Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0506

    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 506/2014 tal- 15 ta' Mejju 2014 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-Etil lawrojl arġinat bħala preservattiv f'ċerti prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 145, 16.5.2014, p. 35–37 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/506/oj

    16.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 145/35


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 506/2014

    tal-15 ta' Mejju 2014

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Anness tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 fir-rigward tal-Etil lawrojl arġinat bħala preservattiv f'ċerti prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 14 u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 7(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 (3) jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

    (3)

    Il-lista tal-Unjoni u l-ispeċifikazzjonijiet jistgħu jiġu aġġornati skont il-proċedura komuni li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, jew b'inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li tkun saret applikazzjoni.

    (4)

    Fil-5 ta' Mejju 2006, tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-Etil lawrojl arġinat bħala preservattiv f'diversi kategoriji ta' ikel. L-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

    (5)

    B'riżultat ta' dan, f'April 2007, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-Awtorità) evalwat is-sikurezza tal-użu tal-Etil lawrojl arġinat bħala preservattiv u allokat Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) ta' 0,5 mg/kg ta' piż tal-ġisem (4). Stimi konservattivi tal-esponiment għas-sustanza, kemm fl-adulti kif ukoll fit-tfal, issuġġerew li x'aktarx l-ADI tinqabeż fil-livelli ta' użu massimu propost għal diversi kategoriji ta' ikel.

    (6)

    Wara dawn il-konklużjonijiet, l-applikant irreveda l-użi tiegħu u l-livelli tal-użu u talab awtorizzazzjoni tal-użu fil-prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana. F'Lulju 2013 l-Awtorità ppubblikat dikjarazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-esponiment raffinat tal-Etil lawrojl arġinat abbażi tal-użi proposti riveduti tiegħu bħala addittiv tal-ikel (5), u kkonkludiet li l-esponiment għal gruppi kollha tal-popolazzjoni huwa taħt id-Doża Aċċettabbli ta' Kuljum (ADI) ta' 0,5 mg/kg bw/jum.

    (7)

    Hemm il-ħtieġa teknoloġika li jintuża l-Etil lawrojl arġinat bħala preservattiv fi prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana sabiex titjieb il-kwalità mikrobijoloġika ta' dawk il-prodotti, inkluża l-inibizzjoni tat-tkabbir ta' mikroorganiżmi li jagħmlu l-ħsara bħal-Listeria monocytogenes. Billi l-użu tal-Etil lawrojl arġinat fi prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana jgħin biex tinżamm il-kwalità u s-sikurezza tagħhom, huwa xieraq li l-użu tiegħu fi prodotti tal-laħam ittrattati bis-sħana jkun awtorizzat u li jkun assenjat in-numru E 243 għal dak l-addittiv tal-ikel.

    (8)

    L-ispeċifikazzjonijiet għall-Etil lawrojl arġinat (E 243) għandhom jiġu inklużi fir-Regolament (UE) Nru 231/2012 meta jkunu inklużi fil-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għall-ewwel darba.

    (9)

    Għaldaqstant ir-Regolamenti (KE) Nru 1333/2008 u (UE) Nru 231/2012 għandhom jiġu emendati kif xieraq.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness I ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012 huwa emendat skont l-Anness II ta' dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Mejju 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    José Manuel BARROSO


    (1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

    (2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 231/2012 tad-9 ta' Marzu 2012 li jistabbilixxi l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittivi tal-ikel elenkati fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 83, 22.3.2012, p. 1).

    (4)  The EFSA Journal (2007) 511, p. 1.

    (5)  The EFSA Journal 2013; 11(6):3294.


    ANNESS I

    L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Fil-Parti B, il-punt 3 “L-addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa” l-entrata li ġejja tiddaħħal wara l-entrata għal E 242 dikarbonat tad-dimetil:

    “E 243

    Etil lawrojl arġinat”

    (2)

    Fil-Parti E, fil-kategorija tal-ikel 08.2.2 “Laħam ipproċessat ittrattat bis-sħana”, tiddaħħal l-entrata li ġejja

     

    “E 243

    Etil lawrojl arġinat

    160

     

    Ħlief zalzett emulsifikat, zalzett affumikat u pejst tal-fwied”


    ANNESS II

    Fl-Anness tar-Regolament (UE) Nru 231/2012, tiddaħħal l-entrata li ġejja wara l-ispeċifikazzjonijiet għall-addittiv tal-ikel E 242:

    “E 243 ETIL LAWROJL ARĠINAT

    Sinonimi

    Ester etiliku tal-arġinat lawriku; ester etiliku tal-arġinina lawrammida; etil-Να-lawrojl-L-arġinat HCl; LAE;

    Definizzjoni

    L-Etil lawrojl arġinat jiġi sinteżizzat bl-estrifikazzjoni tal-arġinina bl-etanol, segwita bir-reazzjoni tal-ester mal-klorur tal-lawrojl. L-Etil lawrojl arġinat li jirriżulta jiġi rkuprat bħala l-melħ tal-idroklorur, li jiġi ffiltrat u mnixxef.

    ELINCS

    434-630-6

    Isem kimiku

    etil-Να-dodekanojl-L-arġinat HCl

    Formula kimika

    C20H41N4O3Cl

    Piż Molekolari:

    421.02

    Test

    Mhux inqas minn 85 % u mhux aktar minn 95 %

    Deskrizzjoni

    Trab abjad

    Identifikazzjoni

     

    Solubbiltà

    Solubbli liberament fl-ilma, fl-etanol, fil-glikol tal-propilen u fil-gliċerol

    Purità

     

    Να-Lawrojl-L-arġinina

    Mhux iktar minn 3 %

    Aċidu lawriku

    Mhux iktar minn 5 %

    Lawrat tal-etil

    Mhux iktar minn 3 %

    L-Arġinina·HCl

    Mhux iktar minn 1 %

    Arġinat tal-etil 2HCl

    Mhux iktar minn 1 %

    Ċomb

    Mhux aktar minn 1 mg/kg

    Arseniku

    Mhux aktar minn 3 mg/kg

    Kadmju

    Mhux aktar minn 1 mg/kg

    Merkurju

    Mhux aktar minn 1 mg/kg”


    Top