MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-ATT DELEGAT
Ir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Liġi Ewropea dwar il-Klima) jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis fl-emissjonijiet netti ta’ mill-anqas 55 % tal-emissjonijiet sal-2030 meta mqabbel mal-1990. Għalhekk, id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tiġi riveduta s-sistema tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (EU ETS, EU Emission Trading System) u tiġi implimenta l-ambizzjoni stabbilita fil-Liġi Ewropea dwar il-Klima u fl-aġenda “Lesti għall-Mira ta’ 55 %”.
Il-Premessa 16 tad-Direttiva (UE) 2023/959 tiddikjara li “l-gassijiet serra li ma jiġux rilaxxati direttament fl-atmosfera jenħtieġ li jitqiesu bħala emissjonijiet taħt l-EU ETS u jenħtieġ li l-kwoti jiġu ċeduti għal dawk l-emissjonijiet, sakemm ma jkunux maħżuna f’sit tal-ħżin f’konformità mad-Direttiva 2009/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jew sakemm ma jkunux kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott hekk li f’kundizzjonijiet ta’ użu normali u kwalunkwe attività normali li sseħħ wara tmiem il-ħajja tal-prodott ma jidħlux fl-atmosfera”. Għalhekk, ġie introdott Artikolu 12(3b) ġdid fid-Direttiva 2003/87/KE biex jitneħħa l-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti għall-emissjonijiet ta’ gassijiet serra (GHG, greenhouse gas) li jinqabdu u jintużaw b’mod permanenti fi prodott, magħrufa wkoll bħala Qbid u Użu tal-Karbonju (CCU, Carbon Capture and Utilisation) permanenti, meta l-emissjonijiet “jitqiesu li jkunu nqabdu u ntużaw b’tali mod li jkunu saru kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott hekk li f’kundizzjonijiet ta’ użu normali ma jidħlux fl-atmosfera, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott”. Dan l-Artikolu jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea tadotta atti li jistabbilixxu r-rekwiżiti biex jitqies li tali emissjonijiet ta’ GHG ta’ installazzjoni tal-ETS saru kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott, u b’hekk l-operatur tal-ETS huwa eżentat mill-obbligu li jċedi l-kwoti għalihom. Kif jixhed l-isem qbid u użu tal-karbonju, teknoloġiji bħal dawn huma rilevanti għall-emissjonijiet tas-CO2, aktar milli għal GHGs oħra, bħal CH4 jew N2O. Għalhekk, il-formulazzjoni tar-rekwiżiti f’dan l-att issir b’rabta mal-emissjonijiet tas-CO2 jew il-karbonju li jirriżulta, aktar milli mal-GHGs b’mod ġenerali.
2.KONSULTAZZJONIJIET QABEL L-ADOZZJONI TAL-ATT
Il-Kummissjoni kkonsultat lill-membri tal-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni dwar il-Politika dwar it-Tibdil Klimatiku (“CCEG”, Commission Expert Group) fuq l-abbozz propost tar-regolament delegat f’Novembru 2023, kif ukoll fi Frar u f’Mejju 2024. Id-dokumenti rilevanti għal-laqgħat ġew trażmessi simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, kif previst fil-Fehim Komuni dwar l-Atti Delegati anness mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. L-osservazzjonijiet espressi mill-grupp ta’ esperti tqiesu fit-tħejjija tal-abbozz tar-Regolament Delegat.
L-abbozz tar-regolament delegat ġie ppubblikat fuq il-portal tat-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet għal perjodu ta’ feedback ta’ 4 ġimgħat mit-18 ta’ Ġunju sas-16 ta’ Lulju 2024. Matul dan il-perjodu, waslu 93 kontribuzzjoni, li minnhom 43 kienu minn assoċjazzjonijiet tan-negozju u 27 minn kumpaniji. Il-feedback rilevanti għas-suġġett tal-konsultazzjoni kien fih argumenti jew informazzjoni simili li diġà kienu tressqu matul id-diskussjonijiet estensivi li kienu seħħew fi ħdan il-Grupp tal-Esperti rigward il-Politika dwar it-Tibdil fil-Klima. B’riżultat ta’ dan, ħlief għal ċerti kjarifiki fit-test, il-Kummissjoni żammet it-test tar-Regolament Delegat.
It-trattament skont l-EU ETS tal-applikazzjonijiet tas-CCU li ma jipprovdux ħżin permanenti tal-karbonju marbut se jiġi vvalutat f’rapport previst skont l-Artikolu 30(5) tad-Direttiva dwar l-ETS, mistenni sa Lulju 2026.
3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-ATT DELEGAT
L-elementi ġuridiċi ewlenin tar-Regolament Delegat huma kif ġej:
(1)Li jiġu ssupplimentati l-kriterji skont l-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE biex jiġi ddeterminat jekk il-gassijiet serra, b’mod partikolari s-CO2, sarux kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott, sabiex ma jidħlux fl-atmosfera taħt użu normali u kwalunkwe attività normali li sseħħ wara tmiem il-ħajja tal-prodott.
(2)Li jiġu dettaljati r-rekwiżiti meħtieġa biex il-prodotti jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji msemmija hawn fuq.
(3)Li jiġu elenkati l-prodotti tas-CCU fl-Anness ta’ dan ir-Regolament li jitqiesu li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, u b’hekk jikkwalifikaw għad-deroga mill-obbligu li jiġu ċeduti l-kwoti.
(4)Li tiġi stabbilita proċedura għar-rieżami u l-aġġornament tal-lista ta’ prodotti tas-CCU konformi, abbażi ta’ żviluppi teknoloġiċi, evidenza ġdida jew esperjenza prattika bi prodotti tas-CCU.
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta'30.7.2024
li jissupplimenta d-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti biex il-gassijiet serra jitqiesu li saru marbuta kimikament b’mod permanenti fi prodott
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet tal-gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 12(3b), it-tieni subparagrafu tagħha,
Billi:
(1)Id-Direttiva 2003/87/KE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2023/959 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex tiġi allinjata mar-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jistabbilixxi mira ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 55 % tal-emissjonijiet netti sal-2030 meta mqabbel mal-1990.
(2)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti l-kriterji u r-rekwiżiti meħtieġa biex il-gassijiet serra jitqiesu kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott.
(3)Il-proċessi attwali tal-qbid u l-użu għal ħżin permanenti japplikaw biss għall-emissjonijiet ta’ CO2, billi gassijiet serra oħra, bħal CH4 jew N2O, ma jeħtiġux ħżin permanenti għall-mitigazzjoni ta’ tali emissjonijiet. Peress li r-reazzjonijiet kimiċi matul il-proċess ta’ użu jistgħu jwasslu għat-trasformazzjoni kimika tal-molekula tas-CO2, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-atomi tal-karbonju li jkunu saru kimikament marbuta.
(4)Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-emissjonijiet tas-CO2 li jkunu saru kimikament marbuta b’mod permanenti fi prodott jipprovdu benefiċċju klimatiku simili bħall-ħżin ġeoloġiku, filwaqt li titqies in-natura differenti ta’ dawn l-approċċi differenti. Għalhekk, dak is-CO2 jenħtieġ li jibqa’ kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott għal mill-inqas perjodu ta’ diversi sekli jew itwal, abbażi tat-tip ta’ rabta kimika u l-użu normali u t-trattament probabbli fi tmiem il-ħajja tal-prodott rispettiv.
(5)L-użu normali u l-mogħdijiet ta’ tmiem il-ħajja differenti għall-prodotti magħmula mis-CO2 maqbud se jirriżultaw fi probabbiltajiet differenti li l-karbonju maħżun inkorporat fi prodott jiġi rilaxxat. Ir-rilaxxi jistgħu jseħħu minħabba l-kombustjoni, jew bħala parti integrali mill-użu tal-prodott, kif inhu l-każ għall-fjuwils sintetiċi, jew mar-rimi, bħal permezz tal-inċinerazzjoni tal-iskart. Sabiex jiġi żgurat li l-karbonju maħżun fi prodott jibqa’ marbut kimikament b’mod permanenti u ma jidħolx fl-atmosfera għal perjodu ta’ mill-inqas diversi sekli, is-CO2 jenħtieġ li jkun marbut fi prodotti li jgħixu fit-tul fi kwalunkwe użu normali u, fi kwalunkwe attività normali fi tmiem il-ħajja, li jintremew b’mod ieħor għajr l-inċinerazzjoni, li jirrilaxxa l-karbonju maħżun fl-atmosfera.
(6)Il-proprjetajiet kimiċi tal-karbonati minerali, bħall-karbonat tal-kalċju jew il-karbonat tal-manjeżju, jiżguraw rabtiet kimiċi qawwija li, sakemm ma jkunux esposti għal temperaturi għoljin jew aċidi qawwija, jipprovdu l-possibbiltà li l-karbonju jitqies kimikament marbut b’mod permanenti. Għalhekk, il-karbonazzjoni minerali tirriżulta fiż-żamma tal-karbonju għal żminijiet eċċezzjonalment twal fil-blat karbonat, li ma jiġix rilaxxat fl-atmosfera f’kundizzjonijiet normali.
(7)Il-kundizzjonijiet preżenti fl-inċineraturi tal-iskart huma biżżejjed biex tinbeda r-reazzjoni tad-dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, il-karbonju maqbud u użat fi prodotti li jkollhom sehem sinifikanti ta’ trattament fi tmiem il-ħajja permezz tal-inċinerazzjoni jenħtieġ li ma jitqiesx bħala kimikament marbuta b’mod permanenti.
(8)Il-prodotti bbażati fuq il-karbonati minerali u użati għall-prodotti tal-kostruzzjoni, bħal aggregati, siment, konkrit, briks jew madum, għandhom ħajja twila u jistgħu jibqgħu jintużaw minn għexieren sa mijiet ta’ snin. Fl-istadju ta’ tmiem il-ħajja, tali prodotti jaqgħu fil-kategorija tal-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, f’konformità mal-Lista ta’ Skart. Skont l-aħħar valutazzjoni miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, it-trattament medju tal-Unjoni fi tmiem il-ħajja għall-frazzjoni minerali tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni jikkonsisti fir-riċiklaġġ (79 %), fir-radam (10 %) u fir-rimi fil-miżbliet (11 %). Għalhekk, is-CO2 maqbud li jintuża fil-manifattura tal-karbonati minerali u li jintuża fil-prodotti għall-bini jenħtieġ li jitqies bħala kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott.
(9)Il-lista ta’ prodotti meqjusa li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 12(3b) tad-Direttiva 2003/87/KE jenħtieġ li tiġi rieżaminata u, jekk ikun meħtieġ, aġġornata kif meħtieġ abbażi ta’ kwalunkwe żvilupp teknoloġiku rilevanti u innovazzjoni fil-qasam tal-ħżin permanenti tal-karbonju fil-prodotti, titjib fil-prattiki ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika li jistgħu jiċċertifikaw il-permanenza tal-ħżin, kif ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT,
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti biex is-CO2 jitqies li sar kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1)“qbid” tfisser kwalunkwe proċess jew proċedura teknoloġika meħtieġa għall-qbid, u, jekk meħtieġ, għall-ipproċessar jew il-purifikazzjoni qabel l-użu, tas-CO2 li jirriżulta minn attivitajiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/87/KE;
(2)“użu” tfisser kwalunkwe proċess jew prattika teknoloġika li tagħmel użu mis-CO2 maqbud bħala materja prima għall-manifattura ta’ prodotti;
(3)“kimikament marbut” tfisser li s-CO2 jiġi ttrasformat kimikament sabiex l-atomu tal-karbonju jiġi marbut kimikament b’rabtiet b’saħħithom b’mod li jipprevjeni l-impatt tat-tisħin globali tiegħu milli jseħħ;
(4)“prodott” tfisser oġġetti jew materjali, inkluż l-intermedji u d-derivati tagħhom, li jużaw is-CO2 permezz tal-irbit kimiku jew l-atomi tal-karbonju derivati mis-CO2;
(5)“prodott għall-bini” tfisser kwalunkwe oġġett fiżiku b’forma jew mingħajr forma mqiegħed fis-suq għall-inkorporazzjoni b’mod permanenti f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew partijiet minnhom;
(6)“użu normali” tfisser kwalunkwe mod li bih prodott ikun mistenni li jintuża tipikament mill-utent finali abbażi tal-karatteristiċi tal-prodott;
(7)“attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott” tfisser kwalunkwe trattament prevalenti ta’ prodott wara li jintrema mill-utent finali abbażi tal-prattiki rilevanti tal-immaniġġjar tal-iskart u tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ.
Artikolu 3
Rekwiżiti għall-qbid u l-użu permanenti fil-prodotti
1.Is-CO2 għandu jitqies kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott meta jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:
(a)Ikun sar kimikament marbut fi prodott permezz ta’ proċess ta’ użu attiv u kkontrollat, li jippermetti l-kejl u d-determinazzjoni tal-ammont ta’ ekwivalenti ta’ CO2 marbut fil-prodott matul il-proċess ta’ użu, eskluż kwalunkwe karbonju preżenti fil-materjal qabel il-proċess ta’ użu jew assorbit b’mod naturali mill-atmosfera jew minn sorsi oħra wara l-proċess ta’ użu, u;
(b)Jibqa’ kimikament marbut b’mod permanenti fi prodott b’tali mod li ma jidħolx fl-atmosfera b’użu normali tal-prodott, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott, għal perjodu ta’ mill-inqas diversi sekli. Fil-każ ta’ prodotti b’diversi użi normali u mogħdijiet ta’ tmiem il-ħajja, dawn il-mogħdijiet kollha jeħtieġ li jitqiesu għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu. Prodotti li matul l-użu normali, inkluża kwalunkwe attività normali li sseħħ wara t-tmiem tal-ħajja tal-prodott, jistgħu jkunu esposti għal kombustjoni f’temperatura għolja, bħal matul l-inċinerazzjoni tal-iskart, ma għandhomx jitqiesu bħala CO2 kimikament marbut b’mod permanenti.
2.Il-prodotti meqjusa li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-paragrafu 1 huma elenkati fl-Anness.
Artikolu 4
Proċess ta’ rieżami
1.Il-Kummissjoni għandha tirrieżamina l-prodotti elenkati fl-Anness abbażi tal-iżviluppi teknoloġiċi rilevanti u l-innovazzjoni fil-qasam tal-ħżin permanenti tal-karbonju fil-prodotti, it-titjib fil-prattiki ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika, kif ukoll l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha taġġorna l-Anness, jekk ikun meħtieġ.
2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis it-talbiet sottomessi mill-awtoritajiet kompetenti biex tiġi aġġornata l-lista ta’ prodotti fl-Anness, meta dawn ikunu debitament appoġġati minn evidenza ta’ konformità mar-rekwiżiti fl-Artikolu 3(1).
3.Ir-riżultati u d-dokumentazzjoni rilevanti ta’ kwalunkwe rieżami tal-prodotti elenkati fl-Anness għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.
Artikolu 5
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, 30.7.2024
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN