This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32022D2332
Council Decision (EU) 2022/2332 of 28 November 2022 on identifying the violation of Union restrictive measures as an area of crime that meets the criteria specified in Article 83(1) of the Treaty on the Functioning of the European Union
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tal-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/2332 tal-28 ta’ Novembru 2022 dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
ST/10287/2022/REV/1
ĠU L 308, 29.11.2022, p. 18–21
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
Relation | Act | Comment | Subdivision concerned | From | To |
---|---|---|---|---|---|
Corrected by | 32022D2332R(01) | (GA) |
29.11.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 308/18 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/2332
tal-28 ta’ Novembru 2022
dwar l-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari l-Artikolu 83(1), it-tielet subparagrafu tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew (1),
Billi:
(1) |
L-Artikolu 29 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jipprevedi li l-Kunsill jista’ jadotta deċiżjonijiet li jiddefinixxu l-approċċ tal-Unjoni għal kwistjoni partikolari ta’ natura ġeografika jew tematika, inklużi miżuri restrittivi. |
(2) |
L-Artikolu 215 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri restrittivi kontra persuni u gruppi fiżiċi jew ġuridiċi, jew entitajiet mhux statali, jew li jadotta miżuri li jipprevedu l-interruzzjoni jew it-tnaqqis, parzjali jew sħiħ, tar-relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, ma’ pajjiż terz wieħed jew aktar, abbażi ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 29 TUE. Jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tar-Regolamenti tal-Kunsill dwar miżuri restrittivi tal-Unjoni. |
(3) |
Din id-deċiżjoni tkopri biss miżuri restrittivi li l-Unjoni adottat abbażi tal-Artikolu 29 TUE jew tal-Artikolu 215 TFUE, bħal miżuri dwar l-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi, il-projbizzjoni dwar tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi u l-projbizzjoni dwar dħul fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni, kif ukoll il-miżuri ekonomiċi settorjali u l-embargo tal-armi. |
(4) |
Huwa neċessarju li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ pieni effettivi, proporzjonati u dissważivi għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. Huwa neċessarju wkoll li dawk il-pieni jindirizzaw iċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. |
(5) |
Il-Kummissjoni tiżgura l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u l-aġenziji tal-Unjoni fl-infurzar tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni adottati fil-kuntest tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u vvalutat l-interazzjoni bejn il-miżuri restrittivi u l-miżuri tal-liġi kriminali. |
(6) |
L-Artikolu 83(1) TFUE bħalissa ma jipprovdix għall-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ u l-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, peress li l-ksur tagħhom bħala tali għadu mhuwiex kopert mill-oqsma ta’ kriminalità elenkati f’dak l-Artikolu. L-oqsma ta’ kriminalità attwalment elenkati fl-Artikolu 83(1), it-tieni subparagrafu, huma t-terroriżmu, it-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament sesswali tan-nisa u t-tfal, it-traffikar illeċitu ta’ droga, it-traffikar illeċitu ta’ armi, il-ħasil tal-flus, il-korruzzjoni, il-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ ħlas, il-kriminalità fl-informatika u l-kriminalità organizzata. Madankollu, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jista’ f’xi każijiet ikun relatat ma’ reati kriminali koperti minn xi wħud mill-oqsma ta’ kriminalità elenkati, bħat-terroriżmu u l-ħasil tal-flus. |
(7) |
L-Artikolu 83(1), it-tielet subparagrafu, TFUE jippermetti proċedura speċjali li permezz tagħha l-Kunsill jista’ jidentifika oqsma ġodda ta’ kriminalità. Dan jista’ jsir biss wara valutazzjoni bir-reqqa tal-kriterji stipulati fit-Trattat, li jirriflettu n-natura eċċezzjonali tal-proċedura. L-iżviluppi fil-kriminalità li seħħew wara l-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna jikkostitwixxu ċirkostanzi eċċezzjonali. |
(8) |
Il-kriterji msemmija fl-Artikolu 83(1), l-ewwel subparagrafu, TFUE relatati mad-dimensjoni transfruntiera ta’ qasam ta’ kriminalità, jiġifieri n-natura jew l-impatt ta’ reati kriminali u l-ħtieġa speċjali li jiġu miġġielda fuq bażi komuni huma interkonnessi u ma jistgħux jiġu vvalutati f’iżolament. |
(9) |
Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi identifikat bħala qasam ta’ kriminalità sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-politika tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi. Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni diġà huwa kkategorizzat bħala reat kriminali mill-maġġoranza tal-Istati Membri. Xi Stati Membri li jikkategorizzaw il-ksur tal-miżuri restrittivi bħala reat kriminali, għandhom definizzjonijiet wiesgħa fis-seħħ, bħal “ksur tas-sanzjonijiet tan-NU u tal-UE” jew “ksur tar-regolamenti tal-UE”, filwaqt li oħrajn għandhom dispożizzjonijiet aktar dettaljati, pereżempju li jipprovdu lista ta’ kondotta pprojbita. Il-kriterji skont liema l-imġiba taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi kriminali jvarjaw fost l-Istati Membri, iżda normalment ikunu relatati mal-gravità tagħhom (natura serja), jew iddeterminati f’termini kwalitattivi (intenzjoni, negliġenza serja) jew kwantitattivi (danni). |
(10) |
Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni huwa qasam ta’ kriminalità partikolarment serju, li, f’termini ta’ gravità, jikkostitwixxi grad ta’ serjetà simili għall-oqsma ta’ kriminalità elenkati fl-Artikolu 83(1) TFUE, peress li jista’ jipperpetwa t-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, jimmina l-konsolidazzjoni u l-appoġġ għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem u jirriżulta fi ħsara ekonomika, soċjali, soċjetali u ambjentali sinifikanti. Minħabba tali ksur, l-individwi u l-entitajiet li l-assi tagħhom jkunu ġew iffriżati jew li l-attivitajiet tagħhom ikunu ristretti jkomplu jkunu jistgħu jaċċessaw l-assi u jappoġġaw reġimi li huma fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jew ikomplu jaċċessaw fondi tal-Istat li nkisbu b’miżapproprjazzjoni. Bl-istess mod, il-flus iġġenerati mill-isfruttament ta’ merkanzija u riżorsi naturali nnegozjati bi ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jistgħu jippermettu wkoll lir-reġimi fil-mira ta’ dawk il-miżuri restrittivi jixtru l-armi, li bihom iwettqu r-reati tagħhom. Barra minn hekk, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni relatati mal-kummerċ jista’ jikkontribwixxi għall-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali fil-ġuriżdizzjoni fil-mira ta’ dawk il-miżuri restrittivi. |
(11) |
Fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1196 (1998), il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti enfasizza l-importanza li tissaħħaħ l-effettività tal-embargo tal-armi bħala mezz sabiex titnaqqas id-disponibbiltà tal-armi li bihom jitwettqu l-kunflitti armati. Heġġeġ ukoll lill-Istati jikkunsidraw bħala mezz ta’ implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom li jwettqu d-deċiżjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà dwar l-embargo tal-armi, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni jew miżuri legali oħra li jagħmlu l-ksur tal-embargo tal-armi stabbilit mill-Kunsill tas-Sigurtà reat kriminali. |
(12) |
Il-fatt li l-Istati Membri għandhom definizzjonijiet u pieni differenti ħafna għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-liġi nazzjonali tagħhom jikkontribwixxi għal livelli differenti ta’ infurzar tas-sanzjonijiet, skont l-Istat Membru fejn isir il-ksur. Dan jimmina l-objettivi tal-Unjoni sabiex jiġu ssalvagwardjati l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u jiġu rrispettati l-valuri komuni tal-Unjoni. Għalhekk, hemm ħtieġa partikolari għal azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġi indirizzat il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali. |
(13) |
Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni għandu dimensjoni transfruntiera ċara u, xi drabi, anke inerenti. Mhux biss tali ksur jista’ jitwettaq minn persuni fiżiċi jew bl-involviment ta’ entitajiet ġuridiċi li joperaw fuq skala globali, iżda f’xi każijiet il-miżuri restrittivi tal-Unjoni, bħar-restrizzjonijiet fuq is-servizzi bankarji, saħansitra jipprojbixxu operazzjonijiet transfruntieri. Il-ksur tagħhom għalhekk jekwipara għal kondotta fuq skala transfruntiera li teħtieġ rispons transfruntier komuni fil-livell tal-Unjoni. |
(14) |
Id-definizzjonijiet u pieni differenti għal ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni skont il-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri, jostakolaw l-applikazzjoni konsistenti tal-politika tal-Unjoni dwar miżuri restrittivi. Dawn jistgħu jwasslu saħansitra għal għażla opportunistika tal-ġuriżdizzjoni mit-trasgressuri u għal forma ta’ impunità minħabba li jistgħu jagħżlu li jwettqu l-attivitajiet tagħhom f’dawk l-Istati Membri li jipprevedu pieni anqas severi għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. L-armonizzazzjoni tal-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni żżid l-effettività, il-proporzjonalità y d-disważjoni ta’ tali pieni. |
(15) |
Għalhekk, il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi identifikat bħala qasam ta’ kriminalità għall-finijiet tal-Artikolu 83(1) TFUE, peress li jissodisfa l-kriterji speċifikati f’dak l-Artikolu. |
(16) |
Azzjoni komuni fil-livell tal-Unjoni mhux biss tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fost l-Istati Membri u ssaħħaħ l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-indirizzar tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni; din tikkontribwixxi wkoll għal kundizzjonijiet ekwi globali f’termini ta’ infurzar tal-liġi u kooperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi dwar il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. |
(17) |
L-objettiv ta’ din id-Deċiżjoni, jiġifieri li tidentifika l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 83(1) TFUE, għandu jinkiseb fil-livell tal-Unjoni. Għalhekk huwa konformi mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Deċiżjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dan l-objettiv. |
(18) |
L-identifikazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni bħala qasam ta’ kriminalità għall-finijiet tal-Artikolu 83(1) TFUE hija meħtieġa, bħala l-ewwel pass, sabiex tippermetti, bħala t-tieni pass, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja sostantiva, inter alia dwar l-istabbiliment ta’ regoli minimi dwar id-definizzjoni ta’ reati kriminali u l-pieni għall-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. |
(19) |
Din id-Deċiżjoni ma taffettwa ebda azzjoni meħuda minn hemm’ il quddiem, skont il-proċeduri leġiżlattivi stabbiliti fit-Trattat. B’mod partikolari, din la tiddetermina u lanqas tantiċipa l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kontenut ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni sekondarja proposta sussegwentement għall-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(20) |
Huwa essenzjali li kwalunkwe proposta leġiżlattiva għal tali leġiżlazzjoni sekondarja titħejja f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar. |
(21) |
B’mod partikolari, jeħtieġ li tingħata konsiderazzjoni xierqa lid-diversità tas-sistemi nazzjonali u lill-aspetti fundamentali tas-sistemi tal-ġustizzja kriminali tal-Istati Membri, inkluż fir-rigward tal-organizzazzjoni tal-pieni. Jeħtieġ li jitqiesu b’mod xieraq ukoll is-salvagwardji għad-drittijiet fundamentali, il-prinċipju tan-nonretroattività ta’ reati kriminali, il-prinċipji tal-legalità u tal-proporzjonalità tar-reati kriminali u l-pieni minquxa fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll ir-rekwiżiti tal-preċiżjoni, iċ-ċarezza u l-intelliġibbiltà tal-liġi kriminali. |
(22) |
F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-TUE u mat-TFUE, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u għalhekk mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha. |
(23) |
F’konformità mal-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, l-Irlanda nnotifikat, permezz tal-ittra tad-29 ta’ Ġunju 2022, ix-xewqa tagħha li tieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. |
(24) |
Sabiex tippermetti, bħala kwistjoni ta’ urġenza, l-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni sekondarja li tistabbilixxi regoli minimi dwar id-definizzjoni tar-reat tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni u l-pieni għalih, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ b’urġenza fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni għandu jkun qasam ta’ kriminalità skont it-tifsira tal-Artikolu 83(1), it-tieni subparagrafu, TFUE.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Novembru 2022.
Għall-Kunsill
Il-President
V. BALAŠ
(1) Approvazzjoni tas-7 ta’ Lulju 2022 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).