EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

Il-Bank Ewropew tal-Investiment

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Protokoll (Nru 5) dwar l-istatuti tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI) anness mat-Trattat tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAL-PROTOKOLL (NRU 5)?

  • Dan fih ir-regoli operattivi tal-Bank Ewropew għall-Investiment (BEI), l-istituzzjoni finanzjarja tal-UE.
  • Huwa jistabbilixxi l-kompożizzjoni u l-kompiti tal-BEI.
  • Il-BEI għandu personalità ġuridika, awtonomija finanzjarja u l-istruttura tiegħu stess għat-teħid tad-deċiżjonijiet.

PUNTI EWLENIN

Imwaqqaf sabiex jassisti l-iżvilupp ibbilanċjat u sod tal-UE, il-BEI jipprovdi finanzjament u għarfien espert għal proġetti ta’ investiment sodi u sostenibbli fl-Ewropa u lil hinn. Proprjetà ta’ 28 pajjiż tal-UE (1), il-proġetti li jappoġġa jikkontribwixxu sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ politika tal-UE.

Sede, membri u kapital

Il-BEI huwa bbażat fil-Lussemburgu. Il-pajjiżi kollha tal-UE jissottoskrivu għall-kapital tiegħu, li fl-1 ta’ Lulju 2015 kien ta’ EUR 243 biljun. Kull pajjiż jikkontribwixxi skont il-piż ekonomiku tiegħu (imfisser fi Prodott Domestiku Gross) meta ssieħeb fl-UE. Meta pajjiż ġdid jissieħeb fl-UE, il-kapital jiżdied. Il-Bord tal-Gvernaturi tal-BEI jista' jiddeċiedi b’unanimità li jżid il-kapital sottoskritt.

Kompożizzjoni

Il-Bord tal-Gvernaturi

Il-Bord tal-Gvernaturi jikkonsisti minn Ministri nnominati mill-pajjiżi tal-UE (normalment Ministri tal-Finanzi). Dan huwa l-korp ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet prinċipali tal-BEI. Huwa jistabbilixxi linji gwida għall-bank u jieħu l-aktar deċiżjonijiet importanti bħal:

  • linji gwida dwar il-politika tal-kreditu;
  • il-ħatra u r-remunerazzjoni ta’ membri ta’ korpi governattivi oħra;
  • l-approvazzjoni tal-kontijiet annwali;
  • l-awtorizzazzjoni, pajjiż b’pajjiż, biex il-Bank jopera barra mill-UE;
  • żidiet fil-kapital.

Il-Bord tad-Diretturi

Il-Bord tad-Diretturi jikkonsisti minn 29 Direttur, b’direttur wieħed innominat minn kull pajjiż tal-UE u wieħed mill-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk, hemm 19-il Direttur Alternat. Sabiex iwessa’ l-kompetenzi professjonali tal-Bord tad-Diretturi f’ċerti oqsma, il-Bord għamel użu mill-possibbiltà li jagħżel sitt esperti li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-bord mingħajr drittijiet li jivvutaw.

Il-Bord tad-Diretturi japprova kull deċiżjoni li jingħata finanzjament u l-programm ta’ self. Dan jirrevedi l-operazzjonijiet ta’ self u tat-teżor u jeżerċita kontroll fuq l-attivitajiet tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija

Il-Kumitat ta’ Tmexxija huwa responsabbli għall-ġestjoni ta’ kuljum tal-Bank taħt l-awtorità tal-President tal-BEI. Dan għandu President u tmien Viċi-Presidenti. Tradizzjonalment, membru wieħed huwa nnominat minn kull wieħed mill-akbar pajjiżi tal-UE f’termini tal-parteċipazzjoni azzjonarja tagħhom (Franza, il-Ġermanja, l-Italja u r-Renju Unit (1)), filwaqt li l-ħamsa l-oħra jiġu nnominati mill-pajjiżi l-oħrajn, diviżi f’ħames gruppi ta’ pajjiżi. Il-membri tal-Kumitat tat-Tmexxija huma responsabbli biss lejn il-Bank u huma indipendenti fit-twettiq ta’ dmirijiethom.

Il-Kumitat tal-Verifika

Il-Kumitat tal-Verifika huwa korp indipendenti, responsabbli direttament quddiem il-Bord tal-Gvernaturi. Dan huwa responsabbli sabiex jivverifika li l-operazzjonijiet tal-Bank twettqu u li l-kotba tiegħu inżammu b’mod xieraq. Il-Kumitat tal-Verifika huwa responsabbli wkoll għall-awditjar tal-kontijiet tal-Bank. Dan jivverifika li l-attivitajiet tal-Bank jikkonformaw mal-aħjar prattika bankarja applikabbli għalih. Il-Kumitat tal-Verifika huwa magħmul minn sitt membri. Barra minn hekk, jistgħu jinħatru massimu ta’ tliet osservaturi biex jassistuh.

Għanijiet u operazzjonijiet

L-attività ewlenija tal-BEI hija li jappoġġa investimenti sodi. Dan jikkontribwixxi permezz ta’ “self, taħlit u l-għoti ta’ pariri”, jiġifieri billi jipprovdi finanzjament, jikkumplimenta l-finanzjament tal-UE u jagħti pariri dwar it-tfassil ta’ programmi jew proġetti. Il-missjoni tal-BEI hija stabbilita fl-Artikolu 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-BEI jipprovdi finanzjament għal proġetti kbar, ta’ spiss transnazzjonali (inkluża azzjoni klimatika globali) jew għal attivitajiet ekonomiċi li ma għandhomx aċċess immedjat għall-finanzjament (eż. f’reġjuni inqas żviluppati u SMEs) fit-territorji tal-pajjiżi tal-UE. Madankollu, b’deċiżjoni tal-Bord tal-Gvernaturi, il-Bank jista’ jagħti wkoll finanzjament għal investiment li jkun se jitwettaq barra mill-UE.

Prinċipji li għandhom jiġu osservati meta jingħata self

Il-fondi jridu jintużaw b’mod kemm jista’ jkun raġonevoli fl-interessi tal-UE.

La l-BEI u lanqas il-pajjiżi tal-UE ma jistgħu jimponu kundizzjonijiet li jeħtieġu li s-self jintefaq fi ħdan pajjiż tal-UE speċifikat. Il-BEI ma jista’ jiffinanzja l-ebda proġett li jopponi għalih il-pajjiż li fit-territorju tiegħu dan il-proġett ikun se jitwettaq.

Applikazzjonijiet għal self

L-applikazzjonijiet għal self jew garanzija jistgħu isiru lill-BEI jew permezz tal-Kummissjoni jew permezz tal-pajjiż tal-UE li fit-territorju tiegħu għandu jitwettaq il-proġett. Negozju jista’ japplika direttament għal self jew garanzija. F’kull każ, il-Kummissjoni u l-pajjiż tal-UE kkonċernat jintalbu jagħtu opinjoni.

Il-Kumitat ta’ Tmexxija jivverifika l-konformità tal-applikazzjonijiet għal self u garanziji. Il-proġetti u l-programmi jridu jkunu vijabbli f’erba’ oqsma: dak ekonomiku, tekniku, ambjentali u finanzjarju. Il-proġetti kollha huma vvalutati u ssorveljati bir-reqqa sakemm jitlestew.

Operazzjonijiet fis-swieq kapitali

Il-BEI għandu permess iwettaq operazzjonijiet fis-swieq kapitali. Huwa jista':

  • jissellef fondi fuq is-swieq kapitali meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu;
  • jixtri u jbigħ titoli fis-swieq finanzjarji;
  • jinvesti fis-swieq monetarji.

Sussidjarji

Il-BEI jista’ jistabbilixxi sussidjarji jew entitajiet oħrajn. Dawn irid ikollhom personalità ġuridika u awtonomija finanzjarja. Il-Bord tal-Gvernaturi għandu jadotta l-istatuti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet b’unanimità.

SFOND

Maħluq fl-1958, il-BEI huwa l-bank tal-UE għal self fit-tul. Fl-1994, ġie stabbilit il-FEI biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) b’rata għolja ta’ tkabbir u/jew dawk attivi f’teknoloġiji ġodda. Il-BEI huwa l-azzjonist maġġoritarju u l-operatur tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI). Fis-sena 2000, inħoloq il-Grupp BEI, li jikkonsisti mill-BEI u l-FEI. Fi ħdan il-Grupp, il-BEI jagħti self tal-bank fuq perjodu medju u twil, filwaqt li l-FEI jispeċjalizza f’operazzjonijiet ta’ kapital ta’ riskju u fl-għoti ta’ garanziji għall-SMEs.

Il-BEI u l-FEI se jaqdu rwol strumentali fil-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa bl-istabbiliment tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi fil-perjodu 2015–2017.

Għal aktar informazzjoni, ara

DOKUMENT EWLIENI

Protokoll (Nru 5) dwar l-istatut tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 251–264)

l-aħħar aġġornament 03.08.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top