabbel ir-riskji u l-benefiċċji tal-esponiment għan-nitrati mill-ħxejjex. Kollox ma’ kollox, l-esponimenti għan-nitrati stmati mill-ħxejjex aktarx li ma jwasslux għal riskji apprezzabbli għas-saħħa, u għalhekk, jipprevalu l-effetti ta’ benefiċċju rikonoxxuti tal-konsum tal-ħxejjex. Il-Bord għaraf li hemm ċirkustanzi okkażżjonali (eż. kundizzjonijiet ta’ produzzjoni lokali/domestika mhux favorevoli) fil-każ ta’ ħxejjex li jkunu jikkostitwixxu parti kbira mid-dieta, jew individwi b'dieta li tinkludi kontenut qawwi ta’ ħxejjex bħar-rukola, li jeħtieġ li jiġu evalwati abbażi ta’ każ każ.

(6)

Wara diskussjoni dwar il-miżuri xierqa u t-tħassib espress dwar ir-riskji possibbli għat-tfal ta’ età infantili u t-tfal iż-żgħar li jkunu ġew esposti b'mod akut fid-dieta tagħhom, il-Kummissjoni talbet lill-EFSA għal stqarrija xjentifika kumplimentari dwar in-nitrati fil-ħxejjex, li permezz tagħha jiġu vvalutati aktar fid-dettall ir-riskji possibbli għat-tfal iż-żgħar b'rabta mal-preżenza tan-nitrati fil-ħxejjex friski, b'kunsiderazzjoni wkoll tal-konsum akut fid-dieta, b'kunsiderazzjoni ta’ dejta riċenti dwar l-okkorrenza tal-preżenza tan-nitrati fil-ħxejjex, dejta aktar dettaljata dwar il-konsum tal-ħxejjex mit-tfal iż-żgħar u l-possibbiltà tal-istabbiliment ta’ livelli massimi kemxejn aktar għoljin minn dawk preżenti fil-każ tan-nitrati fil-ħxejjex werrieqa. Fl-1 ta’ Diċembru 2010, il-Bord adotta Stqarrija dwar ir-riskji possibbli għas-saħħa pubblika fil-każ tat-tfal ta’ età infantili u t-tfal iż-żgħar minħabba l-preżenza tan-nitrati fil-ħxejjex werrieqa (4).

(7)

F'dik l-istqarrija l-Bord ikkonkluda li l-esponiment għan-nitrat fil-livelli massimi attwali jew previsti fl-ispinaċi msajra minn spinaċi friska aktarx ma jkunx ta’ tħassib għas-saħħa, għalkemm ma jistax jiġi eskluż ir-riskju għal tfal ta’ età infantili u tfal żgħar li jieklu aktar minn ikla spinaċi waħda kuljum. L-EFSA osservat li ma qisetx il-bidliet possibbli tal-kontenut tan-nitrat minħabba l-ipproċessar tal-oġġetti tal-ikel, bħall-ħasil, it-tqaxxir u/jew it-tisjir, peress li dan ma setax jitqies minħabba nuqqas ta’ dejta rappreżentattiva. In-nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-impatt kwantitattiv tal-ipproċessar tal-ikel fuq il-livelli tan-nitrati jaf għaldaqstant iwassal għal stima aktar għolja mir-realtà tal-esponiment. Barra minn hekk, ġie konkluż ukoll li l-livelli tan-nitrat fil-ħass mhumiex ta’ tħassib għas-saħħa tat-tfal. L-infurzar tal-livelli massimi attwali għan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi, jew il-livelli massimi previsti ta’ 500 mg/kg ogħla mil-livelli massimi attwali, ikollu impatt minuri.

(8)

Biex tiġi pprovduta sikurezza legali għall-produtturi fir-reġjuni kollha tal-Unjoni Ewropea li permezz tagħha jiġu applikati strettament il-prattiki agrikoli tajbin ħalli kemm jista' jkun titnaqqas il-preżenza tan-nitrati fl-ispinaċi u l-ħass, jixraq għalhekk li li jiġi miżjud kemxejn il-livell massimu tan-nitrati fil-ħass u l-ispinaċi friski bla ma tiġi pperikolata s-saħħa pubblika.

(9)

Peress li xi drabi jinstabu livelli għoljin ferm ta’ nitrati fir-rukola, jixraq li jiġi ffissat livell massimu għar-rukola. Il-livell massimu għar-rukola għandu jiġi analizzat fi żmien sentejn (2) bil-ħsieb li jitnaqqsu l-livelli wara li jkunu ġew identifikati l-fatturi involuti fil-preżenza tan-nitrati fir-rukola u wara l-implimentazzjoni sħiħa ta’ prattiki agrikoli tajbin fir-rukola sabiex jitnaqqas il-kontenut tan-nitrati.

(10)

Billi l-EFSA ngħatat il-mandat mill-Kummissjoni biex tiġbor f'bażi ta’ dejta waħda d-dejta kollha tal-okkorrenza dwar il-kontaminanti fl-ikel, inklużi n-nitrati, jixraq li r-riżultati jiġu kkomunikati direttament lill-EFSA.

(11)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1881/2006 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 7, il-paragrafi 1, 2 u 3 jitħassru.

(2)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafu 1 jeħodlu postu dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw il-livelli tan-nitrati fil-ħxejjex li jista' jkun fihom livelli sinifikanti, b'mod partikolari ħxejjex werrieqa ħodor, u jikkomunikaw ir-riżultati fuq bażi regolari lill-EFSA.”

(3)

Fl-Anness, Taqsima 1: Nitrat huwa sostitwit bit-Taqsima fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu. Madankollu, il-livelli massimi fil-każ tar-rukola stipulati fil-punt 1.5 tal-Anness, għandhom japplikaw mill-1 ta’ April 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 37, 13.2.1993, p. 1.

(2)  ĠU L 364, 20.12.2006, p. 5.

(3)  Opinion of the Scientific Panel on Contaminants in the Food chain on a request from the European Commission to perform a scientific risk assessment on nitrate in vegetables, The EFSA Journal (2008) numru tal-Ġurnal, 689, p. 1. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/689.pdf

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar il-Kontaminanti fil-Katina Alimentari (CONTAM); Scientific Opinion on possible health risks for infants and young children from the presence of nitrates in leafy vegetables. EFSA Journal 2010;8(12):1935.doi:10.2903/j.efsa.2010.1935. http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/1935.pdf


ANNESS

“Taqsima 1:   Nitrat

Oġġetti tal-ikel (1)

Livelli massimi (mg NO3/kg)

1.1

Spinaċi friska (Spinacia oleracea) (2)

 

3 500

1.2

Spinaċi ippriżervata, iffriżata b'temperatura baxxa ħafna jew iffrizata

 

2 000

1.3

Ħass frisk (Lactuca sativa L.) (protett u ikkultivat fil-beraħ) li jeskludi l-ħass elenkat fil-punt 1.4.

Maħsud mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu:

 

ħass ikkultivat taħt protezzjoni

5 000

ħass ikkultivat fil-beraħ

4 000

Maħsud mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru:

 

ħass ikkultivat taħt protezzjoni

4 000

ħass ikkultivat fil-beraħ

3 000

1.4

Ħass tat-tip ‘Iceberg’

Ħass ikkultivat taħt protezzjoni

2 500

Ħass ikkultivat fil-beraħ

2 000

1.5

Rukola (Eruca sativa, Diplotaxis sp, Brassica tenuifolia, Sisymbrium tenuifolium)

Maħsuda mill-1 ta’ Ottubru sal-31 ta’ Marzu:

7 000

Maħsuda mill-1 ta’ April sat-30 ta’ Settembru:

6 000

1.6

Ikel ipproċessat b'bażi ta’ ċereali u ikel tat-trabi għat-tfal ta’ età infantili u għat-tfal iż-żgħar (3) (4)

 

200 ”


Top