1.INTRODUZZJONI
Id-diversità hija fil-qalba tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jistipula li l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. L-Artikolu 3 jkompli jgħid li l-Unjoni għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u għandha tassigura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew. Din id-diversità hija għalhekk inerenti għall-identità Ewropea.
Hemm qafas legali fis-seħħ biex jiżgura li d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi jiġu rispettati. L-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprojbixxi d-diskriminazzjoni bbażata fuq ir-razza, l-oriġini etnika, ir-reliġjon, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, kif ukoll il-lingwa. L-Artikolu 22 tagħha jipprevedi r-rispett mill-Unjoni tad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika. Dan huwa appoġġat minn inizjattivi speċifiċi li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni bħad-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija.
Dan il-qafas ġenerali huwa appoġġat aktar minn oqfsa ta’ politika ddedikati u din il-Kummissjoni ntrabtet li tmexxih bħala parti minn Unjoni ta’ Ugwaljanza. Dan jinkludi, pereżempju, il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE Kontra r-Razziżmu, l-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2020-2025, l-Istrateġija LGBTIQ 2020-25 u l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-Ugwaljanza, l-Inklużjoni u l-Parteċipazzjoni,,.
Fl-istess ħin, l-UE m’għandha l-ebda kompetenza leġiżlattiva ġenerali speċifikament dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali. L-Artikolu 2 tat-TUE jirreferi għad-“drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi” bħala wieħed mill-valuri li fuqhom hija msejsa l-Unjoni u li għalhekk jenħtieġ li jittieħed kont tagħhom meta jiġu implimentati l-politiki tal-Unjoni. L-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ma jipprovdux setgħat biex jilleġiżlaw dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali għajr dawk mogħtija lill-Unjoni mill-bażijiet legali applikabbli għall-oqsma ta’ politika speċifiċi.
L-Artikolu 11(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jipprovdi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Taħt l-Artikolu, mill-anqas miljun ċittadin li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kwalunkwe proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati. Ir-regoli dettaljati għall-operat tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej huma stabbiliti f’Regolament rivedut fl-2019 biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħha bħala għodda biex jitrawwem id-dibattitu.
Il-Minority SafePack — miljun firma għad-diversità fl-Ewropa (“Inizjattiva Minority Safepack”) hija l-ħames Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej li ssodisfat ir-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. L-inizjattiva għandha l-għan li ttejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u li ssaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni. Hija tappella lill-UE biex tadotta sett ta’ atti legali biex ittejjeb il-protezzjoni ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u lingwistiċi u biex issaħħaħ id-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni.
Ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jistabbilixxi l-qafas għall-Kummissjoni biex tirreġistra l-inizjattivi taċ-ċittadini, sakemm il-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni jiġu sodisfatti. Ladarba tiġi rreġistrata inizjattiva taċ-ċittadini, din tagħti l-approvazzjoni lill-organizzaturi biex jiġbru l-firem. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll il-kamp ta’ applikazzjoni tal-inizjattiva. Waħda mill-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni hija li l-inizjattiva, jew partijiet minnha, ma taqax manifestament barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tipproponi att legali tal-Unjoni għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati.
|
Proposti magħmula mill-organizzaturi u rikonoxxuti fid-Deċiżjoni ta’ Reġistrazzjoni tal-Kummissjoni
—
rakkomandazzjoni tal-Kunsill “dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni”;
—
deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun l-adozzjoni ta' “programmi ta' ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta' minoranza”;
—
deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li s-suġġett tiegħu jew tagħha jkun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta' minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat priċipalment mill-Unjoni Ewropea;
—
regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b'tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta' minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni;
—
regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista' ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'reġjuni tal-UE;
—
l-emendar tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi garantit trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni;
—
regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista' tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;
—
emenda għad-Direttiva 2010/13/UE, għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta' servizzi ta' kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f'reġjuni fejn ikunu jirrisjedu minoranzi nazzjonali;
—
regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta' kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE.
|
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ppermettiet lill-organizzaturi jiġbru d-dikjarazzjonijiet ta’ appoġġ għall-inizjattiva. L-organizzaturi ppreżentaw l-inizjattiva tagħhom uffiċjalment lill-Kummissjoni fl-10 ta’ Jannar 2020. Sa dik id-data, 1,128,422 dikjarazzjoni ta’ appoġġ, li laħqu l-limiti fi 11-il Stat Membru, kienu ġew iċċekkjati u vvalidati mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Kummissjoni laqgħet lill-organizzaturi fil-5 ta’ Frar 2020.
Fil-15 ta’ Ottubru 2020, l-organizzaturi ppreżentaw l-Inizjattiva tagħhom u l-proposti tagħha f’seduta pubblika organizzata fil-Parlament Ewropew. Ir-Regolament dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej jistipula li minn dan il-punt, il-Kummissjoni għandha tliet xhur biex tadotta komunikazzjoni li tistabbilixxi l-konklużjonijiet legali u politiċi tagħha dwar l-inizjattiva.
Abbażi ta’ mozzjoni għal riżoluzzjoni skont l-Artikolu 222(8) tar-Regoli ta’ Proċedura, l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Minority SafePack ġiet diskussa fis-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fl-14 ta’ Diċembru, 2020. Ir-riżoluzzjoni adottata fis-17 ta’ Diċembru 2020 esprimiet l-appoġġ tagħha għall-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej Minority SafePack, appellat lill-Kummissjoni biex taġixxi fuqha u tipproponi atti legali, indikat li l-inizjattiva rreġistrata mill-Kummissjoni ssejjaħ għal proposti leġiżlattivi f’disa’ oqsma distinti, u enfasizzat l-aspettattiva li kull proposta individwali għandha tiġi vverifikata u vvalutata fuq il-merti tagħha stess, b’kont meħud tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Matul id-dibattitu, il-Kummissjoni enfasizzat li l-inklużjoni u r-rispett għad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa huma wieħed mill-prijoritajiet u l-objettivi ewlenin tagħha. Hija ssottolinjat li kwalunkwe diskriminazzjoni abbażi ta’ sħubija f’minoranza nazzjonali hija espliċitament ipprojbita skont l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni kkonfermat ukoll l-impenn tagħha kemm għall-appoġġ tal-politika kif ukoll għall-finanzjament.
Din il-komunikazzjoni tindirizza l-punti mqajma fir-riżoluzzjoni bi tweġiba għal kull waħda mid-disa’ proposti tal-inizjattiva Minority SafePack.
2.EVALWAZZJONI TAL-PROPOSTI
2.1.
Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu Rakkomandazzjoni li biha l-UE tistabbilixxi modi biex tipproteġi u tippromwovi d-diversità kulturali u lingwistika, b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-użu tal-lingwi reġjonali u minoritarji fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, is-servizzi pubbliċi, l-edukazzjoni, il-kultura, fil-ġudikatura, il-midja, il-kura tas-saħħa, il-kummerċ u l-protezzjoni tal-konsumatur (inkluż it-tikkettar).
Analiżi
Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), ir-rispett għad-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi jikkostitwixxi wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, l-Artikoli 21 u 22 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprojbixxu d-diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni, inkluża dik ibbażata fuq l-appartenenza għal minoranza nazzjonali. Huma jeħtieġu wkoll ir-rispett mill-Unjoni tad-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.
L-Unjoni m’għandha l-ebda kompetenza leġislattiva dwar kwistjonijiet bħall-użu ta’ lingwi reġjonali jew minoritarji, fl-edukazzjoni pubblika jew bnadi oħra. Dawk il-mistoqsijiet jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri.
Strumenti eżistenti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa
L-ambitu tal-kwistjonijiet identifikati għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill diġà huma s-suġġett ta’ żewġ strumenti internazzjonali importanti:
•Il-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tal-Kunsill tal-Ewropa (1992). L-UE, li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri tagħha biex jiffirmaw il-Karta, regolarment tirreferi għal dan bħala l-istrument legali li jiddefinixxi l-linji gwida għall-promozzjoni u l-protezzjoni tal-lingwi reġjonali u minoritarji.
•Il-Konvenzjoni tal-UNESCO għall-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (2005), li l-UE nnifisha hija parti għaliha, kif ukoll l-Istati Membri kollha tal-UE. L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni jgħid li “il-partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex joħolqu fit-territorju tagħhom ambjent li jinkoraġġixxi individwi u gruppi soċjali: li joħolqu, jipproduċu, ixerrdu, jiddistribwixxu u jkollhom aċċess għall-espressjonijiet kulturali tagħhom inkluż persuni li jagħmlu parti minn minoranzi”. Il-Konvenzjoni tfakkar ukoll li d-diversità lingwistika hija element fundamentali tad-diversità kulturali, u WAQT LI TERĠA' tafferma r-rwol fundamentali li għandha l-edukazzjoni fil-protezzjoni u l-promozzjoni ta' l-espressjonijiet kulturali.
Il-Kummissjoni implimentat b’mod attiv l-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni tal-2005 billi sejħet djalogi tal-Istati Membri u tas-settur kulturali dwar it-temi tal-kultura għall-inklużjoni soċjali u d-djalogu interkulturali. Dawn il-fora kkunsidraw b’mod speċifiku r-rwol tal-kultura fi kwistjonijiet li jinkludu l-inklużjoni tal-minoranzi nazzjonali/lingwistiċi, ir-Rom, ir-refuġjati u l-migranti.
Skont il-pjan ta’ ħidma tal-Kunsill għall-kultura, grupp ġdid ta’ esperti dwar il-multilingwiżmu u t-traduzzjoni huwa mistenni jirrakkomanda miżuri konkreti taħt il-programm Ewropa Kreattiva għall-promozzjoni tad-diversità lingwistika u ċ-ċirkolazzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej fis-setturi kulturali u kreattivi.
Fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, il-Kummissjoni bħalissa qed taħdem ukoll flimkien mal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta’ diversi rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill u dokumenti oħra ta’ politika, li jinkludu aspetti msemmija fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini:
•
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2018/C 195/01) dwar il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u d-dimensjoni Ewropea tat-tagħlim (adottata f’Mejju 2018), li għandha l-għan li ssaħħaħ il-koeżjoni soċjali u tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra ż-żieda fil-populiżmu, il-ksenofobija, in-nazzjonaliżmu diviżiv u t-tixrid ta’ diżinformazzjoni. Ir-Rakkomandazzjoni tappella lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu fehim tal-kuntest Ewropew u l-wirt u l-valuri komuni u għarfien tal-unità u d-diversità, soċjali, kulturali u storika, tal-Unjoni u tal-Istati Membri tal-Unjoni. Ir-Rakkomandazzjoni għandha tgħin biex tippromwovi sens aktar profond ta’ appartenenza fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew.
•
Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (2019/C 189/03) dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi (adottata f’Mejju 2019), li tirrikonoxxi d-diversità lingwistika vasta fl-Ewropa u tagħmel referenza espliċita għal-lingwi reġjonali u minoritarji fil-premessa 14.
•
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kisba taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025 (adottata f’Settembru 2020). L-Istati Membri huma mistiedna jirrevedu l-politiki lingwistiċi tagħhom għall-iskejjel f’konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi. Il-kunċett ta’ “għarfien tal-lingwa” żviluppat fl-Anness tar-rakkomandazzjoni jinkludi prattiki eżistenti f’reġjuni bilingwi u multilingwi, fejn il-lingwi “tad-dar”, il-lingwi reġjonali jew minoritarji jiġu mgħallma flimkien ma’ lingwi oħra tal-iskola.
•
Il-qafas strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni 2020-2030, u proposta għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (attwalment qed tiġi eżaminata mill-Kunsill). L-inizjattiva l-ġdida tinkludi gwida dwar il-promozzjoni (sensibilizzazzjoni dwar) tal-arti, l-istorja u l-kultura tar-Rom u l-innovazzjoni soċjali u l-esperimentazzjoni tal-politika. Hija titlob lill-Istati Membri biex jinkludu l-lingwa Romani u l-istorja tar-Rom fil-kurrikuli u l-kotba tal-iskola kemm għall-istudenti Rom kif ukoll għal dawk mhux Rom kif ukoll biex jippromwovu attivitajiet u kampanji ta’ sensibilizzazzjoni multikulturali fl-iskejjel. Biex tippromwovi l-ugwaljanza tar-Rom billi tindirizza l-antiżingariżmu, il-Kummissjoni se tappoġġa attivitajiet li jippromwovu narrattivi pożittivi u mudelli tar-Rom, tiġġieled l-isterjotipi negattivi, tissensibilizza dwar l-istorja u l-kultura tar-Rom, u tippromwovi l-verità u r-rikonċiljazzjoni taħt programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri.
Kif previst fl-Istrateġija tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet Fundamentali, mill-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta rapport annwali ġdid dwar l-applikazzjoni tal-Karta fl-UE, li se jħares aktar mill-qrib lejn l-applikazzjoni tal-Karta fl-Istati Membri u se jipprovdi aktar għarfien lill-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mal-liġi tal-UE. Ir-rappurtar annwali se jadotta approċċ tematiku, li jiffoka fuq oqsma ta’ rilevanza strateġika rregolati mil-liġi tal-UE. Fejn rilevanti, kwistjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-UE relatati mad-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi ser jiffurmaw parti integrali mir-rapport tematiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21 u 22 tal-Karta.
Dawn l-istrumenti jirrappreżentaw sett sostanzjali ta’ miżuri, li jindirizzaw l-għanijiet stabbiliti f’din il-proposta. Peress li dawn l-inizjattivi tal-UE huma kollha reċenti, l-effetti u r-riżultati konkreti se jkunu viżibbli biss fis-snin li ġejjin. Il-Kummissjoni se tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tagħhom.
2.2.
Deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun l-adozzjoni ta' “programmi ta' ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta' minoranza”
Għan intenzjonat
L-Organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack iqisu li l-programmi ta’ finanzjament eżistenti fl-edukazzjoni, il-kultura, il-midja u ż-żgħażagħ u l-isforzi tal-programmi biex jinkludu l-komunitajiet minoritarji huma kumplessi wisq u ta’ piż kbir wisq għall-komunitajiet kulturali u lingwistiċi żgħar. Barra minn hekk, għad hemm kriterji fil-programmi attwali li jeskludu l-lingwi minoritarji, bħal pereżempju fil-programm tal-kultura.
Strumenti eżistenti u inizjattivi futuri
Fi ħdan il-programm Erasmus+, l-appoġġ għat-tagħlim tal-lingwi u d-diversità lingwistika huwa objettiv ġenerali. L-azzjonijiet ta’ mobilità għall-istudenti u l-għalliema kif ukoll sħubijiet strateġiċi għall-organizzazzjonijiet huma aċċessibbli għal proġetti lingwistiċi reġjonali u minoritarji, irrispettivament mill-istatus ta’ dawn il-lingwi fl-Istati Membri kkonċernati. Fir-rigward tal-proġetti tat-tagħlim tal-lingwi, il-programm Erasmus+ huwa disponibbli għal-lingwi kollha, mingħajr ebda distinzjoni dwar l-istatus tal-lingwa.
Huwa possibbli għall-proġetti Erasmus + li jindirizzaw lingwi reġjonali u minoritarji iżgħar. Is-suċċessur propost ta’ Erasmus+ jistabbilixxi possibbiltajiet għal sħubijiet fuq skala żgħira, li se jagħmlu l-aċċess aktar faċli għall-organizzazzjonijiet iż-żgħar, inklużi dawk li jippromwovu lingwi reġjonali u minoritarji.
Twaqqfu Aġenziji Nazzjonali fil-pajjiżi kollha li qed jipparteċipaw fil-programm Erasmus+. Permezz ta’ dawn l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet attivi fil-qasam tal-lingwi reġjonali u minoritarji jistgħu jiksbu informazzjoni u assistenza teknika biex japplikaw għall-fondi tal-programm.
Bl-istess mod, il-programm Ewropa Kreattiva huwa aċċessibbli mingħajr diskriminazzjoni għall-applikanti bbażati fil-pajjiżi parteċipanti. Sħubiji fuq skala żgħira għal proġetti ta’ kooperazzjoni diġà huma possibbli taħt Ewropa Kreattiva u qed jiġi propost li jkomplu jeżistu fil-programm futur, b’simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċeduri. 70% tal-finanzjament imur għal organizzazzjonijiet mikro (inqas minn 10 impjegati) jew organizzazzjonijiet żgħar (inqas minn 50 impjegat).
Eżempji ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni li jkopru l-lingwi minoritarji huma:
·
Kliem Oħra — Ċirkwit Letterarju għal-Lingwi Żgħar u Minoritarji
” għandu l-għan li jistabbilixxi netwerk ta’ kollokamenti kreattivi għall-kittieba Ewropej. In-netwerk irċieva EUR 200 000 mill-programm Ewropa Kreattiva bejn l-2015 u l-2019.
·“Lingwi minoritarji — kumpaniji tal-ivvjaġġar tajbin” Din kienet sħubija skolastika li tiffoka fuq lingwi reġjonali jew minoritarji minn Spanja, l-Italja u l-Belġju. Is-sħubija rċeviet kważi EUR 80 000 minn Erasmus+ għal attivitajiet bejn l-2015 u l-2017.
Dawn u ħafna eżempji oħra ta’ proġetti ffinanzjati li jippromwovu lingwi reġjonali jew minoritarji huma diskussi aktar fil-fuljett tal-Kummissjoni “Id-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea — il-każ tal-lingwi reġjonali u minoritarji”.
Barra minn hekk, fi ħdan Ewropa Kreattiva, l-inizjattiva tat-traduzzjoni letterarja tappoġġa b’mod speċifiku d-diversità kulturali u lingwistika fl-UE u fil-pajjiżi parteċipanti billi ssaħħaħ iċ-ċirkolazzjoni transnazzjonali u d-diversità tax-xogħlijiet letterarji. L-aċċess għal din l-iskema huwa miftuħ għal kwalunkwe lingwa rikonoxxuta fil-pajjiżi parteċipanti. Il-programm Ewropa Kreattiva s’issa ffinanzja aktar minn 2,700 traduzzjoni, pubblikazzjoni u promozzjoni ta’ kotba minn aktar minn 40 lingwa Ewropea, inklużi lingwi minoritarji.
L-istrumenti ta’ finanzjament għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid 2021–2027 ġew imfassla mill-ġdid biex ikunu aktar aċċessibbli u faċli għall-utent. Dan jinkludi ħidma lejn il-ħolqien ta’ punti uniċi ta’ servizz għall-applikanti, permezz tan-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva, fl-Istati Membri parteċipanti kollha. L-uffiċċji u n-netwerk tagħhom jippermettu lill-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi kollha jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-assistenza teknika, biex ikunu jistgħu japplikaw għall-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha koperti mill-Ewropa Kreattiva kif ukoll għal opportunitajiet ta’ finanzjament rilevanti oħra tal-UE. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll aktar gwida u ċarezza akbar għall-applikanti fil-linji gwida tagħha.
Wara l-adozzjoni tal-programmi l-ġodda Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, l-Aġenziji Nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Erasmus+ u n-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva jistgħu jipprovdu aktar gwida, inklużi laqgħat ma’ rappreżentanti nazzjonali għal komunitajiet kulturali u lingwistiċi nazzjonali żgħar, biex jgħinuhom b’appoġġ prattiku dwar kif japplikaw għall-finanzjament. Dan diġà jiżgura l-aċċessibbiltà għall-programmi għal komunitajiet żgħar reġjonali u lingwistiċi minoritarji.
2.3. Deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li s-suġġett tiegħu jew tagħha jkun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta' minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u li jkun iffinanzjat prinċipalment mill-Unjoni Ewropea;
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu Ċentri għad-Diversità Lingwistika li jaħdmu flimkien u jikkoordinaw bejniethom. Dawn iċ-ċentri jkunu ffinanzjati mill-UE u jkollhom il-mandat li jqajmu kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi. Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-2017 (ara 1 hawn fuq) irreġistrat is-suġġett tal-proposta bħala “ċentru għad-diversità lingwistika”.
Inizjattivi li għaddejjin bħalissa: Iċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tal-Kunsill tal-Ewropa
L-isforzi tal-UE biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità lingwistika, inkluż l-użu tal-lingwa tas-sinjali u t-tagħlim tal-lingwa huma ffukati fuq il-ħidma b’rabta mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa li l-Karta Ewropea tal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji tiegħu tipprovdi qafas b’saħħtu għall-azzjoni tagħha f’dan il-qasam. B’mod speċifiku, iċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni (ECML) tal-Kunsill tal-Ewropa, li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġa u tikkoopera miegħu, iservi bħala ċentru ta’ kompetenza għat-tagħlim tal-lingwi, inkluż fi klassijiet multilingwi u jappoġġa t-tagħlim bil-lingwa materna tal-istudent, inklużi l-lingwi minoritarji.
Il-Kummissjoni tikkoopera mal-ECML skont ftehimiet komuni speċifiċi li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità, l-effiċjenza u l-attrazzjoni tal-edukazzjoni lingwistika, u jiżviluppaw aktar l-ittestjar u l-valutazzjoni tar-riżultati tat-tagħlim, u b’hekk progressivament jistabbilixxu bażi komuni għas-sistemi ta’ evalwazzjoni nazzjonali bbażati fuq il-Qafas Komuni Ewropew ta’ Referenza għal-Lingwi (CEFR - Common European Framework of Reference). Għall-2021, il-Kummissjoni allokat EUR 700 000 għal azzjonijiet komuni mal-ECML.
L-ECML qed jippjana wkoll firxa ta’ attivitajiet fi ħdan il-programm 2020-2023 li jmiss tiegħu (2020–2023) li jiffukaw fuq avvanzi u sfidi f’approċċi plurilingwi (pedagoġiji li jirreaġixxu kulturalment, sensibilizzazzjoni lingwistika, tagħlim sensittiv għal-lingwi, eċċ.). Il-lingwi reġjonali u minoritarji huma inklużi bis-sħiħ f’dan l-approċċ u l-ECML jappoġġja t-tagħlim ta’ dawn il-lingwi f’kuntesti nazzjonali differenti. Fil-ftehim ta’ kooperazzjoni li jmiss bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-ECML, li bħalissa qed jiġi nnegozjat, il-Kummissjoni se tkun attenta għall-ħtiġijiet tad-diversità lingwistika. Pereżempju, jista’ jkun hemm lok għall-iżvilupp tal-eżiti tal-esperimentazzjoni politika attwali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar approċċ plurilingwi għall-inklużjoni edukattiva tat-tfal Rom fl-iskola. Dan jipprovdi pont bejn il-qafas strateġiku l-ġdid tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni u l-azzjonijiet speċifiċi relatati mal-lingwi tal-Kunsill tal-Ewropa.
Il-Kummissjoni ħadmet biex tappoġġa lill-Istati Membri tal-UE fl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019 dwar approċċ komprensiv għat-tagħlim u l-apprendiment tal-lingwi, il-lingwi reġjonali jew minoritarji ta’ spiss ġew murija bħala prattiki tajbin għall-edukazzjoni bilingwi jew multilingwi. Dan l-aħħar, kien hemm xi sinjali pożittivi ta’ qawmien mill-ġdid ta’ xi lingwi reġjonali.
Il-Kummissjoni tqis li l-ħidma f’koordinazzjoni mill-qrib mal-Kunsill tal-Ewropa u ċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tiegħu b’dan il-mod hija mod effettiv biex titqajjem kuxjenza dwar l-importanza tad-diversità lingwistika u t-tagħlim tal-lingwi.
2.4.
Regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b'tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta' minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu li l-proġetti ta’ qafas leġiżlattiv iffinanzjati mill-Politika ta’ Koeżjoni jitfasslu b’tali mod li jitqiesu l-protezzjoni tal-minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, bl-għan ġenerali li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
L-istrumenti eżistenti u l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa
Il-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma fost l-akbar strumenti ta’ investiment tal-UE, li jindirizzaw l-inugwaljanzi soċjali u territorjali madwar l-Ewropa. L-appoġġ jinkludi miżuri li għandhom l-għan li jgħinu l-integrazzjoni ta’ komunitajiet emarġinati, minoranzi etniċi, inklużi r-Rom, u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fl-aspetti kollha tas-soċjetà.
Filwaqt li jitqies il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, il-proposta diġà hija indirizzata fil-qafas regolatorju tal-Politika ta’ Koeżjoni. Fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali u ta’ wara l-2020, “prinċipji orizzontali” huma inklużi fir-Regolamenti dwar il-Politika ta’ Koeżjoni. Dawn jeħtieġu li l-investimenti kollha tal-UE għandhom jippromwovu opportunitajiet indaqs għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni kontra persuni bbażata inter alia fuq l-oriġini razzjali jew etnika. Barra minn hekk, fir-Regolament il-ġdid dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-perjodu 2021–2027, ir-rekwiżit tan-nondiskriminazzjoni se jissaħħaħ aktar billi tiġi żgurata l-konformità mal-inklużjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju orizzontali u kundizzjoni abilitanti orizzontali, applikabbli għall-oqsma kollha ta’ politika. Dan ifisser li l-Istati Membri se jkollhom bżonn jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ mekkaniżmi effettivi biex jiżguraw il-konformità tal-programmi mal-Karta, inklużi l-arranġamenti ta’ rappurtar kif ukoll il-kanċellazzjoni tal-appoġġ f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-Kummissjoni ħejjiet gwida biex tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-Karta, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħha dwar in-nondiskriminazzjoni u d-diversità lingwistika, meta jimplimentaw il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (SIE).
Barra minn hekk, biex jiġi żgurat użu effettiv u effiċjenti tal-Fondi, diversi kundizzjonijiet oħra ta’ abilitazzjoni u kriterji korrispondenti għall-valutazzjoni tagħhom huma fis-seħħ jew ġew proposti sabiex jinżamm qafas ta’ investiment favorevoli. Simili għall-perjodu preċedenti, kundizzjoni abilitanti tematika speċifika, l-eżistenza ta’ qafas ta’ politika strateġika nazzjonali għall-inklużjoni tar-Rom qed tiġi introdotta għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027. Din hija prekundizzjoni biex isir użu mill-fondi meta jsir investiment fl-objettiv speċifiku tal-promozzjoni tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom. Pereżempju, il-kriterji għall-issodisfar tal-kundizzjoni abilitanti huma relatati mad-diversità tal-popolazzjoni tar-Rom, b’enfasi fuq iż-żgħażagħ, it-tfal u n-nisa, enfasi msaħħa fuq il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-“antiżingariżmu”, il-kombinazzjoni bejn “integrazzjoni” effettiva tal-inklużjoni tar-Rom fil-livelli reġjonali u lokali u l-ħtieġa konsegwenti għal kollaborazzjoni fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni, u l-ħtieġa għal aktar sforzi fil-qasam tad-desegregazzjoni.
Fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, ġew allokati EUR 21.5 biljun mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-appoġġ ta’ prijoritajiet ta’ tkabbir inklużiv (bħall-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni). Dan jinkludi ammonti allokati għal investimenti fl-iżvilupp tal-infrastruttura u t-tagħmir u l-aċċess għal servizzi fl-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-kura soċjali, inkluż bl-objettiv li tiġi appoġġata l-integrazzjoni soċjoekonomika ta’ minoranzi etniċi u komunitajiet marġinalizzati. Barra minn hekk, il-Fondi kkontribwew għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ esperjenzi għal dawn is-suġġetti. Il-proġetti ffinanzjati fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020 inkludew il-promozzjoni tal-koeżjoni kulturali permezz tal-iżvilupp ta’ metodi ġodda għat-tagħlim tal-multilingwiżmu u l-għarfien kulturali. Bħala eżempju, taħt il-programm URBACT, il-proġett ROMA-NeT twaqqaf minn disa’ bliet Ewropej biex jgħin fit-titjib tal-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp tal-komunità fil-viċinati tar-Rom. Bħala netwerk transnazzjonali ta’ skambju u tagħlim, ROMA-NeT offriet l-opportunità lid-disa’ bliet Ewropej biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom sabiex jifhmu aħjar il-valuri komuni Ewropej fil-perspettiva tal-integrazzjoni tar-Rom.
Ġew ipprogrammati EUR 22.3 biljun taħt l-FSE għal miżuri ta’ inklużjoni soċjali fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014–2020, inkluż EUR 1.5 biljun għall-integrazzjoni ta’ komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom. Fi Spanja, pereżempju, aktar minn 600,000 persuna bi sfond barrani/ta’ migrazzjoni, u minoranzi oħra (inklużi komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom) ibbenefikaw minn miżuri tal-FSE. Miżuri bħal dawn jinkludu gwida personalizzata għat-tfittix ta’ impjieg, edukazzjoni vokazzjonali biex jittejbu l-perspettivi biex jinstab impjieg, titjib tal-litteriżmu diġitali, appoġġ edukattiv, eċċ.
Bħala l-istrument ewlieni tal-UE biex tinvesti fin-nies u biex timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) se jappoġġa, jikkomplementa u jżid il-valur tal-politiki tal-Istati Membri biex jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, protezzjoni soċjali u inklużjoni. Ir-Regolament FSE+ propost għall-perjodu ta’ finanzjament il-ġdid jipprevedi rekwiżiti u miżuri addizzjonali għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni: l-Istati Membri kollha għandhom l-obbligu li jkollhom approċċ doppju, jiġifieri 1) li japplikaw in-nondiskriminazzjoni u l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tagħhom u 2) li jappoġġaw azzjonijiet immirati speċifikament biex jippromwovu dawn il-prinċipji.
Il-“prinċipju ta’ sħubija” u l-Kodiċi ta’ Kondotta Ewropew dwar is-Sħubija huma msaħħa fil-qafas legali għar-Regolamenti dwar il-Politika ta’ Koeżjoni għall-2021–2027. Huma jipprevedu l-involviment tas-sħab rilevanti fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta’ Koeżjoni, jiġifieri awtoritajiet reġjonali, lokali, urbani u awtoritajiet pubbliċi oħra, sħab ekonomiċi u soċjali, korpi li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili, sħab ambjentali, u korpi responsabbli għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, id-drittijiet fundamentali, id-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà, l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni. Dan jista’ jinkludi wkoll korpi li jirrappreżentaw il-komunitajiet minoritarji.
Peress li l-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni huma implimentati permezz ta’ ġestjoni kondiviża, l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-Fondi u għall-konformità mal-prinċipji orizzontali.
Il-qafas leġiżlattiv il-ġdid se jipprovdi opportunitajiet sinifikanti biex jiġu appoġġati l-ħtiġijiet u l-interessi tal-minoranzi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim ġenerali dwar l-objettivi tal-politika tar-Regolamenti tal-Politika ta’ Koeżjoni 2021–2027 u dwar ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, f’Diċembru 2020. L-appoġġ mill-fondi tal-UE huwa ppjanat li jkompli fil-perjodu ta’ wara l-2020 permezz ta’ Objettiv ta’ Politika ddedikat, intitolat “Ewropa aktar soċjali u inklużiva li timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali”. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jappoġġa l-inklużjoni permezz tal-infrastruttura, it-tagħmir u l-aċċess għas-servizzi fl-edukazzjoni, fl-impjiegi, fl-abitazzjoni, fil-kura soċjali, tas-saħħa u tat-tfal. L-enfasi se tkun fuq il-miżuri ta’ integrazzjoni tal-membri tal-komunitajiet emarġinati, inkluż dawk etniċi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-appoġġ tal-FSE+.
2.5.
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista' ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'reġjuni tal-UE
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu li l-programm “Orizzont 2020” jagħti prijorità lir-riċerka dwar l-isfidi tas-soċjetà, inkluż ir-rwol tal-minoranzi nazzjonali u d-diversità kulturali u lingwistika b’rabta mat-tibdil demografiku, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali transfruntier, u l-impatt tagħhom fuq ir-reġjuni fl-Ewropa.
Strumenti eżistenti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa
Kien hemm għadd ta’ opportunitajiet taħt Orizzont 2020 għal riċerkaturi u istituzzjonijiet li jaħdmu ma’ minoranzi nazzjonali u fuq id-diversità kulturali u lingwistika biex japplikaw għal finanzjament, bħal fis-sejħiet “minn isfel għal fuq” taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) u l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC). Eżempji ta’ proġetti ffinanzjati huma Voices of Belonging (“Minority Identity, Language and Education in the Netherlands”, MSCA, 2017–2021), COLING (“Minority Languages, Major Opportunities”). Collaborative Research, Community Engagement and Innovative Educational Tools’, MSCA, 2018-2021), N-T-AUTONOMY (‘Non-Territorial Autonomy as Minority Protection in Europe: An Intellectual and Political History of a Travelling Idea, 1850-2000’, ERC, 2018-2023), LaFS (‘Language, Families, and Society’, MSCA, 2019-2021), YEELP (‘Youth Engagement in European Language Preservation, 1900-2020’, ERC, 2019-2024) u Speaking Freely (‘Linguistic Domination, Republicanism and Federalism’, MSCA2021-2023).
Ġew ipprovduti wkoll opportunitajiet fil-programmi ‘minn fuq għal isfel Societal Challenges, inklużi attivitajiet ta’ riċerka dwar il-minoranzi bħala parti mill-identità Ewropea. Il-programm iddedikat għall-istudji tax-Xjenzi Soċjali u l-Istudji Umanistiċi msejjaħ "L-Ewropa f’dinja li qed tinbidel: soċjetajiet inklużivi, innovattivi u riflessivi” kienet partikolarment rilevanti. Il-proġetti ffinanzjati rilevanti għall-minoranzi inkludew l-EduMAP (“Edukazzjoni tal-Adulti bħala Mezzi għal Ċittadinanza Parteċipattiva Attiva” 2016–2019), REACH (“Tfassil mill-ġdid tal-aċċess għall-CH għal parteċipazzjoni usa’ fil-preservazzjoni, l-użu (mill-ġdid) u l-ġestjoni tal-kultura Ewropea”, 2017–2020), CHIEF (“Wirt Kulturali u Identitajiet tal-Futur tal-Ewropa”, 2018–2021), IMPACTOUR (“Titjib tal-Politiki u l-Prattiki tal-Iżvilupp Sostenibbli biex jiġu vvalutati, diversifikati u jitrawwem it-Turiżmu Kulturali fir-reġjuni u ż-żoni Ewropej”, 2020-2023). Proġett iffinanzjat taħt programm ieħor ta’ H2020 huwa ENGHUM (‘Studji umanistiċi impenjati fl-Ewropa: Il-bini tal-kapaċità għar-riċerka parteċipattiva fil-wirt lingwistiku-kulturali’, 2016–2018). F’Jannar 2021, il-Kummissjoni Ewropea nediet proġett iffinanzjat minn Orizzont 2020 għal Ċentru ta’ Kompetenza għall-preservazzjoni u l-konservazzjoni diġitali tal-wirt kulturali, li se jopera bħala infrastruttura virtwali li tipprovdi għarfien espert, pariri u servizzi bl-użu tal-ICT tal-ogħla livell b’enfasi speċjali fuq it-teknoloġija 3D.
Il-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni (2021–2027) li jmiss, Orizzont Ewropa jkopri l-ispettru kollu tar-riċerka, billi jipprovdi opportunitajiet ta’ finanzjament lir-riċerkaturi u lill-istituzzjonijiet bil-għan li tingħata spinta lill-eċċellenza fix-xjenza, jiġu indirizzati l-isfidi tas-soċjetà u tiġi pprovduta l-innovazzjoni. L-atti bażiċi mhumiex preskrittivi, peress li jindikaw biss l-orjentazzjonijiet ewlenin tar-riċerka fl-oqsma differenti, mingħajr ma jidħlu f’oqsma speċifiċi tar-riċerka. Sejħiet u suġġetti biex tingħata spinta lir-riċerka f’oqsma speċifiċi se jiġu identifikati fil-programmi ta’ ħidma. Taħt ir-raggruppament “Kultura, soċjetà kreattiva u inklużiva” (Raggruppament 2)), fi ħdan il-Pilastru II “Sfidi Globali u Kompetittività Industrijali Ewropea” ta’ Orizzont Ewropa, jistgħu jiġu offruti opportunitajiet ta’ riċerka “minn fuq għal isfel” fir-rigward tal-minoranzi nazzjonali jew tad-diversità kulturali u lingwistika marbuta mal-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar-reġjuni Ewropej u/jew bħala parti mill-identità Ewropea. Dan jista’ jiġi implimentat f’wieħed jew aktar mit-tliet “żoni ta’ intervent” ta’ dan ir-raggruppament, li huma d-demokrazija u l-governanza, il-wirt kulturali, u t-trasformazzjonijiet soċjali u ekonomiċi. Fil-fatt, ir-riċerka dwar il-minoranzi nazzjonali jew id-diversità kulturali u lingwistika tista’ titwettaq minn perspettivi differenti u bl-użu ta’ metodoloġiji li jappartjenu għal Xjenzi Soċjali u Umanistiċi differenti.
Fl-“Orjentazzjonijiet lejn l-ewwel Pjan Strateġiku għal Orizzont Ewropa” huwa ddikjarat b’mod ċar li l-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni taħt ir-Raggruppament 2 se jgħinu biex jipproteġu l-lingwi bħala parti mill-wirt kulturali tal-Ewropa. B’mod speċifiku, tiddikjara li dawn l-attivitajiet “se jgħinu wkoll fil-preservazzjoni tal-lingwi fil-periklu ta’ estinzjoni”. F’dan il-kuntest, huwa għalhekk probabbli li fil-programmi ta’ ħidma ta’ Orizzont Ewropa għal dan il-qasam ser tingħata attenzjoni sinifikanti lill-attivitajiet ta’ riċerka li għandhom l-għan li jissalvagwardjaw il-lingwi minoritarji, reġjonali u lokali, li jrawmu d-diversità kulturali u lingwistika fl-Ewropa u li jagħtu spinta lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku fir-reġjuni Ewropej differenti. Dan jista’ jinvolvi l-parteċipazzjoni ta’ komunitajiet reġjonali u lokali, universitajiet u organizzazzjonijiet li jaħdmu fil-qasam tal-lingwi minoritarji.
Orizzont Ewropa, fir-raggruppamenti kollha tiegħu, se “jintegra” dimensjoni intersezzjonali li tqis il-ħtiġijiet ta’ gruppi soċjali differenti, inklużi minoranzi etniċi u nazzjonali, f’oqsma bħas-saħħa, il-kultura, is-sigurtà, l-industrija diġitali, il-klima u l-agrikoltura. Bħala tali, il-proġetti ta’ riċerka u l-eżiti huma mmirati lejn il-ħolqien ta’ impatt soċjetali aktar inklużiv u l-indirizzar tal-inugwaljanzi intersezzjonali relatati mal-etniċità, is-sess, l-età, ir-reliġjon, il-klassi jew kategoriji soċjali oħra.
Ir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet se jkunu jistgħu japplikaw ukoll għall-opportunitajiet ta’ riċerka “minn isfel għal fuq” li l-programm qafas il-ġdid Orizzont Ewropa se jipprovdi taħt l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie (MSCA) u l-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC). Il-Kummissjoni għalhekk tqis li fil-perjodu ta’ finanzjament li jmiss se jkun hemm opportunitajiet importanti biex tiġi appoġġjata d-diversità kulturali u lingwistika.
2.6.
L-emendar tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi garantit trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni
L-użu maħsub
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu emenda għad-direttivi li tippermetti l-approssimazzjoni tad-drittijiet tal-persuni apolidi fit-tul u l-familji tagħhom ma’ dawk taċ-ċittadini tal-UE. Huma jitolbu estensjoni tad-drittijiet relatati maċ-ċittadini għall-persuni apolidi u l-familji tagħhom, li ilhom jgħixu fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom għal ħajjithom kollha.
Strumenti eżistenti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa
L-Artikolu 67(2) tat-TFUE jiddikjara li, għall-finijiet tat-Titolu V (qasam ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja), persuni apolidi għandhom jiġu ttrattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi.
L-Artikolu 79 tat-TFUE huwa l-bażi legali għall-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni li għandha l-għan li tiżgura, fost l-oħrajn, trattament ġust ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fl-Istati Membri.
Sa mill-2003, ġew adottati diversi direttivi li jirregolaw id-drittijiet ta’ ċerti kategoriji ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Dawn id-direttivi jistabbilixxu l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini tal-UE f’ħafna oqsma importanti tal-ħajja, bħax-xogħol, is-sigurtà soċjali, l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-edukazzjoni. Bis-saħħa tal-Artikolu 67(2) tat-Trattat, dawn id-direttivi jkopru wkoll persuni apolidi.
L-inizjattiva Minority SafePack tissuġġerixxi emenda għad-Direttiva 2003/109/KE dwar residenti fit-tul, b’mod li persuni apolidi jkollhom aċċess iffaċilitat biex jiksbu l-istatus ta’ residenti fit-tul, u jgawdu wkoll aktar drittijiet (meta mqabbla ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi).
Il-Kummissjoni, fil-Patt il-Ġdid tagħha dwar il-Migrazzjoni u l-Asil adottat fit-23 ta’ Settembru 2020, ħabbret li se tipproponi reviżjoni tad-Direttiva 2003/109/KE, biex toħloq status ta’ residenza fit-tul tal-UE reali, b’mod partikolari billi ssaħħaħ id-dritt tar-residenti fit-tul li jiċċaqilqu u jaħdmu fi Stati Membri oħra.
Analiżi
Fil-limiti tal-Artikolu 67(2) tat-TFUE, att legali jista’ jiġi adottat fil-qasam tad-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu legalment fi Stat Membru. Madankollu, f’dan l-istadju, il-Kummissjoni ma tara l-ebda raġuni speċifika biex temenda l-leġiżlazzjoni attwali sabiex id-drittijiet ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġu approssimati aktar mad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-UE.
Fl-istess ħin, tista’ tittieħed aktar azzjoni biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika tal-persuni apolidi. Dan jista’ jseħħ jew permezz ta’ implimentazzjoni aħjar tal-leġiżlazzjoni eżistenti jew permezz ta’ għodod oħra bħall-istrument ta’ finanzjament għall-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni, u b’mod aktar ġenerali permezz tal-politika tal-UE dwar l-integrazzjoni tal-migranti.
Għodda importanti f’dan il-qasam huwa l-Pjan ta’ Azzjoni komprensiv ġdid dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni għall-2021–2027 adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Novembru 2020. Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jkopri ċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE kif ukoll iċ-ċittadini tal-UE li għandhom sfond ta’ migrazzjoni permezz tal-familji tagħhom u tas-soċjetajiet ospitanti. L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni ser tqis b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-UE li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, b’mod partikolari, il-ħtieġa tagħhom li jiġu integrati aħjar fis-soċjetà permezz ta’ impjiegi, edukazzjoni u opportunitajiet soċjali aħjar. Il-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni se jiġu appoġġati mill-Fond il-ġdid għall-Migrazzjoni u l-Ażil għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027, kif ukoll mill-FSE+ u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
2.7.
Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista' tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur.
L-użu maħsub
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu l-ħolqien ta’ dritt tal-awtur unitarju Ewropew, li permezz tiegħu l-UE kollha titqies bħala suq uniku għad-drittijiet tal-awtur. Din is-soluzzjoni se twassal għat-tneħħija tal-ostakli għal-liċenzjar fl-Unjoni u tippermetti lill-persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali jaċċessaw il-kontenut fuq bażi ugwali bħaċ-ċittadini mill-Istat Membru fejn jiġi offrut is-servizz.
Analiżi
L-Artikolu 118 tat-TFUE jipprovdi bażi legali speċifika għall-ħolqien ta’ drittijiet Ewropej tal-proprjetà intellettwali biex tiġi pprovduta protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fl-Unjoni kollha.
Diġà kien hemm armonizzazzjoni sostanzjali tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari mal-Artikolu 53(1) tat-TFUE u l-Artikoli 62 u 114 bħala bażi legali. B’mod partikolari, l-aħħar miżuri adottati fl-2019 huma pass sinifikanti fl-indirizzar tat-tħassib tal-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack.
Strumenti eżistenti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa
F’dawn l-aħħar snin ġew adottati diversi strumenti leġiżlattivi biex jiġi mmodernizzat il-qafas tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur. Waħda mill-għanijiet kienet li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-kontenut transkonfinali kif ukoll li jiġu eliminati l-ostakli għall-aċċess għall-kontenut li huwa divers kulturalment u lingwistikament. L-istrumenti joffru soluzzjonijiet biex itaffu d-diffikultajiet tal-ikklerjar tad-drittijiet tal-liċenzjar li huma meħtieġa biex joffru kontenut lil hinn mill-fruntieri:
·Id-Direttiva (id-Direttiva (UE) 2017/1564) u r-Regolament (ir-Regolament (UE) 2017/1563) li jimplimenta t-Trattat ta’ Marrakech fl-UE jagħmluha aktar faċli għall-persuni għomja, b’diżabbiltà fil-vista jew li b’xi mod ieħor għandhom diffikultà biex jaqraw materjal stampat biex jaċċessaw aktar kotba u materjal stampat ieħor f’formati aċċessibbli, minn madwar l-Unjoni Ewropea u jaqsmuhom mal-bqija tad-dinja.
·Id-Direttiva dwar it-trażmissjonijiet u t-trażmissjonijiet mill-ġdid online tax-xandara (id-Direttiva (UE) 2019/789), għandha l-għan li tagħti lill-Ewropej għażla usa’ ta’ programmi tat-televiżjoni u tar-radju li joriġinaw fi Stati Membri oħra tal-UE, li huma partikolarment rilevanti għall-minoranzi lingwistiċi. Id-Direttiva se tikkontribwixxi biex tiżdied id-disponibbiltà transfruntiera tal-programmi tat-televiżjoni u tar-radju billi tissimplifika l-awtorizzazzjoni tad-drittijiet għal ċerti servizzi online tax-xandara u s-servizzi tat-trażmissjoni mill-ġdid. L-Istati Membri għandhom jittrasponu r-regoli l-ġodda skont id-Direttiva sas-7 ta’ Ġunju 2021.
·Ir-Regolament dwar il-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut onlajn (ir-Regolament (UE) 2017/1128), jippermetti lill-konsumaturi li jixtru, jew jabbonaw għal, servizzi tal-kontenut onlajn — jaraw films jew xandiriet sportivi, jisimgħu l-mużika, iniżżlu kotba elettroniċi u jilagħbu logħob — biex ikomplu jaċċessaw dawn is-servizzi meta jivvjaġġaw f’pajjiżi oħra tal-UE. Tnieda studju bil-ħsieb li jitħejja rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament dwar il-Portabbiltà.
•
Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur fis-Suq Uniku Diġitali (id-Direttiva (UE) 2019/790) tinkludi miżuri li jissimplifikaw il-liċenzjar u jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut. B’mod partikolari tintroduċi mekkaniżmu legali li jagħmilha aktar faċli għall-istituzzjonijiet tal-wirt kulturali biex jiddiġitalizzaw u jagħmlu disponibbli xogħlijiet “li mhumiex fis-suq” fil-kollezzjonijiet tagħhom bejn il-fruntieri. Dan jinkludi wkoll mekkaniżmu ta’ negozjar biex jiffaċilita l-liċenzjar ta’ xogħlijiet awdjoviżivi fuq pjattaformi ta’ video-on-demand. Fl-aħħar nett, hija timmodernizza r-regoli tal-UE applikabbli għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet ewlenin fl-oqsma tat-tagħlim, ir-riċerka u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, filwaqt li tiffoka b’mod partikolari fuq l-użi diġitali u transfruntiera. Din id-Direttiva għandha tiġi trasposta wkoll sas-7 ta’ Ġunju 2021.
Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja u tiżgura l-implimentazzjoni korretta ta’ dawn l-istrumenti. Fil-każ tad-Direttiva (UE) 2019/789 u d-Direttiva (UE) 2019/790, li jeħtieġ li jiġu trasposti sa Ġunju 2021, il-Kummissjoni qed tassisti lill-Istati Membri fl-iżgurar ta’ traspożizzjoni f’waqtha u effettiva għal implimentazzjoni effettiva. Ladarba titlesta t-traspożizzjoni, il-Kummissjoni se tikkunsidra kwalunkwe problema oħra ta’ implimentazzjoni. Kwalunkwe parti affettwata se tkun tista’ tirrapporta problema bħal din lill-Kummissjoni għall-konsiderazzjoni.
Fir-rigward ta’ titolu uniku potenzjali tad-drittijiet tal-awtur u l-armonizzazzjoni sħiħa tad-drittijiet tal-awtur fl-UE, minħabba l-modernizzazzjoni reċenti tar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-awtur u r-regoli speċifiċi adottati biex jiffaċilitaw l-aċċess għall-kontenut kif deskritt hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li dawn il-flussi ta’ ħidma jikkostitwixxu rispons politiku importanti għat-tħassib tal-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack.
Strument rilevanti ieħor huwa r-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku (ir-Regolament (UE) 2018/302), li jindirizza r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati tal-imblukkar ġeografiku abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-konsumaturi fi ħdan is-suq intern u li ma japplikax għall-kontenut awdjoviżiv u japplika parzjalment biss għal tipi oħra ta’ kontenut protett mid-drittijiet tal-awtur (mużika, kotba elettroniċi, logħob/softwer). Il-Kummissjoni ppubblikat rieżami f’Diċembru 2020, fejn ivvalutat l-impatt tal-estensjoni tar-regoli tal-imblukkar ġeografiku għas-servizzi online li jagħtu aċċess għal kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur (awdjoviżiv u mhux awdjoviżiv). Ir-Rapport jenfasizza l-benefiċċji potenzjali għall-konsumaturi fl-Ewropa fid-disponibbiltà ta’ għażla usa’ ta’ kontenut bejn il-fruntieri kieku r-Regolament kellu jiġi estiż biex ikopri l-kontenut awdjoviżiv. Ir-Rapport jikkonkludi wkoll li l-impatt potenzjali ta’ tali estensjoni fuq id-dinamika ġenerali tas-settur awdjoviżiv jeħtieġ li jiġi vvalutat aktar. Għal dawn ir-raġunijiet, u bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Midja u l-Awdjoviżiv, il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-partijiet ikkonċernati mas-settur awdjoviżiv sabiex tiddiskuti modi konkreti biex trawwem iċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut awdjoviżiv u ttejjeb l-aċċess tal-konsumaturi għalih madwar l-UE, qabel ma tikkunsidra kwalunkwe miżura ta’ segwitu.
2.8.
Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta' servizzi ta' kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f'reġjuni fejn ikunu jirresjedu minoranzi nazzjonali.
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jipproponu emenda bl-effett li jiġi żgurat li jkun hemm il-libertà tas-servizz u l-libertà ta’ riċezzjoni ta’ kontenut awdjoviżiv (kemm xandir analogu/diġitali kif ukoll servizzi on-demand, terrestri u satellitari) f’dawk ir-reġjuni fejn jgħixu l-minoranzi nazzjonali.
Analiżi
Iċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut tal-midja awdjoviżiva hija ta’ importanza dejjem akbar għas-soċjetà u hija rilevanti għal-libertà tal-informazzjoni, il-libertà tal-midja u l-pluraliżmu kif ukoll il-promozzjoni tal-edukazzjoni u l-kultura. Id-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) hija bbażata fuq il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, li jiżgura li l-fornituri jeħtieġ biss li jirrispettaw ir-regoli tal-Istat Membru ta’ ġuriżdizzjoni tagħhom, aktar milli f’diversi pajjiżi. Għalhekk, il-gvernijiet tal-UE ma jistgħux jirrestrinġu s-servizzi tal-midja awdjoviżiva li joriġinaw fi Stati Membri oħra jekk dawk is-servizzi jikkonformaw mar-regoli tad-Direttiva fl-Istat Membru tal-oriġini.
L-AVMSD tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni transfruntiera tas-servizzi awdjoviżivi filwaqt li tiżgura li jkun hemm regoli armonizzati minimi ta’ interess pubbliku ġenerali (eż. il-protezzjoni tal-minorenni, il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, ir-reklamar eċċ.). Madankollu, ma tkoprix kwistjonijiet ta’ ritrażmissjoni relatati mad-drittijiet tal-awtur.
Strumenti eżistenti u inizjattivi li għaddejjin bħalissa
Fir-rigward tal-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, l-AVMSD riveduta ġġib aktar ċarezza dwar liema regoli tal-Istati Membri japplikaw, tallinja l-proċeduri ta’ deroga kemm għax-xandara tat-televiżjoni kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi fuq talba kif ukoll possibbiltajiet għal derogi f’każ ta’ tħassib dwar is-sigurtà pubblika u riskji serji għas-saħħa pubblika. Hija kellha skadenza għat-traspożizzjoni għad-19 ta’ Settembru 2020.
Bid-Direttiva riveduta, ċerti regoli awdjoviżivi (eż. dwar ir-reklamar, il-protezzjoni tal-minorenni, il-protezzjoni tal-pubbliku ġenerali kontra l-inċitament għall-vjolenza jew għall-mibegħda u l-provokazzjoni pubblika biex jitwettqu reati terroristiċi) huma estiżi wkoll għall-pjattaformi ta’ video-sharing. Huwa importanti li wieħed jinnota li l-AVMSD riveduta saħħet ukoll il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, filwaqt li żgurat li l-fornituri ta’ filmati fuq talba (bħal Netflix, Amazon eċċ.) jikkontribwixxu b’mod attiv għall-objettiv tal-promozzjoni tad-diversità kulturali fl-UE billi jipprovdu sehem minimu ta’ 30% ta’ xogħlijiet Ewropej fil-katalgi tagħhom u billi jagħtu prominenza lil dawk ix-xogħlijiet. Fil-Linji Gwida maħruġa dwar il-kalkolu tax-xogħlijiet Ewropej, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan l-objettiv ta’ diversità kulturali jista’ jinkiseb b’mod effettiv biss jekk is-sehem ta’ 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej jiġi żgurat f’kull wieħed mill-katalgi nazzjonali offruti minn fornituri ta’ VOD multinazzjonali. Dan se jiżgura li t-telespettaturi f’kull Stat Membru fejn il-fornitur joffri katalogi nazzjonali jkollhom l-esponiment meħtieġ għal xogħlijiet Ewropej. Dan l-approċċ jippreżenta wkoll il-vantaġġ li aktarx jinċentivizza ċ-ċirkulazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet Ewropej madwar l-Unjoni.
Il-Kummissjoni se timmonitorja regolarment l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, abbażi ta’ rapporti mill-Istati Membri u studju indipendenti.
Għalhekk, filwaqt li l-AVMSD tiffaċilita l-moviment liberu tal-kontenut awdjoviżiv permezz tal-prinċipju tal-pajjiż tal-oriġini u l-approċċ ta’ armonizzazzjoni minima, id-disponibbiltà transfruntiera tal-kontenut awdjoviżiv tista’ tiġi affettwata minn raġunijiet barra mill-ambitu tal-AVMSD, bħad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, id-disponibbiltà tar-riżorsi tekniċi jew kunsiderazzjonijiet kummerċjali/finanzjarji.
Dan il-qafas leġiżlattiv għandu jipprovdi appoġġ sostanzjali għall-objettivi tal-organizzaturi. Minħabba r-reviżjoni reċenti tal-AVMSD, mhi prevista l-ebda inizjattiva leġiżlattiva addizzjonali ġdida fil-futur immedjat. Madankollu, il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva:
·Mhux aktar tard mid-19 ta' Diċembru 2022, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.
·Sa mhux aktar tard mid-19 ta’ Diċembru 2026, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni ex post tal-impatt tad-Direttiva u l-valur miżjud tagħha akkumpanjata, fejn xieraq, minn proposti għar-reviżjoni tad-Direttiva.
2.9.
Regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta' kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE.
Għan intenzjonat
L-organizzaturi tal-Inizjattiva Minority SafePack jappellaw għal eżenzjoni ta’ kategorija għal attivitajiet li jappoġġaw il-komunitajiet minoritarji u l-kultura tagħhom. Huma jappellaw għal eżenzjoni li tqis ukoll il-promozzjoni tal-lingwi u d-diversità reġjonali u tirrispetta d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi.
Ir-regoli attwali
Meta l-finanzjament jingħata lil individwi li ma jwettqux attività ekonomika jew meta l-proġett inkwistjoni ma jaffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri, il-finanzjament ma jammontax għal għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE.
L-Artikolu 53 (Għajnuna sa EUR 75 miljun jew EUR 150 miljun għall-konservazzjoni tal-kultura u tal-patrimonju kull sena) u 54 (Skemi ta’ għajnuna sa EUR 50 miljun għal xogħlijiet awdjoviżivi fis-sena), flimkien mal-Artikolu 4(1), (z) u (aa), tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014, jiddikjaraw ċerti kategoriji ta’ għajnuna bħala kompatibbli mas-suq intern meta jiġu applikati l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat taħt ċerti kundizzjonijiet.
L-Artikolu 2(1)(a) għal finanzjament sa ammont annwali ta’ EUR 15 miljun u/jew l-Artikolu 2(1)(c) għall-kura u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi vulnerabbli flimkien ma’ kundizzjonijiet rilevanti oħra stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2012/21/UE tal-20 ta’ Diċembru 2011 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 106(2) tat-TFUE għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens għas-servizz pubbliku mogħti lil ċerti impriżi inkarigati bil-ġestjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, jipprovdu potenzjal ulterjuri għall-appoġġ tal-minoranzi u l-kultura.
Finanzjament sa EUR 200 000 fuq tliet snin fiskali għal kwalunkwe proġett huwa meqjus bħala għajnuna de minimis skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis.
Finanzjament sa EUR 500 000 fuq tliet snin fiskali għal impriża li tipprovdi Servizz ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE huwa meqjus ukoll bħala għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu Servizzi ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali.
Il-miżuri li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq ma jeħtiġux notifika mill-Istat Membru kkonċernat lill-Kummissjoni. Filwaqt li l-Kummissjoni tqis li r-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat jidhru flessibbli biżżejjed biex jakkomodaw il-ħtiġijiet tat-talba, jiġifieri l-eżenzjoni min-notifika lill-Kummissjoni ta’ proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom, hija dejjem lesta li tipprovdi gwida lill-Istati Membri.
Gwida kontinwa
Il-Kummissjoni tibqa’ lesta li tipprovdi gwida, f’każijiet fejn l-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet biex jagħmlu l-miżuri maħsuba tagħhom biex jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom kompatibbli mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat.
3.KONKLUŻJONI
L-inklużjoni u r-rispett għad-diversità kulturali rikka tal-Ewropa huma waħda mill-prijoritajiet u l-objettivi tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli tipprovdi appoġġ ta’ politika u finanzjament f’dan ir-rigward.
Fid-dawl tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni u minħabba l-inizjattivi eżistenti u kontinwi meħuda matul l-aħħar snin li jindirizzaw diversi aspetti tal-proposti tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini oriġinarjament ippreżentati fl-2013, il-Kummissjoni tqis li s-segwitu jista’ jsir f’għadd ta’ oqsma.
3.1
Dwar il-proposta speċifika (ara l-proposta 2.1 hawn fuq) għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill għall-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika fl-Unjoni,
·Il-Kummissjoni se tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni ta’ għadd ta’ inizjattivi tal-UE adottati mill-2017, li jinkludu aspetti msemmija fl-Inizjattiva taċ-Ċittadini. L-ambizzjoni prijoritarja li tinbena Żona Ewropea tal-Edukazzjoni għandha tappoġġa lill-Istati Membri biex jilħqu l-għanijiet tar-Rakkomandazzjonijiet relatati, fost l-oħrajn il-promozzjoni tal-valuri komuni, l-edukazzjoni inklużiva u l-iskejjel li huma konxji mil-lingwa.
·Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-Qafas Strateġiku tal-UE dwar ir-Rom għall-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni 2020–2030 kif ukoll il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (li bħalissa qed jiġu eżaminati mill-Kunsill) se jippromwovu (sensibilizzazzjoni dwar) l-arti, l-istorja u l-kultura tar-Rom u l-innovazzjoni soċjali kif ukoll l-esperimentazzjoni tal-politika dwar ir-Rom.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda att legali addizzjonali mhu meħtieġ.
3.2
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.2 hawn fuq) għal deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tagħha jew tiegħu jkun l-adozzjoni ta' “programmi ta' ffinanzjar sabiex isiru aċċessibbli għal komunitajiet żgħar lingwistiċi reġjonali u ta' minoranza”,
·Il-Kummissjoni tinnota li wara l-adozzjoni reċenti tal-programmi l-ġodda Erasmus+ u Ewropa Kreattiva, l-Aġenziji Nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Erasmus+ u n-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva għandhom jiltaqgħu ma’ rappreżentanti nazzjonali għal komunitajiet kulturali u lingwistiċi nazzjonali żgħar, biex jgħinuhom bi gwida prattika dwar kif japplikaw għall-finanzjament. Għandhom isiru aktar sforzi biex jinħoloq punt uniku ta’ servizz għall-applikanti permezz tan-netwerk tal-Uffiċċji tal-Ewropa Kreattiva, stabbilit fil-pajjiżi kollha li jipparteċipaw fil-programmi. L-Uffiċċji u n-netwerk tagħhom jippermettu lill-organizzazzjonijiet kulturali u kreattivi kollha jiksbu aċċess għall-informazzjoni u l-assistenza teknika, biex ikunu jistgħu japplikaw għall-azzjonijiet u l-inizjattivi kollha koperti mill-Ewropa Kreattiva kif ukoll għal opportunitajiet ta’ finanzjament oħra tal-UE, li huma rilevanti għalihom. Il-Kummissjoni se tipprovdi wkoll aktar gwida u ċarezza akbar fil-linji gwida tagħha. Dan se jagħmel il-programmi ta’ finanzjament aktar aċċessibbli għal komunitajiet żgħar ta’ lingwi reġjonali u minoritarji.
·Il-Kummissjoni għandha tkompli tissorvelja proġetti li jinvolvu lingwi reġjonali jew minoritarji u tanalizza l-impatt potenzjali tagħhom fuq il-politiki fil-pajjiżi kkonċernati. Proġetti tal-passat, bħal dawk elenkati fil-fuljett tal-Kummissjoni “Id-diversità lingwistika fl-Unjoni Ewropea — il-każ tal-lingwi reġjonali u minoritarji”, jistgħu jispiraw lill-applikanti għal proġetti ġodda fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, f’konformità mal-objettivi tal-programm Erasmus 2021–27 futur dwar it-tagħlim tal-lingwi, l-inklużjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-UE.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda att legali addizzjonali mhu meħtieġ.
3.3
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.3 hawn fuq) għal deċiżjoni jew regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li s-suġġett tiegħu jew tagħha jkun li jinħoloq ċentru għad-diversità lingwistika li jsaħħaħ l-għarfien tal-importanza tal-lingwi reġjonali u ta' minoranza u li jippromwovi d-diversità fil-livelli kollha u jkun iffinanzjat priċipalment mill-Unjoni Ewropea;
·Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li tinżamm u tiġi żviluppata l-kooperazzjoni permezz taċ-Ċentru Ewropew għal-Lingwi Moderni tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll l-appoġġ tal-Kummissjoni lill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2019. Dan se jiżgura fokus adegwat tal-UE u se jevita wkoll ir-riskju ta’ duplikazzjoni tal-isforzi u r-riżorsi minn Ċentri addizzjonali.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda att legali addizzjonali mhu meħtieġ.
3.4
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.4 hawn fuq) għal regolament li jadatta r-regoli ġenerali applikabbli għall-kompiti, l-objettivi prijoritarji u l-organizzazzjoni tal-Fondi Strutturali b'tali mod li jittieħed kont tal-protezzjoni ta' minoranzi u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, sakemm l-azzjonijiet li għandhom jiġu ffinanzjati jwasslu għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-Unjoni.
·Il-Kummissjoni tinnota li fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 2021–2027, ir-rekwiżit tan-nondiskriminazzjoni se jissaħħaħ aktar billi tiġi żgurata l-konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali bħala prinċipju orizzontali u kundizzjoni abilitanti orizzontali, applikabbli għall-oqsma kollha ta’ politika.
·Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll li l-fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni se jkomplu jkunu disponibbli għall-appoġġ tal-integrazzjoni soċjoekonomika tal-minoranzi etniċi u tal-komunitajiet marġinalizzati, skont il-ħtiġijiet identifikati mill-Istati Membri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda inizjattiva leġiżlattiva addizzjonali u l-ebda adattament ulterjuri tal-qafas leġiżlattiv tal-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni ma huma meħtieġa.
3.5
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.5 hawn fuq) għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li s-suġġett tiegħu jkun li jinbidel ir-regolament relatat mal-programm “Orizzont 2020” sabiex titjieb ir-riċerka fuq il-valur miżjud li tista' ġġib id-diversità kulturali u lingwistika tal-minoranzi nazzjonali lill-iżvilupp soċjali u ekonomiku f'reġjuni tal-UE,
·Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza d-diversi proġetti lingwistiċi u ta’ lingwi minoritarji ffinanzjati taħt Orizzont 2020 u l-fatt li dawn l-opportunitajiet biex jiġu protetti l-lingwi bħala parti mill-wirt kulturali tal-Ewropa qed jitmexxew ’il quddiem u se jkomplu jiġu żviluppati fl-attivitajiet il-ġodda ta’ riċerka u innovazzjoni ta’ Orizzont Ewropa.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda azzjoni legizlattiva ulterjuri mhi meħtieġa.
3.6
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.6 hawn fuq) għal emenda tal-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi garantit trattament indaqs approssimattiv bejn persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-Unjoni;
·L-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni komprensiv ġdid dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni 2021-2024 tista’ tqis b’mod speċifiku s-sitwazzjoni tal-persuni apolidi u ċ-ċittadini tal-UE li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, b’mod partikolari, il-ħtieġa tagħhom li jiġu integrati aħjar fis-soċjetà permezz ta’ impjiegi, edukazzjoni u opportunitajiet soċjali aħjar.
·Il-miżuri tal-Pjan ta’ Azzjoni se jiġu appoġġati mill-Fond il-ġdid għall-Migrazzjoni u l-Ażil għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021–2027, kif ukoll mill-FSE+ u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda azzjoni legiżlattiva ġdida mhi meħtieġa.
3.7
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.7 hawn fuq) għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, sabiex jiġi introdott dritt tal-awtur unitarju sabiex l-UE kollha kemm hi tkun tista' tiġi kkunsidrata suq intern fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur;
·Il-Kummissjoni tinnota li diversi strumenti leġiżlattivi ġew adottati mill-2017 sal-2019 bi skadenzi għat-traspożizzjoni li jestendu sa Ġunju 2021. L-implimentazzjoni ta’ dawn l-istrumenti leġiżlattivi se tiġi mmonitorjata mill-qrib mill-Kummissjoni.
·Il-Kummissjoni ppubblikat rieżami f’Diċembru 2020, fejn ivvalutat l-impatt tal-estensjoni tar-regoli tal-imblukkar ġeografiku għas-servizzi online li jagħtu aċċess għal kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur (awdjoviżiv u mhux awdjoviżiv). Il-Kummissjoni se tniedi djalogu mal-partijiet ikkonċernati mas-settur awdjoviżiv sabiex tiddiskuti modi konkreti biex trawwem iċ-ċirkolazzjoni tal-kontenut awdjoviżiv u ttejjeb l-aċċess tal-konsumaturi għalih madwar l-UE, qabel ma tikkunsidra kwalunkwe miżura ta’ segwitu.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda azzjoni legizlattiva ulterjuri mhi meħtieġa.
3.8
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.8 hawn fuq) għal emenda tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva għall-fini li tiġi ggarantita l-libertà tal-provvista ta' servizzi ta' kontenut awdjoviżiv, u r-riċezzjoni tagħhom, f'reġjuni fejn ikunu jirreżjedu minoranzi nazzjonali.
·Il-Kummissjoni tqis li d-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva (AVMSD) li ġiet riveduta dan l-aħħar tiżgura li l-fornituri tal-vidjow fuq talba (bħal Netflix, Amazon eċċ.) jikkontribwixxu b’mod attiv għall-objettiv tal-promozzjoni tad-diversità kulturali fl-Unjoni. Fil-linji gwida maħruġa dwar il-kalkolu tax-xogħlijiet Ewropej, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li dan l-objettiv ta’ diversità kulturali jista’ jinkiseb b’mod effettiv biss jekk is-sehem ta’ 30 % ta’ xogħlijiet Ewropej jiġi żgurat f’kull wieħed mill-katalgi nazzjonali offruti minn fornituri ta’ vidjow fuq talba multinazzjonali. Dan se jiżgura li t-telespettaturi f’kull Stat Membru fejn il-fornitur joffri katalogi nazzjonali jkollhom l-esponiment meħtieġ għal xogħlijiet Ewropej. Dan l-approċċ jippreżenta wkoll il-vantaġġ li aktarx jinċentivizza ċ-ċirkulazzjoni u d-disponibbiltà ta’ xogħlijiet Ewropej madwar l-Unjoni.
·Il-Kummissjoni se timmonitorja regolarment l-applikazzjoni tar-regoli dwar il-promozzjoni ta’ xogħlijiet Ewropej, abbażi ta’ rapporti mill-Istati Membri u studju indipendenti kif ukoll timmonitorja l-applikazzjoni ġenerali tad-Direttiva.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li r-regoli attwali huma biżżejjed u li mhi meħtieġa l-ebda emenda addizzjonali tad-Direttiva.
3.9
Dwar il-proposta (ara l-proposta 2.9 hawn fuq) għal regolament jew deċiżjoni tal-Kunsill, bil-għan li jkun hemm eżenzjoni ta' kategorija għal proġetti li jippromwovu l-minoranzi nazzjonali kif ukoll il-kultura tagħhom mill-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE,
·Il-Kummissjoni tqis li r-regoli eżistenti huma biżżejjed biex l-Istati Membri jappoġġaw proġetti li jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom.
·Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi gwida, jekk l-Istati Membri jiffaċċjaw diffikultajiet biex jagħmlu l-miżuri maħsuba tagħhom biex jippromwovu d-drittijiet ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali u l-kultura tagħhom kompatibbli mar-regoli eżistenti dwar l-għajnuna mill-Istat.
·Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li l-ebda att legali addizzjonali mhu meħtieġ.