IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.10.2014
COM(2014) 635 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti.
{SWD(2014) 318 final}
1.INTRODUZZJONI
L-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin huwa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità kif ukoll il-protezzjoni u l-assistenza tal-vittmi tiegħu. Il-Kunsill sabiex jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi u sabiex isaħħaħ il-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali, adotta d-Direttiva 2004/81/KE li tirregola l-għoti ta’ permess ta’ residenza temporanju lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-allegati traffikanti tal-bnedmin.
Fl-għaxar snin ta' wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, ittieħdu l-passi rilevanti fil-politika tal-UE sabiex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin. Din il-komunikazzjoni tqis il-progress miksub u tipprovdi stampa aġġornata dwar kwistjonijiet legali u prattiċi prinċipali marbutin mal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE.
Fil-5 ta' April 2011, id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu ġiet adottata. Filwaqt li d-Direttiva 2004/81/KE tistabbilixxi regoli speċifiċi dwar il-permessi tar-residenza u t-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jikkooperaw mal-awtoritajiet, id-Direttiva 2011/36/UE tapplika bħala qafas orizzontali kemm għaċ-ċittadini tal-UE kif ukoll għal dawk li mhumiex. Din tal-aħħar isaħħaħ uħud mid-dispożizzjonijiet li jinsabu fid- Direttiva 2004/81/KE, inkluż il-qafas msaħħaħ għall-protezzjoni tat-tfal u l-assistenza għalihom. Għaldaqstant, iż-żewġ testi jridu jinqraw flimkien. Barra minn hekk, fl-2012 il-Kummissjoni, ppreżentat l-Istrateġija tal-UE sabiex jixxejjen it-Traffikar tal-Bnedmin għall-2012-2016, li r-rapport ta’ nofs it-term tagħha huwa ppreżentat f’pakkett ma’ din il-Komunikazzjoni.
Fl-ewwel rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE fl-2010, il-Kummissjoni kienet semmiet ukoll xi inizjattivi attwali li qed jikkontribwixxu għat-tisħiħ tad-drittijiet tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li sadanittant ġew konklużi. Dawn jinkludu l-adozzjoni ta’ Direttiva dwar id-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità fl-2012 u t-tlestija tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil f’Ġunju 2013, li twaqqaf standards komuni u li tipprovdi kooperazzjoni aktar b’saħħitha sabiex jiġi żgurat trattament ġust għall-applikanti għall-asil.
Waħda mill-isfidi enfasizzati fir-rapport tal-Kummissjoni tal-2010 kienet d-disponibbiltà limitata ta’ dejta komparabbli. Minn dakinhar, żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin ġew ippubblikati. Barra minn hekk, sa mill-2010, mistoqsijiet ad hoc dwar it-traffikar tal-bnedmin kif ukoll studju ffukat dwar “L-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għall-protezzjoni internazzjonali u l-proċeduri ta’ ripatrijazzjoni furzata” ġew ippubblikati min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni.
L-aħħar ċifri disponibbli juru li fl-UE, ingħataw 856 permess ta’ residenza tal-ewwel darba fl-2013, 1,124 fl-2012 u 1,194 fl-2011. Skont l-aħħar Dokument ta’ Ħidma tal-Eurostat dwar it-traffikar tal-bnedmin, fit-23 Stat Membru li setgħu jipprovdu dejta, 2,171 ċittadin li mhumiex mill-UE ġew identifikati/kienu preżunti vittmi ta’ traffikar fl-2012 u, 2,002 ġew identifikati/kienu preżunti vittmi fl-2011. Mad-19-il Stat Membru pprovdew id-dejta għall-2011 u għall-2012 dwar l-għadd ta’ vittmi mogħtija perjodu ta’ riflessjoni, li ammontaw għal 1,110 vittmi fl-2012 u 1,011-il vittma fl-2011.
2.DEFINIZZJONIJIET U L-KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2011/36/UE, id-definizzjoni rilevanti ta’ “traffikar tal-bnedmin” għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE hija dik li tinsab fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE.
L-Istati Membri kollha jridu japplikaw id-Direttiva 2004/81/KE għaċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi terzi inkwistjoni, inkluż f’każijiet ta’ dħul irregolari fit-territorju tagħhom.
Skont l-Artikolu 3(2), l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw ukoll id-Direttiva għal dawk li kienu suġġetti għall-kuntrabandu, jiġifieri l-faċilitazzjoni ta’ dħul mhux awtorizzat, tranżitu u permanenza, kif definiti mid-Direttiva 2002/90/KE. Għaxar Stati Membri għamlu użu minn din l-opportunità.
L-Art. 3(3) jippermetti lill-Istati Membri li jinkludu lit-tfal fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Kollha għamlu hekk, ħlief għas-SK, filwaqt li fil-LT it-tfal huma inklużi b'kundizzjonijiet speċifiċi.
3.L-IDENTIFIKAZZJONI TAL-VITTMI U L-GĦOTI TAL-INFORMAZZJONI
L-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi hija kruċjali għall-applikazzjoni effikaċi tad-Direttiva, li tippermetti li l-vittmi jkunu infurmati fil-pront dwar drittijiethom, sabiex jibdew proċess ta’ rkupru u jkunu jistgħu jirriflettu qabel ma jiddeċiedu jekk jikkooperawx mal-awtoritajiet.
Skont l-Art. 5, il-vittmi għandhom jingħataw l-informazzjoni meħtieġa dwar il-possibilitajiet offruti mid-Direttiva “meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jkunu tal-parir li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha”. L-obbligu li l-informazzjoni trid tingħata issa huwa stabbilit ukoll fl-Artikolu 11(6) tad-Direttiva 2011/36/UE, li b’mod espliċitu tirreferi għad-Direttiva 2004/81/KE.
L-interpretazzjoni tal-waqt li fih l-awtoritajiet huma obbligati li jagħtu l-informazzjoni hija aktar ċara bis-saħħa ta’ Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontu l-Istat Membru jrid jipprovdi lill-vittmi b’assistenza u appoġġ “hekk kif l-awtoritajiet kompetenti jkollhom indikazzjoni raġonevoli” li persuna tista’ tkun vittma.
Għaxar Stati Membri indikaw id-dispożizzjoni għall-għażla taż-żmien fil-leġiżlazzjoni. Fil-leġiżlazzjoni ta’ xi Stati Membri mhuwiex ċar jekk l-informazzjoni hijiex mogħtija wkoll lill-preżunti vittmi, jew inkella meta jiġu identifikati uffiċjalment biss, jew fil-bidu tal-proċedimenti kriminali. F’xi Stati Membri, il-leġiżlazzjonijiet stabbilixxew kundizzjonijiet addizzjonali, bħal pereżempju l-ksib ta' informazzjoni utli dwar l-allegat reat mill-vittma, jew għandhom riferiment għall-għoti ta’ informazzjoni miċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi “li jikkooperaw mal-awtoritajiet”, li jista' jqajjem tħassib dwar l-implimentazzjoni korretta tad-Direttiva.
Fir-RO l-liġi ma tispeċifikax liema awtorità għandha tagħti l-informazzjoni, u lanqas il-kontenut u l-format. Fl-AT l-informazzjoni jidher li fil-prattika tingħata, iżda l-Art. 5 ma ġiex traspost b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, ħlief permezz ta’ regoli ġenerali tal-liġi amministrattiva. Fil-HR u fil-PL ma hemmx rekwiżit ċar fil-liġi li juri li l-informazzjoni tirreferi għall-possibilitajiet kollha offruti mid-Direttiva.
L-għadd relattivament baxx ta’ permessi ta’ residenza juri l-bżonn li l-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar trid tkompli titjieb, kif ġie rikonoxxut fl-Istrateġija tal-UE sabiex jixxejjen it-Traffikar tal-Bnedmin. Sal-lum, mill-inqas 15-il Stat Membru waqqfu Mekkaniżmi ta’ Riferiment Nazzjonali jew Reġjonali (NRM) għall-vittmi. Barra minn hekk, l-Art. 11 tad-Direttiva 2011/36/UE jobbliga lill-Istati Membri biex “jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu l-mekkaniżmi adegwati għall-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, għall-assistenza u l-appoġġ għalihom”.
Minoranza ta’ Stati Membri speċifikaw il-format tal-informazzjoni fil-leġiżlazzjoni. Fil-prattika, il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi jipprovdu l-informazzjoni kemm bil-fomm kif ukoll bil-miktub. Xi wħud għandhom stipulat fil-leġiżlazzjoni li l-informazzjoni għandha tingħata f’lingwa li l-persuna tifhem. Prattiki komuni jinkludu fuljetti stampati, websajts, u linji telefoniċi apposta.
Fl-aħħar nett, f’xi Stati Membri l-istess awtorità li hija responsabbli mill-identifikazzjoni formali hija wkoll responsabbli biex tipprovdi l-informazzjoni, għalkemm dan ma jeskludix l-involviment ta’ awtoritajiet oħrajn. F’bosta każijiet l-informazzjoni tingħata wkoll minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.
4.
IL-PERJODU TA' RIFLESSJONI
Sabiex ikunu jistgħu jirkupraw u jieħdu deċiżjoni infurmata, il-vittmi jridu jingħataw perjodu ta’ riflessjoni, li matulu (u filwaqt li qed jistennew deċiżjoni mill-awtorità kompetenti) huma intitolati għal miżuri ta’ għajnuna u huma protetti mill-infurzar ta' ordnijiet ta’ tkeċċija.
L-Istati Membri kollha ttrasponew l-Art. 6 fil-liġi nazzjonali, bl-eċċezzjoni tal-AT u l-IT. Għal dawn l-Istati Membri, madankollu, jidher li dan il-perjodu fil-prattika jingħata, jew qed jiġi sostitwit mill-possibilità ta' permess ta’ residenza li jingħata minnufih, irrispettivament minn jekk hemmx kooperazzjoni mal-awtoritajiet. Il-biċċa l-kbira tal-liġijiet tal-Istati Membri jipprojbixxu b'mod espliċitu l-implimentazzjoni tal-ordnijiet ta’ tkeċċija.
Jirriżulta min-natura tiegħu stess u minn għanijietu, li l-perjodu ta’ riflessjoni ma jistax jingħata bil-kundizzjoni li l-vittma għandha l-intenzjoni li tikkoopera. Din id-dispożizzjoni hija msaħħa ulterjorment mill-premessa 18 tad-Direttiva 2011/36/UE, li skontha mill-inqas matul il-perjodu ta’ riflessjoni għandhom jingħataw assistenza u appoġġ mingħajr kondizzjonijiet, anke lill-vittmi residenti b'mod illegali. Huwa biss wara li jitlesta l-proċess ta’ identifikazzjoni jew li jiskadi l-perjodu ta’ riflessjoni li l-Istati Membri ma jibqgħux obbligati li jipprovdu appoġġ lil vittma li “ma tkunx ikkunsidrata eliġibbli għal permess ta’ residenza jew inkella ma jkollhiex residenza regolari f’dak l-Istat Membru, jew jekk il-vittma tkun telqet mit-territorju ta’ dak l-Istat Membru”.
La ż-żmien meta l-perjodu ta’ riflessjoni għandu jibda (wara li jinsabu jew jiġu identifikati b'mod uffiċjali l-vittmi) u lanqas it-tul ta’ żmien tiegħu ma huma stipulati fid-Direttiva, madankollu din tobbliga lill-Istati Membri biex jiddeterminaw dawn fil-liġi nazzjonali. Fil-prattika, madwar nofs l-Istati Membri uffiċjalment jagħtu l-perjodu ta’ riflessjoni wara l-identifikazzjoni formali biss. Mat-13-il Stat Membru jagħtu mill-inqas 30 jum, li f’xi każijiet jistgħu jiġu estiżi, għall-kategoriji vulnerabbli, jew minħabba ċirkostanzi personali tal-vittma, filwaqt li oħrajn jagħżlu direttament perjodi itwal ta’ 45, 60 jew 90 jum. Hemm varjazzjoni konsiderevoli rigward it-tul massimu, li jista’ jvarja minn xahar bla ebda estensjoni antiċipata għal diversi xhur, jew inkella jista’ jiġi estiż skont il-każ, u skont it-tip ta’ status ta’ residenza mogħti.
Fl-aħħar nett, l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li jtemm il-perjodu ta’ riflessjoni jekk il-persuna kkonċernata attivament, volontarjament u fuq l-inizjattiva tagħha tkun reġgħet ikkuntattjat lill-awturi tar-reat, jew minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew għall-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali (l-Art. 6(4)). Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri ttrasponew din id-dispożizzjoni. F’xi każijiet, ir-raġunijiet għat-terminazzjoni jmorru lil hinn mill-kriterji stipulati fid-Direttiva, u jistgħu jkunu eċċessivament wiesgħa.
5.
IT-TRATTAMENT TA' QABEL MA JINĦAREĠ IL-PERMESS TAR-RESIDENZA
L-Artikolu 7 jirrigwarda t-trattament tal-vittmi matul il-perjodu ta' riflessjoni u waqt li tkun mistennija d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti. Il-kontenut tiegħu jiġi speċifikat aktar meta jinqara mad-Direttiva 2011/36/UE.
L-ewwel, id-Direttiva 2011/36/UE tenfasizza li l-appoġġ u l-għajnuna matul il-perjodu ta' riflessjoni jridu jiġu pprovduti inkondizzjonalment lill-vittmi kollha, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom. Madankollu, wara li jiskadi l-perjodu jew li jitlessta l-proċess ta' identifikazzjoni, id-Direttiva 2011/36/UE tapplika "mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/81/KE jew għal regoli nazzjonali simili" (l-Artikolu 11(3)). Għalhekk, jekk il-vittma ma titqiesx eleġibbli għal permess tar-residenza jew ma għandhiex residenza legali f’dak l-Istat Membru, jew tkun telqet mit-territorju ta' dak l-Istat Membru, dan tal-aħħar ma jkunx obbligat li jkompli jipprovdi għajnuna u appoġġ fuq il-bażi tad-Direttiva 2011/36/UE (il-premessa 18).
It-tieni, rigward il-kontenut tal-appoġġ, l-għajnuna u l-protezzjoni mogħtija lill-vittmi, l-Artikoli 11 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħu dak li hemm provdut fid-Direttiva 2004/81/KE.
5.1
Standards tal-għajxien li jiżguraw sussistenza
Qabel ma jinħareġ permess tar-residenza, l-Istati Membri huma obbligati biex lill-vittmi li ma għandhomx biżżejjed riżorsi jingħataw livell ta' għajxien li jiżgura sussistenza, kif ukoll aċċess għal trattament mediku ta' emerġenza u attenzjoni għal ħtiġijiet speċjali ta' dawk l-aktar vulnerabbli, inkluża għajnuna psikoloġika fejn xieraq.
Jidher li fil-prattika l-akkomodazzjoni qed tiġi pprovduta minn bosta Stati Membri, l-aktar permezz ta' faċilitajiet speċifiċi. Madankollu, fl-HU mhuwiex ċar jekk l-obbligu tal-vittmi biex iressqu ċertifikat, pprovdut lilhom mill-awtoritajiet nazzjonali meta japplikaw, jinkludix diġà livell ta' kooperazzjoni qabel ma' jkunu jistgħu jingħataw għajnuna u akkomodazzjoni, u fil-BG u fir-RO, il-perjodu ta' akkomodazzjoni fil-postijiet ta' kenn huwa ffissat għal għaxart ijiem, li hija inqas mit-tul tal-perjodu ta' riflessjoni, u jista' jiġi estiż b'talba mill-vittmi jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji.
It-trattament mediku, fejn bosta drabi jkun oltre l-kura ta' emerġenza li jiġi deskritt fl-Artikolu 7(1), jidher li jiġi provdut mill-Istati Membri kollha. Fil-prattika jidher li bosta Stati Membri jieħdu ħsieb il-bżonnijiet speċjali tal-aktar vulnerabbli, inkluż l-appoġġ psikoloġiku u s-servizzi ta' konsulenza, minkejja li wħud ma ttrasponewx b'mod espliċitu dan ir-rekwiżit fil-liġi nazzjonali.
Bosta Stati Membri jipprovdu wkoll xi forom ta' appoġġ finanzjarju għal bosta mill-vittmi vulnerabbli jew kollha kemm huma.
5.2
Ħtiġijiet ta' sikurezza u protezzjoni
Il-valutazzjoni xierqa tar-riskju u tal-ħtiġijiet hija kruċjali biex jiġu ggarantiti s-sikurezza tal-vittmi u l-kooperazzjoni effettiva mal-awtoritajiet (l-Artikolu 7(2)). Bosta Stati Membri introduċew leġiżlazzjoni, protokolli jew linji gwida espliċiti dwar il-ħtiġijiet tas-sikurezza u tal-protezzjoni u/jew fil-prattika jwettqu valutazzjoni tar-riskju u tal-ħtiġijiet.
L-obbligu li jwettqu valutazzjoni individwali taċ-ċirkustanzi u tar-riskji personali tal-vittma, stipulat fid-Direttiva 2011/36/UE (l-Artikolu 12(3) u (4)), isaħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma.
5.3
It-traduzzjoni, l-interpretazzjoni u l-għajnuna legali b'xejn
L-Artikolu 7(3) jobbliga lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni liċ-ċittadini tal-pajjiż terz ikkonċernati, imma fejn ikun xieraq biss. Fiċ-CZ mhuwiex ċar jekk l-interpretazzjoni tiġix ipprovduta b'xejn u jekk hijiex ukoll qabel il-proċedimanti kriminali. Fil-BG il-liġi tidher li tiggarantixxi l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni waqt il-proċedimenti kriminali biss.
Fuq kollox, bosta Stati Membri jaħsbu għal traduzzjoni jew interpretazzjoni imma l-implimentazzjoni prattika tvarja b'mod konsiderevoli u l-aċċess għall-vittmi, b'mod partikolari dawk barra l-proċedimenti kriminali, jistgħu jkunu problematiċi.
L-għoti fakultattiv tal-għajuna legali bla ħlas skont l-Artikolu 7(4) ġiet trasposta f'bosta Stati Membri. L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/36/UE jsaħħaħ dan ir-rekwiżit billi jipprovdi għal konsulenza legali bla ħlas u, fejn ikun xieraq, rappreżentazzjoni legali, jekk il-vittma ma jkollhiex riżorsi finanzjarji xierqa.
6.
Il-PERMESS TAR-RESIDENZA: ĦRUĠ, NUQQAS TA' TIĠDID U RTIRAR
Biex permess tar-residenza jinħareġ l-Istati Membri jridu jqisu flimkien l-opportunità ppreżentata jekk ċittadini minn pajjiż terz jinżammu aktar fit-territorju nazzjonali għall-investigazzjonijiet jew għall-proċedimenti ġudizzjarji, kif ukoll dwar jekk din il-persuna hijiex lesta li tikkoopera mal-awtoritajiet kompetenti u li tkun qatgħet ir-relazzjonijiet kollha mal-allegati awturi kriminali. Dawn il-kundizzjonijiet japplikaw mingħajr preġudizzju minħabba raġunijiet ta' ordni pubbliku u ta' protezzjoni għas-sigurtà nazzjonali.
Fi ftit Stati Membri il-proċedimenti legali kontra l-allegat kriminal riedu jinbdew qabel mal-vittma seta' jingħatalha permess tar-residenza. Il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tista' tiġi interpretata b'mod differenti, li tvarja bejn li tingħata informazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-ilmenti uffiċjali sa xhieda fil-qorti. Madankollu, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/36/UE saħħaħ aktar il-protezzjoni tal-vittma billi stabbilixxa miżuri espliċiti għal dawk involuti f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali, flimkien mal-garanziji pprovduti mid-Direttiva 2012/29/UE dwar id-drittijiet tal-vittmi ta' reat.
Uħud mill-Istati Membri jew ma jagħmlux il-permessi dipendenti fuq il-kooperazzjoni jew jippermettu eċċezzjonijiet għal dan ir-rekwiżit fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi personali tal-vittmi. Min-naħa l-oħra, Stati Membri oħrajn introduċew kundizzjonijiet addizzjonali ma' dawk speċifikati fid-Direttiva biex jinħareġ permess tar-residenza, pereżempju prova ta' akkomodazzjoni jew ħlas ta' kont. Id-dispożizzjoni ta' rekwiżiti addizzjonali li jagħtu diskrezzjoni wiesgħa lill-awtoritajiet, b'mod speċjali meta ma jiġux permessi eċċezzjonijiet, jistgħu jipprevjenu b'mod mhux ġustifikabbli l-aċċess għal permessi u għalhekk iqajmu tħassib dwar l-implimentazzjoni tajba tad-Direttiva.
Id-Direttiva tistabbilixxi tul minimu ta' sitt xhur għall-permess. Dan ir-rekwiżit ma jinsabx fil-leġiżlazzjoni tal-BG, EE, HR, HU, NL. Tliet Stati Membri joħorġu direttament bil-liġi permess ta' sena, fejn oħrajn jistabbilixxuh fuq bażi ta' każ b'każ, fuq il-bażi tat-tul tal-proċedimenti jew taċ-ċirkustanzi individwali.
L-Artikolu 8 jagħti mandat lill-Istati Membri biex iġeddu permess jekk il-kundizzjonijiet taħt l-Artikolu 8(2) jibqgħux japplikaw. Madankollu, tali tiġdid mhuwiex stabbilit b'mod ċar fil-liġi tal-PL u jidher li huwa fakultattivit fil-LT. F'xi Stati Membri l-permess jista' jwassal għal residenza permanenti taħt ċerti kundizzjonijiet.
Fl-aħħar, l-Artikolu 14 jiddikjara li l-permessi jistgħu jiġu rtirati fi kwalunkwe ħin, jekk ma jibqgħux jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tagħhom. Għadd żgħir ta' Stati Membri adottaw raġunijiet aktar estensivi ta' rtirar, bħal raġunijiet ta' saħħa pubblika, li bosta drabi tapplika għall-permessi tar-residenza kollha. F'ċerti każijiet dawn jistgħu jaqbżu l-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva.
7.
IT-TRATTAMENT WARA LI JINĦAREĠ IL-PERMESS TAR-RESIDENZA
Skont l-Artikolu 9, wara li jinħareġ il-permess tar-residenza, il-vittmi mingħajr riżorsi suffiċjenti jridu jingħataw mill-inqas l-istess trattament kif stipulat fl-Artikolu 7.
Barra minn hekk, għal kemm itul il-permess ta’ residenza, il-vittmi għandu jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni skont ir-regoli stipulati mil-liġi nazzjonali (l-Art. 11).
L-aċċess għas-suq tax-xogħol, għat-taħriġ vokazzjonali u għall-edukazzjoni jidher li jingħata mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, għalkemm f’xi każijiet l-aċċess għas-suq tax-xogħol jista’ jkun problematiku.
L-Art. 12 jagħti lill-vittmi l-aċċess għall-programmi għall-irkupru ta' ħajja soċjali normali, inkluż pereżempju, it-titjib tal-ħiliet professjonali. F’dawk l-Istati Membri li implimentaw programmi mmirati għall-vittmi, il-partijiet kkonċernati involuti huma ġeneralment pożittivi dwarhom. Fil-HR il-parteċipazzoni fil-programm ta’ assistenza u protezzjoni għall-vittmi tat-traffikar hija kundizzjoni għall-ħruġ u t-tiġdid tal-permess.
8.
IT-TFAL
L-Istati Membri li japplikaw id-Direttiva għat-tfal għandhom, jikkunsidraw l-aħjar interessi tagħhom, u jiżguraw li l-proċeduri huma xierqa u jipprovdulhom aċċess għall-edukazzjoni fuq l-istess bażi bħaċ-ċittadini, possibbilment b’restrizzjoni għas-sistema pubblika (Artikolu. 10). L-Istati Membri kollha jipprovdu aċċess għall-edukazzjoni.
Xi Stati Membri adottaw dispożizzjonijiet speċifiċi fuq il-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal, oħrajn ikkunsidraw li din kienet diġà fis-seħħ fil-liġi nazzjonali, inkluż permezz tar-ratifika tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u għalhekk ma kinitx teħtieġ azzjoni leġiżlattiva ulterjuri. Madankollu, l-għażla tal-aħħar mhux dejjem tista’ tiċċara biżżejjed il-limitu tal-applikabilità tal-Konvenzjoni fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi tad-Direttiva. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri kollha huma marbuta bir-rispett għall-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal meta jimplimentaw il-liġi tal-UE.
Artikolu 10 (c) jiffoka fuq tfal mhux akkumpanjati u jobbliga lill-Istati Membri biex jiżguraw rappreżentanza legali skont il-liġi nazzjonali kif ukoll biex jistabbilixxu l-identità, in-nazzjonalità u l-istatus ta' mhux akkumpanjati tagħhom, u biex isibu lill-familji tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Mhux l-Istati Membri kollha introduċew espliċitament dawn ir-rekwiżiti fil-liġi nazzjonali. F’Settembru 2012, il-Kummissjoni adottat rapport ta’ nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Minuri mhux Akkumpanjati 2010-2014, u b'hekk tapprova l-fehma li l-aħjar interessi tat-tfal għandhom il-prijorità fuq l-istatus ta’ migrazzjoni tagħhom, u li ġiet milqugħa b’riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew f’Settembru 2013.
Fost it-tħassib imqajjem dwar l-applikazzjoni prattika tal-Artikolu 10 hemm l-identifikazzjoni xierqa, l-istabbilment ta' proċeduri xierqa b’kunsiderazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, b'mod partikulari ta' tfal mhux akkumpanjati, kif ukoll ta' tfal li jaħarbu minn faċilitajiet tal-indukrar. Min-naħa l-oħra, ġew stabbiliti prattiki tajba dwar proċeduri speċifiċi sabiex jitħarsu t-tfal li jkollhom x'jaqsmu fi proċedimenti kriminali (eż. FI, IT).
Xi Stati Membri japplikaw kundizzjonijiet aktar favorevoli għat-tfal, bħal perjodi itwal ta’ riflessjoni, permessi ta’ residenza mhux kondizzjonati jew akkomodazzjoni apposta ta’ kenn.
Fl-aħħar nett, l-Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 2011/36/UE jiffukaw speċifikament fuq it-tfal vittmi, filwaqt li jindirizzaw l-assistenza, l-appoġġ u l-protezzjoni. L-implimentazzjoni tagħhom se jkollhom impatt pożittiv fuq is-sitwazzjoni tat-tfal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u l-mod kif id-Direttiva 2004/81/KE tiġi applikata għalihom.
9.KONKLUŻJONIJIET
Minkejja li sar xi progress f’dawn l-aħħar snin, id-disponibbiltà tad-dejta dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi mtejba ulterjurment. Madankollu, ċifri disponibbli diġà juru li l-possibbiltà tal-ħruġ ta’ permessi lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi skambju għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tintuża ftit li xejn. Permess ta’ residenza temporanju, validu biss għat-tul ta’ investigazzjonijiet jew ta' proċedimenti kriminali, jista’ ma jkunx jikkostitwixxi inċentiv b’saħħtu biżżejjed għal individwi vulnerabbli, li jeħtieġu ż-żmien biex jirkupraw minn esperjenza trawmatika qabel ma jiddeċiedu jekk iridux jibdew kooperazzjoni formali ma’ awtoritajiet ġudizzjarji u ta’ infurzar tal-liġi. Xi Stati Membri diġà qed jipprovdu permessi ta’ residenza mhux kondizzjonati għall-vittmi kollha jew għal xi wħud minnhom, minħabba ċ-ċirkostanzi personali tagħhom jew ta’ vulnerabbiltà. Madankollu, f’ħafna każijiet dawn huma eċċezzjonijiet għal skema ta’ permessi mogħtija fuq il-kooperazzjoni, sabiex il-vittmi ma jkunux jafu sew jekk huma jew mhumiex se jirċievu l-permess. Barra minn hekk, mhuwiex ċar kemm-il darba huma effettivament jiġu mogħtija u fuq liema bażi l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltà u ċ-ċirkostanzi personali titwettaq. Kriterji anqas stretti għall-kondizzjonalità fuq il-kooperazzjoni u kundizzjonijiet oħra aktar favorevoli, bħal dissoċjazzjoni ta’ validità ta' permess mit-tul kollu tal-proċedimenti jew perjodu itwal ta’ żmien minimu, jistgħu jikkontribwixxu wkoll sabiex jiġi assistit l-irkupru tal-vittmi u b’hekk titrawwem il-kooperazzjoni tagħhom.
Diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/81/KE huma marbuta mill-qrib ma’ u se jissaħħu permezz tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE u l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE rigward il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin. Bħala riżultat ta’ dawn l-istrumenti, il-leġiżlazzjoni nazzjonali qed tiġi jew dalwaqt se tinbidel. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkun tista’ tevalwa bir-reqqa l-ħtieġa u l-valur miżjud ta’ ħruġ ta’ gwidi għat-talba jew li temenda d-Direttiva 2004/81/KE biss wara l-analiżi tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, li hija mistennija fl-2015. Il-Kummissjoni se tikkunsidra li tesplora modi biex tikkonsolida l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin, inkluż fir-rigward ta’ permessi ta’ residenza lil vittmi li jkunu ċittadini ta’ pajjiż terz.
Sadanittant, il-Kummissjoni bi ħsiebha tidħol fi skambji bilaterali mal-Istati Membri bil-ħsieb li tinkiseb implimentazzjoni sħiħa u korretta tad-Direttiva 2004/81/KE. Dan il-proċess se jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet identifikati mit-Task Force għall-Mediterran, imwaqqfa f’Ottubru 2013 bil-għan li jiġi evitat it-telf tal-ħajjiet tal-immigranti fuq il-baħar billi, fost oħrajn, tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar u l-kuntrabandu ta’ immigranti.
Minbarra l-leġiżlazzjoni, miżuri konkreti, bħat-tisħiħ ta’ proċessi ta’ identifikazzjoni, it-twettiq ta' valutazzjonijiet tar-riskju individwali għall-vittmi kollha qabel u matul il-kooperazzjoni tagħhom, jew it-titjib tal-proċeduri għal għoti ta’ perjodi ta’ riflessjoni f’waqthom u permessi ta’ residenza, għandhom impatt sinifikanti fuq l-effikaċja tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Il-Kummissjoni tista’ tiffaċilita skambju ta’ informazzjoni u ta’ prattiki tajba ulterjuri fil-qafas ta’ strutturi eżistenti u li jinvolvu l-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, l-aġenziji tal-UE u l-organizzazzjonijiet internazzjonali biex jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin b’mod aktar effettiv.