Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009L0128

    Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 21 ta’ Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2019

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2009/128/oj

    24.11.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 309/71


    DIRETTIVA 2009/128/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Ottubru 2009

    li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi

    (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 175(1) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Waqt li jaġixxu konformement mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (3),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikoli 2 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 1600/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Lulju 2002 li tistabbilixxi s-Sitt Programm ta’ Azzjoni tal-Komunità Ambjentali (4), għandu jiġi stabbilit qafas ġuridiku komuni sabiex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi, b’kont meħud tal-approċċi ta’ prekawzjoni u ta’ prevenzjoni.

    (2)

    Attwalment, din id-Direttiva għandha tapplika għal pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Madankollu, huwa antiċipat li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jiġi estiż sabiex ikopri prodotti bijoċidali.

    (3)

    Il-miżuri previsti f’din id-Direttiva għandhom jikkomplementaw, u ma jinċidux fuq, miżuri stabbiliti f’leġislazzjoni Komunitarja oħra relatata partikolarment id-Direttiva tal-Kunsill Nru 79/409/KEE tat-2 ta’ April 1979 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (5), id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (6), id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (7), ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali (8) u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (9). Dawn il-miżuri għandhom ukoll ma jippreġudikawx miżuri volontarji fil-kuntest ta’ Regolamenti għal Fondi Strutturali jew tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 tal-20 ta’ Settembru 2005 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (EAFRD) (10).

    (4)

    L-istrumenti ekonomiċi jista’ jkollhom rwol fundamentali fil-kisba ta’ objettivi relatati mal-użu sostenibbli tal-pestiċidi. L-użu ta’ dawn l-istrumenti fil-livell adegwat għandu għalhekk jiġi mħeġġeġ filwaqt li jiġi enfasizzat li l-Istati Membri individwali jistgħu jiddeċiedu dwar l-użu tagħhom mingħajr preġudizzju għall-applikabilità tar-regoli dwar l-għajnuna statali.

    (5)

    Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali mfassla sabiex jiffissaw objettivi kwantitattivi, miri, miżuri, skedi ta’ żmien u indikaturi biex inaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni ta’ ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi sabiex inaqqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi, għandhom jintużaw mill-Istati Membri sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jissorveljaw l-użu tal-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li jqajmu tħassib partikolari u jistabbilixxu skedi ta’ żmien u miri għat-tnaqqis tal-użu tagħhom, partikolarment meta dan ikun jikkostitwixxi mezz adegwat biex jinkisbu l-miri ta’ tnaqqis tar-riskju. Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għandhom jiġu kkoordinati ma’ pjanijiet ta’ implimentazzjoni taħt leġislazzjoni Komunitarja oħra rilevanti u jistgħu jintużaw biex jingħaqdu flimkien l-objettivi li għandhom jinkisbu skont leġislazzjoni Komunitarja oħra relatata mal-pestiċidi.

    (6)

    L-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-objettivi u l-azzjonijiet li l-Istati Membri jistabbilixxu fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom huwa element ferm importanti biex jinkisbu l-objettivi ta’ din id-Direttiva. Għaldaqstant, jixraq li l-Istati Membri jintalbu jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, partikolarment dwar l-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom u dwar l-esperjenzi tagħhom. Fuq il-bażi tal-informazzjoni trażmessa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapporti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jekk ikun neċessarju permezz ta’ proposti leġiżlattivi adegwati.

    (7)

    Għall-preparazzjoni u l-modifika ta’ Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali, jixraq li tiġi prevista l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 li tipprevedi parteċipazzjoni pubblika rigward it-tfassil ta’ ċerti pjanijiet u programmi relatati mal-ambjent (11).

    (8)

    Huwa essenzjali li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ taħriġ kemm inizjali kif ukoll addizzjonali għad-distributuri, il-konsulenti u l-utenti professjonali tal-pestiċidi u sistemi ta’ ċertifikazzjoni biex joffru rekord ta’ dan it-taħrig sabiex dawk li jużaw il-pestiċidi, jew sejrin jużawhom, ikunu konxji bis-sħiħ mir-riskji potenzjali għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent u dwar il-miżuri adegwati biex dawn ir-riskji jitnaqqsu kemm jista’ jkun. L-attivitajiet ta’ taħriġ għall-utenti professjonali jistgħu jiġu kkoordinati ma’ dawk organizzati fil-qafas tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005.

    (9)

    Il-bejgħ tal-pestiċidi, inkluż il-bejgħ bl-Internet, huwa element importanti fil-katina ta’ distribuzzjoni, fejn għandu jingħata parir speċifiku dwar l-istruzzjonijiet tas-sigurtà għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent lill-utent aħħari fil-mument tal-bejgħ, partikolarment lill-utenti professjonali. Għall-utenti mhux professjonali li ġeneralment m’għandhomx l-istess livell ta’ edukazzjoni u taħriġ, għandhom jingħataw rakkomandazzjonijiet, partikolament dwar l-immaniġġar sigur u l-ħażna tal-pestiċidi kif ukoll dwar ir-rimi tal-imballaġġ.

    (10)

    Fid-dawl tar-riskji possibbli mill-użu tal-pestiċidi, il-pubbliku ġenerali għandu jkun infurmat aħjar dwar l-impatti globali tal-użu tal-pestiċidi permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni mgħoddija permezz ta’ bejjiegħa bl-imnut u miżuri xierqa oħra.

    (11)

    Għandhom jiġu promossi fil-livelli Ewropej u nazzjonali programmi ta’ riċerka bil-għan li jiġu determinati l-impatti tal-użu ta’ pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, inklużi studji dwar gruppi b’riskju għoli.

    (12)

    Safejn l-immaniġġar u l-applikazzjoni tal-pestiċidi jirrikjedu l-iffissar ta’ rekwiżiti minimi għas-sigurtà u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, li jkopru r-riskji li jirriżultaw mill-espożizzjoni tal-ħaddiema għal prodotti bħal dawn, kif ukoll ta’ miżuri preventivi ġenerali u speċifiċi biex dawk ir-riskji jitnaqqsu, dawk il-miżuri huma koperti mid-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (12) u d-Direttiva 2004/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema minn riskji relatati mal-esposizzjoni għal karċinoġeni jew mutaġeni fuq il-post tax-xogħol (13).

    (13)

    Ladarba d-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-makkinarju (14) se tipprovdi regoli dwar it-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jiżguraw li r-rekwiżiti ambjentali jiġu sodisfatti, sabiex jiġu minimizzati l-impatti negattivi tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent ikkawżat minn tagħmir bħal dan, jixraq li jiġu pprovduti sistemi għal spezzjonijiet tekniċi regolari tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li diġà qed jintuża. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom kif huma ser jiżguraw l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti.

    (14)

    Il-bexx mill-ajru tal-pestiċidi għandu l-potenzjal li jikkawża impatti negattivi sinifikanti fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent, partikolarment mit-traxxix tal-bexx. Għalhekk, il-bexx mill-ajru għandu jiġi pprojbit b’mod ġenerali bil-possibbiltà ta’ derogi fejn ikun joffri vantaġġi ċari f’termini ta’ impatti mnaqqsa fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent meta mqabbel ma’ metodi oħra ta’ bexx, jew fejn ma jkun hemm l-ebda alternattiva vijabbli, sakemm tintuża l-aħjar teknoloġija disponibbli biex jitnaqqas it-traxxix.

    (15)

    L-ambjent akkwatiku huwa partikolarment sensittiv għall-pestiċidi. Għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex ikun evitat it-tniġġiż tal-ilma tal-wiċċ u ta’ taħt l-art billi jittieħdu miżuri xierqa bħall-istabbiliment ta’ żoni ta’ separazzjoni u ta’ salvagwardja jew it-tħawwil ta’ sisien tal-ħaxix ma’ ġenb l-ilmijiet tal-wiċċ biex jitnaqqas l-espożizzjoni ta’ ilmijiet għat-traxxix tal-bexx, il-flussi ta’ katusi u t-tnixxijat. Id-dimensjonijiet taż-żoni ta’ separazzjoni għandhom jiddependu partikolarment fuq il-karatteristiċi tal-ħamrija u l-proprjetajiet tal-pestiċidi, kif ukoll fuq karatteristiċi agrikoli taż-żoni kkonċernati. L-użu tal-pestiċidi f’żoni fejn jittella’ l-ilma għax-xorb, fuq rotot għat-trasport jew matulhom, bħal linji tal-ferrovija jew fuq uċuħ issiġillati jew permeabbli ħafna jista’ jwassal għal riskji ogħla ta’ tniġġiż tal-ambjent akkwatiku. Għaldaqstant, f’żoni bħal dawn, l-użu tal-pestiċidi għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun, jew jiġi eliminat, jekk ikun il-każ.

    (16)

    L-użu tal-pestiċidi jista’ jkun partikolarment perikoluż f’żoni sensittivi ħafna, bħal siti tan-Natura 2000 li huma protetti konformement mad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE. F’postijiet oħrajn bħal parks u ġonna pubbliċi, grawnds tal-isport u tar-rikreazzjoni, grawnds tal-iskejjel u fejn jilagħbu t-tfal, u fil-viċinanza stretta ta’ faċilitajiet għall-kura tas-saħħa, ir-riskji mill-espożizzjoni għall-pestiċidi huma għoljin. F’dawn iż-żoni, l-użu tal-pestiċidi għandu jkun minimizzat jew ipprojbit. Meta jintużaw il-pestiċidi, għandhom jittieħdu miżuri adegwati ta’ ġestjoni tar-riskju, u l-ewwel u qabel kollox għandhom jitqiesu l-pestiċidi b’riskju baxx kif ukoll il-miżuri ta’ kontroll bijoloġiku.

    (17)

    L-immanniġġar tal-pestiċidi, inklużi l-ħażna, id-dilwizzjoni u t-taħlit tal-pestiċidi u t-tindif tat-tagħmir għall-applikazzjoni ta’ pestiċidi wara l-użu, u l-irkupru u r-rimi tat-taħlita li tibqa’ fit-tank, l-imballaġġ vojt u l-fdalijiet tal-pestiċidi għandhom tendenza partikolari li jikkawżaw espożizzjoni mhux mixtieqa tal-bnedmin u l-ambjent. Għaldaqstant, jixraq li jiġu provduti miżuri speċifiċi li jindirizzaw dawn l-attivitajiet bħala komplement għall-miżuri previsti fid-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (15), u fid-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE tat-12 ta’ Diċembru 1991 fuq skart perikoluż (16). Il-miżuri għandhom jinkludu wkoll l-utenti mhux professjonali, billi x’aktarx iseħħ l-użu skorrett f’dan il-grupp ta’ utenti minħabba n-nuqqas ta’ konoxxenza tagħhom.

    (18)

    L-applikazzjoni ta’ prinċipji ġenerali u linji gwida speċifiċi għal uċuħ tar-raba’ u għas-settur dwar il-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara mill-bdiewa kollha għandha tirriżulta f’użu iktar immirat tal-miżuri kollha disponibbli għall-kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara, inklużi l-pestiċidi. Għaldaqstant, tikkontribwixxi għal iktar tnaqqis tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u tad-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi. L-Istati Membri għandhom jippromwovu ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu mill-inqas tal-pestiċidi, partikolarment ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u jistabbilixxu l-kondizzjonijiet u l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tagħha.

    (19)

    Abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u ta’ din id-Direttiva, l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara hija obbligatorja u l-prinċipju ta’ sussidjarjetà japplika għall-mod li bih il-prinċipji għall-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara jiġu implimentati, l-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom kif jiżguraw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara filwaqt li meta possibbli tingħata prijorità lill-metodi mhux kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-immaniġġar tal-organiżmi ta’ ħsara u tal-uċuħ tar-raba’.

    (20)

    Jeħtieġ li jitkejjel il-progress miksub fit-tnaqqis tar-riskji u l-impatti negattivi mill-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent. Il-mezzi xierqa huma indikaturi tar-riskju armonizzati li ser jiġu stabbiliti fil-livell Komunitarju. L-Istati Membri għandhom jużaw dawn l-indikaturi għall-ġestjoni tar-riskju fil-livell nazzjonali u għal finijiet ta’ rappurtar, filwaqt li l-Kummissjoni għandha tikkalkula l-indikaturi biex tevalwa l-progress fil-livell Komunitarju. Għandha tintuża d-data statistika miġbura konformement mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-istatistiċi ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti. Minbarra l-indikaturi komuni armonizzati, l-Istati Membri għandhom ikunu intitolati jużaw l-indikaturi nazzjonali tagħhom.

    (21)

    L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    (22)

    Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent minn riskji possibbli marbuta mal-użu tal-pestiċidi, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, u jista’ għalhekk jinkiseb aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunità tista’ tadotta miżuri, konformement mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

    (23)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, din id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi l-integrazzjoni ta’ protezzjoni ambjentali ta’ livell għoli fil-linji politiki tal-Komunità, f’konformità mal-prinċipju ta’ żvilupp sostenibbli kif stabbilit fl-Artikolu 37 ta’ dik il-Karta.

    (24)

    Il-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu adottati skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni konferiti lill-Kummissjoni (17).

    (25)

    B’mod partikolari il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tistabbilixxi u taġġorna l-Annessi għal din id-Direttiva. Ladarba dawk il-miżuri huma ta’ kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u huma mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva, inter alia billi jissupplimentawha b’elementi ġodda mhux essenzjali, huma għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

    (26)

    Konformement mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar leġislazzjoni aħjar (18), l-Istati Membri huma mħeġġa jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Komunità, it-tabelli tagħhom, li juru, sa fejn ikun possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi,

    ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-kisba ta’ użu sostenibbli tal-pestiċidi billi jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u jiġi promoss l-użu ta’ Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara u ta’ approċċi jew tekniċi alternattivi bħall-alternattivi mhux kimiċi għall-pestiċidi.

    Artikolu 2

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-pestiċidi li huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti kif definiti f’punt 10(a) tal-Artikolu 3.

    2.   Din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe leġislazzjoni Komunitarja rilevanti oħra.

    3.   Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx iżommu lill-Istati Membri milli japplikaw il-prinċipju ta’ prekawzjoni fit-tnaqqis jew fil-projbizzjoni tal-użu tal-pestiċidi f’ċirkostanzi jew żoni speċifiċi.

    Artikolu 3

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

    (1)

    “utent professjonali” tfisser kwalunkwe persuna li tuża pestiċidi matul l-attivitajiet professjonali tagħha, inklużi operaturi, tekniċi, min iħaddem u nies li jaħdmu għal rashom, kemm fil-biedja kif ukoll f’setturi oħrajn;

    (2)

    “distributur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tagħmel pestiċida disponibbli fis-suq, inklużi bejjiegħa bl-ingrossa, bejjiegħa bl-imnut, bejjiegħa u fornituri;

    (3)

    “konsulent” tfisser kwalunkwe persuna li tkun kisbet konoxxenza adegwata u tagħti pariri dwar il-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara u l-użu sigur tal-pestiċidi, fil-kuntest ta’ kapaċità professjonali jew servizz kummerċjali, inklużi servizzi ta’ konsulenza privati minn min jaħdem għal rasu u servizzi ta’ konsulenza pubbliċi, aġenti kummerċjali, produtturi tal-ikel u bejjiegħa bl-imnut fejn applikabbli;

    (4)

    “tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi” tfisser apparati maħsuba b’mod speċifiku għall-applikazzjoni tal-pestiċidi, inklużi aċċessorji li huma essenzjali għat-tħaddim effettiv ta’ tali tagħmir, bħal żnienen, manometri, filtri, passaturi u apparat għat-tindif tat-tankijiet;

    (5)

    “bexx mill-ajru” tfisser applikazzjoni ta’ pestiċidi minn inġenju tal-ajru (ajruplan jew ħelikopter);

    (6)

    “ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara” tfisser konsiderazzjoni attenta tal-metodi kollha disponibbli għall-protezzjoni tal-pjanti u l-integrazzjoni sussegwenti ta’ miżuri xierqa li jiskoraġġixxu l-iżvilupp ta’ popolazzjonijiet ta’ organiżmi ta’ ħsara u li jżommu l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u forom oħra ta’ intervent f’livelli li huma ġustifikati ekonomikament u ekoloġikament u li jnaqqsu jew jimminimizzaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent. Il-“ġestjoni integrata tal-organiżmi ta’ ħsara” tenfasizza t-tkabbir ta’ uċuħ tar-raba’ b’saħħithom bl-inqas xkiel possibbli għall-agro-ekosistemi u tinkoraġġixxi mekkaniżmi naturali ta’ kontroll tal-organiżmi ta’ ħsara;

    (7)

    “indikatur tar-riskju” tfisser ir-riżultat ta’ metodu ta’ kalkolu li jintuża għall-evalwazzjoni tar-riskji tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u/jew l-ambjent;

    (8)

    “metodi mhux kimiċi” huma metodi alternattivi għall-pestiċidi kimiċi għall-protezzjoni tal-pjanti u għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara, ibbażati fuq tekniki agroekonomiċi bħal dawk imsemmija fil-punt 1 tal-Anness III, jew metodi fiżiċi, mekkaniċi jew bijoloġiċi għall-ġestjoni tal-organiżmi ta’ ħsara;

    (9)

    it-termini “ilma tal-wiċċ” u “ilma ta’ taħt l-art” għandhom l-istess tifsira bħal fid-Direttiva 2000/60/KE;

    (10)

    “pestiċida” tfisser:

    (a)

    prodott għall-protezzjoni tal-pjanti kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

    (b)

    prodott bijoċidali kif definit fid-Direttiva 98/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar it-tqegħid fis-suq tal-prodotti bijoċidali (19).

    Artikolu 4

    Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali biex jiffissaw objettivi, miri, miżuri u skedi ta’ żmien kwantitattivi biex inaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent u biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi sabiex inaqqsu d-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi. Dawn il-miri jistgħu jkopru żoni ta’ tħassib, pereżempju l-protezzjoni tal-ħaddiema, il-protezzjoni tal-ambjent, ir-residwi, l-użu ta’ tekniki speċifiċi jew l-użu ta’ prodotti tar-raba’ speċifiċi.

    Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali jistgħu wkoll jinkludu indikaturi għas-sorveljanza tal-użu ta’ prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi ta’ tħassib partikolari, speċjalment jekk ikun hemm alternattivi disponibbli għalihom. L-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-prodotti ta’ protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi approvati bi qbil mad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE tal-15 ta’ Lulju 1991 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (20) li, meta jkunu soġġetti għal tiġdid tal-approvazzjoni konformement mar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ma jissodisfawx il-kriterji rilevanti għall-approvazzjoni stabbiliti fl-Anness II, punt 3.6 sa 3.8 ta’ dak ir-Regolament.

    Fuq il-bażi ta’ dawn l-indikaturi u filwaqt li, meta jkun applikabbli, jitqies ir-riskju jew l-użu ta’ miri ta’ tnaqqis li jkunu diġà nkisbu qabel l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, għandhom ukoll jiġu stabbiliti skedi ta’ żmien u miri għat-tnaqqis tal-użu, b’mod partikolari jekk it-tnaqqis tal-użu jikkostitwixxi mezz adegwat sabiex jinkiseb it-tnaqqis tar-riskju fir-rigward tas-suġġetti prijoritarji identifikati fl-Artikolu 15(2)(c). Dawn il-miri jistgħu jkunu intermedji jew inkella finali. L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mill-mezzi kollha neċessarji sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

    Meta jfasslu u jirrevedu l-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom jieħdu kont kif jixraq tal-impatti fuq is-saħħa, soċjali, ekonomiċi u ambjentali tal-miżuri previsti, tal-kundizzjonijiet speċifiċi nazzjonali, reġjonali u lokali u tal-gruppi tal-partijiet interessati relevanti kollha. L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu, fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom, kif huma ser jimplimentaw il-miżuri skont l-Artikoli 5 sa 15 sabiex jiksbu l-objettivi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

    Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għandhom jieħdu kont tal-pjanijiet li jaqgħu taħt leġiżlazzjoni Komunitarja oħra dwar l-użu ta’ pestiċidi, bħal miżuri ppjanati konformement mad-Direttiva 2000/60/KE.

    2.   Sal-14 ta’ Diċembru 2012, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn.

    Il-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għandhom jiġu riveduti tal-inqas kull ħames snin u kwalunkwe bidla sostanzjali fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali għandha tiġi rrappurtata lill-Kummissjoni mingħajr ebda dewmien.

    3.   Sal-14 ta’ Diċembru 2014, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-informazzjoni mgħoddija mill-Istati Membri fir-rigward tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali. Ir-rapport għandu jkun fih il-metodi użati u l-konsegwenzi tat-twaqqif ta’ diversi tipi ta’ miri għat-tnaqqis tar-riskju u tal-użu tal-pestiċidi.

    Sal-14 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-esperjenza miksuba mill-Istati Membri rigward l-implimentazzjoni ta’ miri nazzjonali stabbiliti konformement mal-ewwel paragrafu sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva. Jekk ikun neċessarju, dan ir-rapport jista’ jiġi ppreżentat flimkien ma’ proposti leġiżlattivi adegwati.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 2 disponibbli għall-pubbliku fuq websajt.

    5.   Id-dispożizzjonijiet dwar il-parteċipazzjoni pubblika stabbiliti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2003/35/KE għandhom japplikaw għat-tħejjija u l-modifika tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali.

    KAPITOLU II

    TAĦRIĠ, BEJGĦ TA’ PESTIĊIDI, INFORMAZZJONI U SENSIBILIZZAZZJONI

    Artikolu 5

    Taħriġ

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali, id-distributuri u l-konsulenti kollha jkollhom aċċess għal taħriġ xieraq minn korpi maħtura mill-awtoritajiet kompetenti. Dan għandu jikkonsisti kemm minn taħriġ inizjali kif ukoll minn taħriġ addizzjonali biex tinkiseb il-konoxxenza u biex din il-konoxxenza tiġi aġġornata kif xieraq.

    It-taħriġ għandu jkun imfassal biex jiżgura li tali utenti, distributuri u konsulenti jiksbu konoxxenza suffiċjenti dwar is-suġġetti elenkati fl-Anness I, b’kont meħud tar-rwolijiet u r-responsabbiltajiet differenti tagħhom.

    2.   Sal-14 ta’ Diċembru 2013 l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu sistemi ta’ ċertifikazzjoni u jindikaw l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tagħhom. Dawn iċ-ċertifikati għandhom, bħala minimu, jipprovdu evidenza ta’ konoxxenza suffiċjenti tas-suġġetti elenkati fl-Anness I miksub minn utenti professjonali, distributuri u konsulenti jew permezz ta’ taħriġ jew permezz ta’ mezzi oħrajn.

    Is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni għandhom jinkludu rekwiżiti u proċeduri għall-għoti, it-tiġdid u l-irtirar ta’ ċertifikati.

    3.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati mal-emendar tal-Anness I sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).

    Artikolu 6

    Rekwiżiti għall-bejgħ tal-pestiċidi

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-distributuri jkollhom biżżejjed persunal fl-impjieg tagħhom li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5(2). Tali persuni għandhom ikunu disponibbli f’ħin il-bejgħ biex jipprovdu informazzjoni adegwata lill-klijenti rigward l-użu tal-pestiċidi, ir-riskji għas-saħħa tal-bnieden u tal-ambjent u struzzjonijiet ta’ sigurtà għall-ġestjoni ta’ dawn ir-riskji għall-prodotti kkonċernati. Mikro-distributuri li jbiegħu biss prodotti għal użu mhux professjonali jistgħu jiġu eżentati, jekk ma jbigħux formulazzjonijiet ta’ pestiċidi klassifikati bħala tossiċi, tossiċi ħafna, kanċeroġeni, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni konformement mad-Direttiva 1999/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Mejju 1999 rigward l-approssimazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-klassifikazzjoni, l-ippakkettar u t-tikkettar ta’ preparazzjonijiet perikolużi (21).

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrestrinġu l-bejgħ ta’ pestiċidi awtorizzati għal użu professjonali għall-persuni li jkollhom iċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 5(2).

    3.   L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li d-distributuri li jbigħu l-pestiċidi lil utenti mhux professjonali, jipprovdu informazzjoni ġenerali rigward ir-riskji tal-użu tal-pestiċidi għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, b’mod partikolari dwar il-perikli, l-espożizzjoni, il-ħżin tajjeb, l-immaniġġar, l-applikazzjoni u r-rimi sikur konformement mal-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart, kif ukoll rigward alternattivi b’riskju baxx. L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-produtturi tal-pestiċidi jipprovdu informazzjoni bħal din.

    4.   Il-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu stabbiliti sal-14 ta’ Diċembru 2015.

    Artikolu 7

    Informazzjoni u sensibilizzazzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jinfurmaw lill-pubbliku ġenerali u biex jippromwovu u jiffaċilitaw il-programmi ta’ informazzjoni u sensibilizzazzjoni u d-disponibbiltà ta’ informazzjoni preċiża u bilanċjata relatata mal-pestiċidi għall-pubbliku ġenerali, b’mod partikolari rigward ir-riskji u l-effetti qawwija u kroniċi potenzjali għas-saħħa tal-bniedem, l-organiżmu mhux fil-mira u l-ambjent dovuti għall-użu tagħhom u l-użu ta’ alternattivi mhux kimiċi.

    2.   L-Istati Membri għandhom iwaqqfu sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni dwar inċidenti ta’ vvelenar qawwi mill-pestiċidi, kif ukoll dwar żviluppi relatati ma’ vvelenar kroniku, meta din tkun disponibbli, fost gruppi li jistgħu jkunu esposti regolarment għall-pestiċidi, bħall-operaturi, il-ħaddiema agrikulturali jew il-persuni li jgħixu qrib żoni ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi.

    3.   Sabiex titjieb il-komparabilità tal-informazzjoni, il-Kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżviluppa fi żmien sal-14 ta’ Diċembru 2012 dokument ta’ gwida strateġika dwar is-sorveljanza u l-istħarriġ tal-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

    KAPITOLU III

    TAGĦMIR GĦALL-APPLIKAZZJONI TAL-PESTIĊIDI

    Artikolu 8

    Spezzjoni tat-tagħmir li qed jintuża

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi f’użu professjonali għandu jkun soġġett għal spezzjonijiet f’intervalli regolari. L-intervall bejn l-ispezzjonijiet m’għandux jaqbeż ħames snin sal-2020 u m’għandux jaqbeż tliet snin wara dan.

    2.   Sal-14 ta’ Diċembru 2016, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi jkun ġie spezzjonat mill-inqas darba. Wara din id-data, biss it-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jgħaddi mill-ispezzjoni b’suċċess għandu jintuża b’mod professjonali.

    It-tagħmir il-ġdid għandu jiġi spezzjonat mill-inqas darba f’perjodu ta’ 5 snin wara li jkun inxtara.

    3.   B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, u wara valutazzjoni tar-riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, inkluża valutazzjoni tar-rata ta’ użu tat-tagħmir, l-Istati Membri jistgħu:

    (a)

    japplikaw skedi ta’ żmien u intervalli ta’ spezzjoni differenti għat-tagħmir ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi li ma jintużax għall-bexx tal-pestiċidi, għal tagħmir ta’ applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar u għal tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi addizzjonali li jirrappreżenta rata ta’ użu baxxa ħafna, li għandu jiġi elenkat fil-Pjan ta’ Azzjoni Nazzjonali previst fl-Artikolu 4.

    It-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi addizzjonali li ġejjin qatt ma jistgħu jiġu kkunsidrati li jirrappreżentaw rata ta’ użu baxxa ħafna:

    (i)

    apparat tal-bexx li jiddendel ma’ ferrovija jew ajruplan;

    (ii)

    driegħ tal-bexxiex akbar minn 3 m, inkużi dawk armati fuq tagħmir użat ghat-taħwil;

    (b)

    jeżentaw mill-ispezzjoni tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn jew apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi jkunu ġew infurmati dwar il-bżonn li l-aċċessorji jinbidlu b’mod regolari, dwar ir-riskji speċifiċi marbuta ma’ dak it-tagħmir, u li l-operaturi jkunu ġew imħarrġa għall-użu adegwat ta’ dak it-tagħmir ta’ applikazzjoni bi qbil mal-Artikolu 5.

    4.   L-ispezzjonijiet għandhom jivverifikaw li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi jissodisfa r-rekwiżiti rilevanti elenkati fl-Anness II, biex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

    Għandu jkun preżunt li t-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jikkonforma mal-istandards armonizzati żviluppati skont l-Artikolu 20(1) jikkonforma mar-rekwiżiti essenzjali għas-saħħa u s-sigurtà u għall-ambjent.

    5.   L-utenti professjonali għandhom iwettqu kalibrazzjonijiet u kontrolli tekniċi regolari tat-tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi skont it-taħriġ adegwat riċevut kif previst fl-Artikolu 5.

    6.   L-Istati Membri għandhom jaħtru korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tas-sistemi ta’ spezzjoni u jgħarrfu lill-Kummissjoni bihom.

    Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistemi ta’ ċertifikazzjoni mfasslin biex jippermettu l-verifika tal-ispezzjonijiet u jirrikonoxxu ċ-ċertifikati mogħtija fi Stati Membri oħra konformement mar-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 4 u fejn il-perjodu ta’ żmien mill-aħħar spezzjoni mwettqa fi Stat Membru ieħor ikun indaqs jew iqsar mill-perjodu ta’ żmien ta’ spezzjoni applikabbli fit-territorju tiegħu stess.

    L-Istati Membri għandhom jagħmlu kull sforz biex jirrikonoxxu ċ-ċertifikati maħruġa fi Stati Membri oħra dment li jkun hemm konformità mal-intervalli ta’ spezzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

    7.   Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati mal-emendar tal-Anness II sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).

    KAPITOLU IV

    PRATTIKA U UŻI SPEĊIFIĊI

    Artikolu 9

    Bexx mill-ajru

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bexx mill-ajru jkun projbit.

    2.   B’deroga mill-paragrafu 1 il-bexx mill-ajru jista’ jkun permess biss f’każijiet speċjali kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    m’għandux ikun hemm alternattivi vijabbli oħra, jew għandu jkun hemm vantaġġi ċari f’termini ta’ impatti mnaqqsa fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent meta mqabbel mal-applikazzjoni tal-pestiċidi mill-art;

    (b)

    il-pestiċidi użati għandhom ikunu approvati espliċitament għall-bexx mill-ajru mill-Istat Membru wara valutazzjoni speċifika li tindirizza r-riskji tal-bexx mill-ajru;

    (c)

    l-operatur li jbexxex mill-ajru għandu jkollu ċertifikat kif imsemmi fl-Artikolu 5(2). Matul il-perijodu transitorju fejn is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni ma jkunux għadhom stabbiliti, l-Istati Membri jistgħu jaċċettaw evidenza oħra ta’ konoxxenza suffiċjenti;

    (d)

    l-intrapriża responsabbli għall-forniment ta’ applikazzjonijiet għall-bexx mill-ajru għandha tkun iċċertifikata minn awtorità kompetenti li tawtorizza tagħmir u inġenji tal-ajru għal applikazzjoni tal-pestiċidi mill-ajru;

    (e)

    jekk l-inħawi li għandhom jitbexxu qegħdin qrib ta’ nħawi miftuħin għall-pubbliku, fl-approvazzjoni għandhom jiġu inklużi miżuri speċifiċi ta’ mmaniġġar tar-riskju biex jiġi żgurat li ma hemmx effetti negattivi fuq is-saħħa ta’ persuni li jinzertaw fl-inħawi. L-inħawi fejn se jsir il-bexx m’għandhomx ikunu qrib ħafna ta’ nħawi residenzjali;

    (f)

    mill-2013, l-ajruplan għandu jkun mgħammar b’aċċessorji li jikkostitwixxu l-aħjar teknoloġija disponibbli biex inaqqsu t-tifrix tal-bexx.

    3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti għall-istabbiliment tal-kondizzjonijiet speċifiċi li bihom jista’ jitwettaq il-bexx mill-ajru, għall-analiżi ta’ talbiet skont il-paragrafu 4 u sabiex jirrendu pubblika l-informazzjoni dwar l-uċuħ tar-raba’, iż-żoni, iċ-ċirkostanzi u r-rekwiżiti partikolari għall-applikazzjoni inklużi l-kondizzjonijiet tat-temp meta jista’ jkun permess il-bexx mill-ajru.

    Fl-approvazzjoni l-awtoritajiet kompetenti għandhom jispeċifikaw il-miżuri meħtieġa għat-twissija lir-residenti u l-persuni fil-qrib fi żmien xieraq u għall-protezzjoni tal-ambjent fil-viċinanza taż-żona mbexxa.

    4.   Utent professjonali li jixtieq japplika pestiċidi permezz ta’ bexx mill-ajru għandu jippreżenta talba għall-approvazzjoni ta’ pjan ta’ applikazzjoni lill-awtorità kompetenti biex japplika pestiċidi permezz ta’ bexx mill-ajru flimkien ma’ evidenza li turi li l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2 u 3 huma ssodisfati. It-talba għall-applikazzjoni ta’ bexx mill-ajru, b’konformità mal-pjan ta’ applikazzjoni approvat, għandha titressaq fi żmien xieraq lill-awtorità kompetenti. Għandu jkollha informazzjoni dwar il-ħin proviżorju tal-bexx u l-ammonti u t-tip tal-pestiċidi applikati.

    L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li t-talbiet għall-applikazzjonijiet għal bexx mill-ajru b’konformità ma’ pjan ta’ applikazzjoni approvat, li għalihom ma ġiet riċevuta ebda tweġiba dwar id-deċiżjoni li ttieħdet fil-perijodu ta’ żmien stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti, għandhom jitqiesu bħala approvati.

    B’mod partikulari, f’ċirkustanzi bħal ma huma sitwazzjonijiet ta’ emerġenza jew ta’ diffikultà speċifika, talbiet uniċi ta’ applikazzjoni ta’ bexx mill-ajru jistgħu wkoll jitressqu għall-approvazzjoni. Fejn dan huwa ġustifikat, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom il-possibiltà li japplikaw proċedura mgħaġġla sabiex jivverifikaw li l-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 jiġu sodisfatti qabel l-applikazzjoni ta’ bexx mill-ajru.

    5.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 huma sodisfatti billi jwettqu monitoraġġ xieraq.

    6.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu reġistru tat-talbiet u l-approvazzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 4 u għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku l-informazzjoni relevanti li jinsabu fihom, bħall-inħawi fejn se jsir il-bexx, il-jum u l-ħin maħsub meta se jsir il-bexx u t-tip ta’ pestiċidji, b’konformità mal-liġi nazzjonali jew Komunitarja applikabbli.

    Artikolu 10

    Informazzjoni lill-pubbliku

    L-Istati Membri jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom sabiex jiġu infurmati l-persuni li jistgħu jkunu esposti għat-tifrix tal-bexx.

    Artikolu 11

    Miżuri speċifiċi għall-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku u l-ilma tax-xorb

    1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu adottati miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-ambjent akkwatiku u l-provvisti tal-ilma tax-xorb mill-impatt tal-pestiċidi. Dawk il-miżuri għandhom jappoġġaw u jkunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2000/60/KE u Regolament (KE) Nru 1107/2009.

    2.   Il-miżuri previsti fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu:

    (a)

    li tingħata preferenza lil pestiċidi li mhumiex ikklassifikati bħala perikolużi għall-ambjent akwatiku skont id-Direttiva 1999/45/KE u li ma fihomx sustanzi perikolużi ta’ prijorità kif stabbilit fl-Artikolu 16(3) tad-Direttiva 2000/60/KE;

    (b)

    li tingħata prefenza lit-tekniki ta’ applikazzjoni l-aktar effiċjenti, bħall-użu ta’ tagħmir għall-applikazzjoni ta’ pestiċidi b’tifrix minimu (low-drift) speċjalment fuq prodotti vertikali bħall-ħobż u dawk li jinstabu f’ġonna tas-siġar tal-frott u fl-għelieqi tad-dwieli;

    (c)

    l-użu ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni li jimminimizzaw ir-riskju ta’ tniġġiż lil hinn mis-sit ikkawżat mit-tifrix tal-bexx, il-flussi ta’ katusi u t-tnixxijat. Dawn għandhom jinkludu, meta meħtieġ, l-istabbiliment ta’ żoni ta’ separazzjoni ta’ daqs xieraq għall-protezzjoni ta’ organiżmi akwatiċi mhux immirati u zoni ta’ salvagwardja għall-ilmijiet tal-wiċċ u ta’ taħt l-art użati għall-astrazzjoni ta’ ilma tax-xorb, fejn il-pestiċidi m’għandhomx jintużaw jew jinħażnu;

    (d)

    it-tnaqqis kemm jista’ jkun jew l-eliminazzjoni jekk ikun xieraq, ta’ applikazzjonijiet fuq jew tul toroq, linji tal-ferrovija, uċuħ permeabbli ħafna jew infrastruttura oħra qrib l-ilma tal-wiċċ jew l-ilma ta’ taħt l-art, jew fuq uċuħ issiġillati b’riskju għoli ta’ tnixxijat ġo sistemi tal-ilma tal-wiċċ jew tad-dranaġġ.

    Artikolu 12

    Tnaqqis tal-użu jew ir-riskji tal-pestiċidi f’zoni speċifiċi

    L-Istati Membri għandhom, filwaqt li jqisu kif xieraq ir-rekwiżiti ta’ iġjene u saħħa pubblika u l-bijodiversità meħtieġa, jew ir-riżultati ta’ valutazzjonijiet ta’ riskju rilevanti, jiżguraw li l-użu tal-pestiċidi jkun minimizzat jew ipprojbit f’ċerti zoni speċifiċi. Għandhom jittieħdu miżuri xierqa għall-immaniġġar tar-riskju u l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li huwa ta’ riskju baxx, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u miżuri ta’ kontroll bijoloġiku għandhom jitqiesu qabel kollox. L-oqsma speċifiċi kkonċernati huma:

    (a)

    żoni użati mill-pubbliku ġenerali jew minn gruppi vulnerabbli kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009, bħal parks u ġonna pubbliċi, grawnds tal-isports u tar-rikreazzjoni, artijiet u btieħi tal-iskejjel, postijiet fejn jilagħbu t-tfal u qrib ħafna ta’ faċilitajiet tal-kura medika;

    (b)

    żoni protetti kif definiti fid-Direttiva 2000/60/KE jew żoni oħrajn identifikati għall-finijiet tal-istabbiliment tal-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 79/409/KEE u 92/43/KEE;

    (c)

    żoni ttrattati reċentement użati jew aċċessibbli għall-ħaddiema agrikoli.

    Artikolu 13

    L-immaniġġar u l-ħżin tal-pestiċidi u t-trattament tal-ippakkjar u l-fdalijiet tagħhom

    1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-operazzjonijiet li ġejjin minn utenti professjonali u fejn applikabbli minn distributuri ma jipperikolawx is-saħħa tal-bnedmin jew l-ambjent:

    (a)

    il-ħżin, l-immaniġġar, id-dilwizzjoni u t-taħlit tal-pestiċidi qabel l-applikazzjoni;

    (b)

    l-immaniġġar tal-ippakkjar u l-fdalijiet tal-pestiċidi;

    (c)

    ir-rimi tat-taħlitiet tat-tankijiet li jifdal wara l-applikazzjoni;

    (d)

    it-tindif tat-tagħmir użat wara l-applikazzjoni;

    (e)

    l-irkupru jew ir-rimi tal-fdalijiet tal-pestiċidi u l-imballaġġi tagħhom skont il-leġislazzjoni Komunitarja dwar l-iskart.

    2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa fir-rigward tal-pestiċidi awtorizzati għal utenti mhux professjonali biex jevitaw operazzjonijiet ta’ maniġġar perikolużi. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu l-użu ta’ pestiċidi ta’ tossiċità baxxa, formulazzjonijiet imħejjijin minn qabel għall-użu u limiti fuq id-daqsijiet ta’ kontenituri jew ippakkjar.

    3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ż-żoni ta’ ħżin għall-pestiċidi għal użu professjonali għandhom jiġu mibnija b’tali mod li jimpedixxu rilaxxi mhux mixtieqa. Għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-post, id-daqs u l-materjal ta’ kostruzzjoni.

    Artikolu 14

    Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara

    1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippromwovu l-ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi, filwaqt li, fejn ikun possibbli, tingħata prijorità lil metodi mhux kimiċi, sabiex l-utenti professjonali tal-pestiċidi jaqilbu għal prodotti u prattika bl-aktar riskju baxx għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent fost dawk disponibbli għall-istess problema ta’ organiżmi ta’ ħsara. Ġestjoni ta’ organiżmi ta’ ħsara b’użu baxx ta’ pestiċidi tinkludi Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara kif ukoll biedja organika skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 834/2007 tat-28 ta’ Ġunju 2007 dwar il-produzzjoni organika u t-tikkettar ta’ prodotti organiċi (22).

    2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu jew jappoġġaw l-istabbiliment tal-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara. B’mod partikolari, huma għandhom jiżguraw li l-utenti professjonali jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom informazzjoni u għodod għall-monitoraġġ ta’ organiżmi ta’ ħsara u għat-teħid tad-deċiżjonijiet, kif ukoll servizzi ta’ konsulenza dwar ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara.

    3.   Sat-30 ta’ Ġunju 2013, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 u, partikolarment, jekk il-kondizzjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara jkunux attwati.

    4.   L-Istati Membri għandhom jiddeskrivu fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom kif jiżguraw li l-prinċipji ġenerali tal-immaniġġar integrat ta’ organiżmi ta’ ħsara kif stabbilit fl-Anness III jiġu implimentati mill-utenti kollha tal-pestiċidi professjonali sal-1 ta’ Jannar 2014.

    Il-miżuri mfassla sabiex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati mal-emendament tal-Anness III sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku għandhom jiġu addottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).

    5.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu inċentivi xierqa biex iħeġġu lill-utenti professjonali jimplimentaw linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara fuq bażi volontarja. L-awtoritajiet pubbliċi u/jew l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw utenti professjonali partikolari jistgħu jfasslu linji gwida bħal dawn. L-Istati Membri għandhom jirreferu għal dawk il-linji gwida li huma jikkunsidraw rilevanti u xierqa fil-Pjanijiet ta’ Azzjoni Nazzjonali tagħhom.

    KAPITOLU V

    INDIKATURI, RAPPURTAR U SKAMBJU TA’ INFORMAZZJONI

    Artikolu 15

    Indikaturi

    1.   Għandhom jiġu stabbiliti indikaturi tar-riskju armonizzati kif imsemmi fl-Anness IV. Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jkomplu jużaw l-indikaturi nazzjonali eżistenti jew jadottaw indikaturi xierqa oħrajn flimkien ma’ dawk armonizzati.

    Miżuri mfassla sabiex jemendaw elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva relatati mal-emendar tal-Anness IV sabiex jittieħed kont tal-progress xjentifiku u tekniku, għandhom jiġu addottati konformement mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 21(2).

    2.   L-Istati Membri għandhom:

    (a)

    jikkalkolaw l-indikaturi tar-riskju armonizzati kif imsemmi fil-paragrafu 1 bl-użu ta’ data statistika miġbura konformement mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-istatistika ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti flimkien ma’ data relevanti oħra;

    (b)

    jidentifikaw tendenzi fl-użu ta’ ċerti sustanzi attivi;

    (c)

    jidentifikaw oġġetti ta’ prijorità, bħal sustanzi attivi, uċuħ tar-raba’, reġjuni jew prattika, li jeħtieġu attenzjoni partikolari jew prattika tajba li jistgħu jintużaw bħala eżempji sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva li jitnaqqsu r-riskji u l-impatti tal-użu tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent u biex jiġu inkoraġġiti l-iżvilupp u l-introduzzjoni tal-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara u ta’ approċċi jew tekniki alternattivi sabiex titnaqqas id-dipendenza fuq l-użu tal-pestiċidi.

    3.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet imwettqa skont il-paragrafu 2 lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra u għandhom jagħmlu din l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-indikaturi tar-riskju fil-livell Komunitarju billi tuża data statistika miġbura konformement mal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-istatistika ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u data rilevanti oħra, sabiex tagħmel stima tax-xejriet fir-riskji mill-użu tal-pestiċidi.

    Il-Kummissjoni għandha wkoll tuża din id-data u l-informazzjoni biex tivvaluta l-progress fil-kisba tal-objettivi ta’ linji politiċi Komunitarji oħrajn immirati biex inaqqsu l-impatt tal-pestiċidi fuq is-saħħa tal-bniedem u fuq l-ambjent.

    Ir-riżultati għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku ġenerali fuq il-websajt imsemmi fl-Artikolu 4(4).

    Artikolu 16

    Rappurtar

    Il-Kummissjoni għandha tippreżenta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar il-progress fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, akkumpanjat fejn xieraq minn proposti għal emendi.

    KAPITOLU VI

    DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 17

    Penali

    L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-penali applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

    L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni sal-14 ta’ Diċembru 2012 u għandhom jgħarrfuha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti.

    Artikolu 18

    Skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattika

    Il-Kummissjoni għandha tressaq bħala prijorità għad-diskussjoni fil-grupp ta’ esperti tal-istrateġija tematika dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattika fil-qasam tal-użu sostenibbli tal-pestiċidi u l-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara.

    Artikolu 19

    Ħlasijiet u imposti

    1.   L-Istati Membri jistgħu jirkupraw l-ispejjeż assoċjati ma’ kwalunkwe ħidma li tirriżulta mill-obbligi taħt din id-Direttiva permezz ta’ ħlas jew imposta.

    2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħlas jew l-imposta msemmija fil-paragrafu 1 hija stabbilita b’mod trasparenti u tikkorrespondi għall-ispiża attwali tal-ħidma involuta.

    Artikolu 20

    Standardizzazzjoni

    1.   L-istandards imsemmija fl-Artikolu 8(4) ta’ din id-Direttiva għandhom jiġu stabbiliti konformement mal-proċedura prevista fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi u ta’ regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (23).

    It-talba għall-iżvilupp ta’ dawn l-istandards tista’ tiġi stabbilita f’konsultazzjoni mal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 21(1).

    2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika r-referenzi tal-istandards f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Meta Stat Membru jew il-Kummissjoni jqisu li standard armonizzat ma jissodisfax għal kollox ir-rekwiżiti li jkopri, il-Kummissjoni jew l-Istat Membru kkonċernat għandhom iressqu l-kwistjoni quddiem il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 5 tad-Direttiva 98/34/KE, u jippreżentaw il-każ tagħhom. Dak il-Kumitat għandujagħti l-opinjoni tiegħu mingħajr dewmien.

    Fid-dawl tal-opinjoni ta’ dak il-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li tippubblika, li ma tippubblikax, li tippubblika b’mod ristrett, li żżomm, li żżomm b’mod ristrett jew li tirtira r-referenzi għall-istandard armonizzat konċernat fi jew minn ll-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 21

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali stabbilit bl-Artikolu 58 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (24).

    2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandhom japplikaw l-Artikoli 5a(1) sa (4) u Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

    Artikolu 22

    Nefqa

    Sabiex issostni l-istabbiliment ta’ politika u sistemi armonizzati fil-qasam tal-użu sostenibbli tal-pestiċidi, il-Kummissjoni tista’ tiffinanzja:

    (a)

    l-iżvilupp ta’ sistema armonizzata li tinkludi bażi ta’ data xierqa għall-ġbir u l-ħżin tal-informazzjoni kollha marbuta mal-indikaturi tar-riskju tal-pestiċidi, u biex din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, partijiet interessati oħrajn u l-pubbliku ġenerali;

    (b)

    it-twettiq ta’ studji meħtieġa għat-tħejjija u l-iżvilupp ta’ leġislazzjoni, inkluż l-adattament tal-Annessi ta’ din id-Direttiva għall-avvanzi tekniċi;

    (c)

    l-iżvilupp ta’ gwida u tal-aħjar prattika biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.

    Artikolu 23

    Traspożizzjoni

    1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sal-14 ta’ Diċembru 2011.

    Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, huma għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-publikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi ta’ kif għandha ssir tali referenza għandha tiġi stabbilita mill-Istati Membri.

    2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

    Artikolu 24

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 25

    Indirizzati

    Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Strasburgu, il-21 ta’ Ottubru 2009.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    J. BUZEK

    Għall-Kunsill

    Il-President

    C. MALMSTRÖM


    (1)  ĠU C 161, 13.7.2007, p. 48.

    (2)  ĠU C 146, 30.6.2007, p. 48.

    (3)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Ottubru 2007 (ĠU C 263 E, 16.10.2008, p. 158), Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2008 (ĠU C 254 E, 7.10.2008, p. 1) u Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta’ Jannar 2009 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2009.

    (4)  ĠU L 242, 10.9.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 103, 25.4.1979, p. 1.

    (6)  ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

    (7)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

    (8)  ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1.

    (9)  Ara p. 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (10)  ĠU L 277, 21.10.2005, p. 1.

    (11)  ĠU L 156, 25.6.2003, p. 17.

    (12)  ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11.

    (13)  ĠU L 158, 30.4.2004, p. 50.

    (14)  ĠU L 157, 9.6.2006, p. 24.

    (15)  ĠU L 114, 27.4.2006, p. 9.

    (16)  ĠU L 377, 31.12.1991, p. 20.

    (17)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

    (18)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.

    (19)  ĠU L 123, 24.4.1998, p. 1.

    (20)  ĠU L 230, 19.8.1991, p. 1.

    (21)  ĠU L 200, 30.7.1999, p. 1.

    (22)  ĠU L 189, 20.7.2007, p. 1.

    (23)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

    (24)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.


    ANNESS I

    Suġġetti ta’ taħriġ imsemmijin fl-Artikolu 5

    1.

    Il-leġislazzjoni rilevanti kollha rigward il-pestiċidi u l-użu tagħhom.

    2.

    L-eżistenza u r-riskji tal-prodotti illegali (ffalsifikati) għall-protezzjoni tal-pjanti, u l-metodi ta’ identifikazzjoni ta’ prodotti ta’ dan it-tip.

    3.

    Il-perikli u r-riskji assoċjati mal-pestiċidi, u kif jiġu identifikati u kkontrollati, b’mod partikolari:

    (a)

    ir-riskji lill-bnedmin (operaturi, residenti, persuni fil-qrib, persuni li jidħlu f’żoni ttrattati u dawk li jmissu jew jieklu l-oġġetti ttrattati) u kif fatturi bħal ma hu t-tipjip jaggravaw dawn ir-riskji;

    (b)

    is-sintomi tal-avvelenament bil-pestiċidi u l-miżuri tal-ewwel għajnuna;

    (c)

    ir-riskji għall-pjanti mhux fil-mira, l-insetti li huma ta’ benefiċċju, il-flora u l-fawna salvaġġa, il-bijodiversità u l-ambjent b’mod ġenerali.

    4.

    Kunċetti dwar strateġiji u metodi għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara, strateġiji u metodi għall-ġestjoni integrata tal-uċuħ tar-raba’, prinċipji tal-biedja organika, metodi ta’ kontroll bijoloġiku ta’ organiżmi ta’ ħsara, informazzjoni dwar il-prinċipji ġenerali u l-linji gwida speċifiċi għall-uċuħ tar-raba’ jew għas-settur għall-ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara.

    5.

    Inizjazzjoni għal valutazzjoni komparattiva fil-livell tal-utent biex tgħin lill-utenti professjonali jagħmlu l-aktar għażliet xierqa dwar il-pestiċidi bl-inqas effetti sekondarji fuq is-saħħa tal-bniedem, l-organiżmi mhux fil-mira u l-ambjent minn fost il-prodotti kollha awtorizzati għal problema speċifika ta’ organiżmu ta’ ħsara, f’sitwazzjoni speċifika.

    6.

    Miżuri biex jiġu minimizzati r-riskji lill-bnedmin, lil organiżmi mhux fil-mira u lill-ambjent: prattika operattiva sikura għall-ħżin, l-immaniġġar u t-taħlit tal-pestiċidi, u r-rimi ta’ ppakkjar vojt, materjal ieħor ikkontaminat u pestiċidi żejda li jifdal (inklużi taħlitiet f’tankijiet), kemm jekk f’għamla konċentrata kif ukoll jekk dilwita; il-metodu rakkomandat għall-kontroll tal-espożizzjoni tal-operatur (tagħmir ta’ protezzjoni personali).

    7.

    Metodi bbażati fuq ir-riskju li jqisu l-varjazzjonijiet lokali tal-ġbir tal-ilma, bħall-klima, il-ħamrija u tipi ta’ uċuħ tar-raba’, u l-għoli tal-art.

    8.

    Proċeduri ta’ preparazzjoni għat-tħaddim ta’ tagħmir ta’ applikazzjoni ta’ pestiċidi, inkluż l-ikkalibrar tiegħu, u għat-tħaddim tiegħu b’riskji minimi għall-utent, bnedmin oħrajn, speċijiet ta’ annimali u pjanti mhux fil-mira, il-bijodiversità u l-ambjent, inklużi r-riżorsi tal-ilma.

    9.

    L-użu tat-tagħmir għall-applikazzjoni ta’ pestiċidi u l-manutenzjoni tiegħu, u metodi speċifiċi ta’ bexx (eż. bexx b’volum żgħir u żnienen li ma jferrxux ħafna), kif ukoll l-objettivi tal-verifika teknika tal-bexxiexa fl-użu u modi kif tittejjeb il-kwalità tal-bexx. Riskji speċifiċi marbuta mal-użu ta’ tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi li jinżamm fl-idejn, jew tal-apparat għall-bexx li jiddendel fuq id-dahar u l-miżuri relevanti għall-ġestjoni tar-riskju.

    10.

    Azzjoni ta’ emerġenza biex tipproteġi s-saħħa tal-bniedem, l-ambjent, inklużi r-riżorsi tal-ilma f’każ ta’ tixrid aċċidentali, kontaminazzjoni u avvenimenti meteoroloġiċi estremi li jirriżultaw f’riskji ta’ lissija tal-pestiċidi.

    11.

    Kura speċjali f’żoni protetti stabbiliti skont l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2006/60/KE.

    12.

    Monitoraġġ tas-saħħa u faċilitajiet ta’ aċċess għar-rappurtar dwar kwalunkwe inċident jew inċident suspettat.

    13.

    Iż-żamma ta’ reġistru għal kwalunkwe użu ta’ pestiċidi, konformement mal-leġislazzjoni rilevanti.


    ANNESS II

    Rekwiżiti ta’ saħħa u sikurezza u dawk ambjentali marbutin mal-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi

    L-ispezzjoni tat-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandha tkopri l-aspetti kollha li huma importanti biex jinkiseb livell għoli ta’ sigurtà u protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Għandha tiġi żgurata effettività sħiħa tal-operazzjoni ta’ applikazzjoni permezz ta’ tħaddim tajjeb tal-apparat u l-funzjonijiet tat-tagħmir biex ikun garantit li l-objettivi li ġejjin jintlaħqu.

    It-tagħmir għall-applikazzjoni tal-pestiċidi għandu jiffunzjona b’mod affidabbli u jintuża sew għall-finijiet intenzjonati tiegħu filwaqt li jiġi żgurat li l-pestiċidi jistgħu jiġu ddożati u distribwiti b’mod preċiż. It-tagħmir għandu jkun f’tali kondizzjoni li jkun jista’ jimtela’ u jitbattal b’mod sikur, faċli u sħiħ u li jimpedixxi t-tnixxija ta’ pestiċidi. Huwa għandu jippermetti wkoll tindif faċli u fil-fond. Huwa għandu jiżgura wkoll tħaddim sikur, u jkun jista’ jiġi kkontrollat u jkun kapaċi jiġi mwaqqaf immedjatament minn-naħa tal-operatur. Fejn meħtieġ, l-aġġustamenti għandhom ikunu sempliċi, preċiżi u kapaċi jiġu riprodotti.

    Għandha tingħata attenzjoni partikolari lil:

    1.   Apparat għat-trasmissjoni tal-enerġija

    Il-parti protettiva tal-power take-off drive shaft u l-parti protettiva tal-power input connection għandhom ikunu mmuntati u f’kondizzjoni tajba u t-tagħmir protettiv u kwalunkwe apparat tat-trasmissjoni tal-enerġija li tiċċaqlaq jew iddur m’għandhomx ikunu affettwati fit-tħaddim tagħhom sabiex tkun żgurata l-protezzjoni tal-operatur.

    2.   Pompa

    Il-kapaċità tal-pompa għandha tkun adatta għall-ħtiġijiet tat-tagħmir u l-pompa għandha taħdem sewwa sabiex tiżgura rata ta’ applikazzjoni stabbli u affidabbli. Ma għandu jkun hemm l-ebda tnixxija mill-pompa.

    3.   Aġitazzjoni

    It-tagħmir għall-aġitazzjoni għandu jiżgura riċirkolazzjoni tajba sabiex tinkiseb konċentrazzjoni uniformi fil-volum kollu tat-taħlita likwida tal-bexx fit-tank.

    4.   Tank tal-bexx likwidu

    It-tankijiet tal-bexx, inklużi l-indikatur tal-kontenut tat-tank, it-tagħmir għall-mili, il-passaturi u l-filtri, is-sistemi ta’ żvujtar u tlaħliħ, u l-apparat għat-taħlit, għandhom joperaw b’tali mod li jkunu minimizzati tixrid aċċidentali, distribuzzjonijiet mhux uniformi ta’ konċentrazzjoni, espożizzjoni tal-operatur u kontenut residwu.

    5.   Sistemi ta’ kejl u sistemi ta’ kontroll u regolazzjoni

    L-apparat kollu għall-kejl, biex titfi u tixgħel u għall-aġġustament tal-pressjoni u/jew ir-rata tal-fluss għandhom ikunu kkalibrati sew u jaħdmu sew u m’għandu jkun hemm l-ebda tnixxija. Il-kontroll tal-pressjoni u l-operazzjoni tal-apparat għall-aġġustament tal-pressjoni għandu jkun jista’ jsir faċilment matul l-applikazzjoni. L-apparat għall-aġġustament tal-pressjoni għandu jżomm pressjoni kostanti waqt l-operat b’tidwir kostanti tal-pompa, sabiex ikun żgurat li tiġi applikata rata stabbli tal-volum tal-applikazzjoni.

    6.   Pajpijiet u manek

    Il-pajpijiet u l-manek għandhom ikunu f’kondizzjoni tajba biex jiġu evitati disturbi tal-fluss tal-likwidu jew tixrid aċċidentali fil-każ ta’ ħsara. Ma għandu jkun hemm l-ebda tnixxija mill-pajpijiet jew mill-manek meta jitħaddmu bil-pressjoni massima li tista’ tintlaħaq mis-sistema.

    7.   Filtrar

    Sabiex ikunu evitati t-turbolenza u l-eteroġeneità fil-modi kif joħroġ il-bexx, il-filtri għandhom ikunu f’kondizzjoni tajba u d-daqs tax-xibka tal-filtri għandu jikkorrispondi għad-daqs taż-żnienen immuntati fuq il-bexxiex. Fejn applikabbli, is-sistema li tindika li l-filter ikun misdud għandha taħdem sewwa.

    8.   Id-driegħ tal-bexxiex (għal tagħmir li jbexxex il-pestiċidi permezz ta’ driegħ ippożizzjonat orizzontalment, li jinsab qrib il-wiċċ tar-raba’ jew il-materjal li jrid jiġi ttrattat)

    Id-driegħ tal-bexxiex għandu jkun f’kondizzjoni tajba u stabbli fid-direzzjonijiet kollha. Is-sistemi tal-immuntar u l-aġġustament u t-tagħmir biex jittaffa ċ-ċaqliq mhux intenzjonat u għall-kumpens tal-pendil għandhom jaħdmu b’mod tajjeb.

    9.   Żnienen

    Iż-żnienen għandhom jaħdmu sewwa biex jikkontrollaw it-taqtir meta jieqaf il-bexx. Biex tkun żgurata l-omoġeneità ta’ kif joħroġ il-bexx, ir-rata tal-fluss ta’ kull żennuna individwali m’għandhiex tvarja b’mod sinifikanti mid-data fit-tabelli tar-rata tal-fluss ipprovduti mill-manifattur.

    10.   Distribuzzjoni

    Id-distribuzzjoni trasversali u vertikali (fil-każ ta’ applikazzjonijiet f’uċuħ tar-raba’ vertikali) tat-taħlita tal-bexx fiż-żona ta’ mira għandhom ikunu uniformi, fejn rilevanti.

    11.   Blower (għal tagħmir li jbexxex il-pestiċidi permezz tal-arja)

    Il-blower għandu jkun f’kondizzjoni tajba u għandu jiżgura fluss stabbli u affidabbli tal-arja.


    ANNESS III

    Prinċipji ġenerali tal-Ġestjoni Integrata ta’ Organiżmi ta’ Ħsara

    1.

    Il-prevenzjoni u/jew it-trażżin ta’ organiżmi ta’ ħsara għandhom jinkisbu jew jiġu appoġġati fost għażliet oħra b’mod partikolari permezz ta’:

    ir-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba’,

    l-użu ta’ tekniki ta’ kultivazzjoni adegwati (eż., it-teknika tal-użu ta’ ħammiela mhux friska, l-għażla ta’ żmien iż-żrigħ u tad-densitajiet, iż-żrigħ bil-ftit, it-tħaddim tal-ħamrija biex tiġi kkonservata, iż-żbir u ż-żrigħ dirett),

    l-użu, fejn xieraq, ta’ cultivars reżistenti/tolleranti u żerriegħa u materjal ta’ taħwil standard/iċċertifikati,

    l-użu ta’ prattika bbilanċjata ta’ fertilizzazzjoni, ta’ trattament bil-ġir u ta’ tisqija/skular tal-ilma,

    il-prevenzjoni tal-firxa ta’ organiżmi ta’ ħsara b’miżuri ta’ iġjene (eż. permezz ta’ tindif regolari ta’ makkinarju u tagħmir),

    il-protezzjoni u t-tisħiħ ta’ organiżmi ta’ benefiċċju importanti, eż. b’miżuri adegwati għall-protezzjoni tal-pjanti jew l-użu ta’ infrastrutturi ekoloġiċi ġo u barra mis-siti ta’ produzzjoni.

    2.

    L-organiżmi ta’ ħsara għandhom jiġu mmonitorjati b’metodi u għodod adegwati, fejn disponibbli. Għodod adegwati bħal dawn għandhom jinkludu osservazzjonijiet fil-post kif ukoll sistemi ta’ twissija, previżjoni u dijanjosi bikrija li jkunu xjentifikament tajbin, fejn ikun vijabbli, kif ukoll l-użu ta’ parir minn konsulenti professjonali kkwalifikati.

    3.

    L-utent professjonali għandu jiddeċiedi jekk għandux japplika l-miżuri għall-protezzjoni tal-pjanti u meta, abbażi tar-riżultati tal-monitoraġġ. Valuri ta’ limitu robusti u xjentifikament tajbin huma komponenti essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Għall-organiżmi ta’ ħsara għandhom jitqiesu l-livelli ta’ limitu definiti għar-reġjun, iż-żoni speċifiċi, l-uċuħ tar-raba u l-kondizzjonijiet klimatiċi partikolari qabel it-trattament, fejn vijabbli.

    4.

    Metodi sostenibbli bijoloġiċi, fiżiċi u mhux kimiċi oħrajn għandhom ikunu ppreferuti fuq metodi kimiċi jekk huma jipprovdu kontroll sodisfaċenti tal-organiżmi ta’ ħsara.

    5.

    Il-pestiċidi applikati għandhom ikunu speċifiċi kemm jista’ jkun għall-mira u għandu jkollhom l-inqas effetti sekondarji fuq is-saħħa tal-bniedem, l-organiżmi mhux fil-mira u l-ambjent.

    6.

    L-utent professjonali għandu jżomm l-użu tal-pestiċidi u forom oħra ta’ intervent għal-livelli meħtieġa, eż. b’dożi mnaqqsin, frekwenza ta’ applikazzjoni mnaqqsa jew applikazzjonijiet parzjali, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-livell ta’ riskju fil-veġetazzjoni huwa aċċettabbli u li huma ma jżidux ir-riskju għall-iżvilupp ta’ reżistenza fil-popolazzjonijiet tal-organiżmi ta’ ħsara.

    7.

    Fejn ikun magħruf ir-riskju ta’ reżistenza kontra miżura għall-protezzjoni tal-pjanti u fejn il-livell tal-organiżmi ta’ ħsara jeħtieġ applikazzjoni ripetuta ta’ pestiċidi għall-uċuħ tar-raba’, għandhom jiġu applikati strateġiji disponibbli ta’ kontra r-reżistenza biex tinżamm l-effettività tal-prodotti. Dan jista’ jinkludi l-użu ta’ pestiċidi multipli b’modi ta’ azzjoni differenti.

    8.

    L-utent professjonali għandu jivverifika s-suċċess tal-miżuri applikati għall-protezzjoni tal-pjanti abbażi tar-riżultati dwar l-użu tal-pestiċidi u dwar il-monitoraġġ tal-organiżmi ta’ ħsara.


    ANNESS IV

    Indikaturi tar-riskju armonizzati


    Top