REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 8.3.2022
li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 2018/2066 tad-19 ta’ Diċembru 2018 dwar il-monitoraġġ u r-rapportar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra skont id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Unjoni u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 14(1) tagħha,
Billi:
(1)Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2066 2 jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ u r-rapportar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-attivitajiet soġġetti għad-Direttiva 2003/87/KE u, b’mod partikolari, tal-emissjonijiet mill-bijomassa. Dak ir-Regolament ġie emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2085 3 sabiex jiġu allinjati d-dispożizzjonijiet dwar l-emissjonijiet mill-bijomassa mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 4 , b’mod partikolari fir-rigward tad-definizzjonijiet relevanti u tal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa. Wara dawn l-emendi, d-dispożizzjonijiet dwar il-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-użu tal-bijomassa japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.
(2)L-applikazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra koperti mid-Direttiva 2003/87/KE hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-bijokarburanti, tal-bijolikwidi u l-karbutanti tal-bijomassa użati għall-kombustjoni u l-kontribut tagħha għall-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni.
(3)Hemm rikonoxximent dejjem akbar tal-ħtieġa għall-allinjament tal-politiki dwar il-bijoenerġija mal-objettivi ambjentali l-oħra u tal-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess ġust għas-suq tal-materja prima tal-bijomassa għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet innovattivi u b’valur miżjud għoli b'soluzzjonijiet b'bażi bijoloġika u bijoekonomija ċirkolari sostenibbli. Għalhekk, l-Istati Membri jenħtieġ li jqisu l-provvista sostenibbli disponibbli tal-bijomassa għall-użi enerġetiċi u mhux enerġetiċi u l-manutenzjoni tal-bjar tal-karbonju u tal-ekosistemi tal-foresti nazzjonali kif ukoll il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u tal-użu kaskata tal-bijomassa, u l-ġerarkija tal-iskart stabbilita fid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-iskart 5 . Is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) għandha l-għan li tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima f’dak li għandu x’jaqsam mat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra. Fl-ilħuq ta’ dan l-għan, huwa essenzjali li jingħata kontribut ukoll għal objettivi ambjentali usa’, u b’mod partikolari għall-prevenzjoni tat-telfien tal-bijodiversità, li hija affettwata b’mod negattiv mit-tibdil indirett fl-użu tal-art assoċjat mal-produzzjoni ta’ ċerti bijokarburanti, bijolikwidi u karburanti tal-bijomassa. Meta jitqies li se tapplika rata tat-taxxa żero għall-bijomassa fl-ETS sakemm il-kriterji ta’ sostenibbiltà jiġu implimentati bis-sħiħ, l-Istati Membri huma mħeġġa, skont il-prinċipju tat-Trattat ta’ “min iniġġes iħallas”, li jużaw strumenti u għodod ibbażati fuq is-suq bħat-tassazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li l-użu tal-bijomassa mhux sostenibbli fis-setturi tal-ETS jiġi skoraġġut biex jiġu evitati impatti ambjentali negattivi.
(4)L-Istati Membri kellhom sat-30 ta’ Ġunju 2021 biex jittrasponu d-Direttiva (UE) 2018/2001. It-traspożizzjoni tad-Direttiva għadha mhix kompluta f’ħafna Stati Membri.
(5)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tipprevedi l-adozzjoni ta’ għadd ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni biex jiġu implimentati l-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għall-bijomassa. L-adozzjoni ta’ bosta minn dawn l-atti ddewmet.
(6)Id-Direttiva (UE) 2018/2001 għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol ta’ skemi ta’ ċertifikazzjoni volontarji internazzjonali u nazzjonali għall-verifika tal-konformità mal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra b’mod armonizzat. L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu skemi ta’ ċertifikazzjoni nazzjonali. Il-metodoloġiji użati minn dawk l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni jeħtieġ li jiġu aġġornati ladarba l-atti delegati u ta’ implementazzjoni previsti bid-Direttiva (UE) 2018/2001 jiġu adottati. Barra minn hekk, il-verifikaturi jeħtieġ li jitħarrġu.
(7)Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni robusta, effiċjenti u armonizzata, jitqies neċessarju u proporzjonat li tiġi posposta l-applikazzjoni tal-kriterji ta’ sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijokarburanti, għall-bijolikwidi u għall-bijomassa fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066. Perjodu ta’ sena tal-kalendarja huwa xieraq biex ikun hemm allinjament maċ-ċiklu ta’ konformità annwali tal-ETS.
(8)Dan ir-Regolament inaqqas ukoll l-inċertezza ekonomika għall-operaturi li jużaw il-bijokarburanti, il-bijolikwidi u l-karburanti mill-bijomassa għall-kombustjoni f’attivitajiet li jaqgħu taħt id-Direttiva 2003/87/KE, għax l-iskemi ta’ ċertifikazzjoni huma mistennija li jsiru operazzjonali bis-sħiħ matul l-2022.
(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2066 jiġi emendat skont dan.
(10)Sakemm jiġu adottati r-regoli meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2018/2001, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mill-1 ta’ Jannar 2022.
(11)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f'konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima,