REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 9.8.2017
li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-programmi ta’ ħidma li jappoġġaw lis-setturi taż-żejt taż-żebbuġa u taż-żebbuġ tal-mejda
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 u b’mod partikolari l-Artikoli 57(2), 58(4). 62(2) u 66(4) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 31 tiegħu,
Billi:
(1)Fid-dawl tal-esperjenza miksuba waqt l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma għal tliet snin li bdew fl-1 ta’ April 2015, jenħtieġ li wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 615/2014 jiġu ssimplifikati jew iċċarati. Fl-istess ħin, huwa xieraq li jiġi limitat iktar il-piż amministrattiv għall-operaturi u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.
(2)Minħabba li s-sena tal-implimentazzjoni tal-programmi ta’ ħidma tibda fl-1 ta’ April, fil-kuntest tal-emendi tal-programmi ta’ ħidma approvati f’każ ta’ fużjoni tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji, il-programmi ta’ ħidma separati tal-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jingħaqdu jenħtieġ li jiġu mħaddma b’mod parallel sal-bidu tas-sena ta’ implimentazzjoni li ssegwi s-sena ta’ implimentazzjoni meta tkun seħħet il-fużjoni. Fl-istess kuntest, ċerti kundizzjonijiet sabiex jiġu aċċettati l-emendati tal-miżuri tal-programm ta’ ħidma, jenħtieġ li jiġu adattati biex jagħmluha ċara li l-baġit allokat liż-żona kkonċernata jibqa’ stabbli.
(3)Sabiex ikun hemm qbil bejn l-applikazzjonijiet għall-ħlas bil-quddiem u l-likwidità tal-benefiċjarju, l-Istati Membri jenħtieġ ikollhom il-possibbiltà li jippermettu lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji biex jissottomettu l-applikazzjonijiet għall-avvanzi waqt l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma għal tliet snin.
(4)Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma approvat, jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont minimu bħala garanzija waqt is-sottomissjoni tal-applikazzjoni għall-approvazzjoni tal-programm ta’ ħidma. Ir-regoli għar-rilaxx tal-garanzija fir-rigward tal-avvanzi qabel l-aħħar ta’ kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, jenħtieġ ikunu iktar flessibbli u allinjati mar-regoli relatati mal-ħlas tal-finanzjament tal-UE.
(5)Meta wieħed iqis li l-għan ewlieni ta’ skadenzi stretti għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-ħlas hu biex jiġi rrispettat iċ-ċiklu tal-ħajja tal-baġit annwali, l-Istati Membri jenħtieġ ikollhom iktar flessibbiltà meta jiffissaw l-iskadenza għas-sottomissjoni ta’ applikazzjoni għall-ħlas, diment li l-ħlas isir mill-Istati Membri sal-15 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja meta tintemm is-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma.
(6)Sabiex jiġu evitati d-diffikultajiet ta’ likwidità, matul kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, jenħtieġ li tiġi offruta sistema ta’ ħlasijiet parzjali għar-rimborż tal-ispejjeż li jkunu diġà saru.
(7)Għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni, jenħtieġ li jkun possibbli li titwettaq l-evalwazzjoni tal-konformità mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji abbażi tad-dokumenti biss.
(8)Fl-aħħar nett, jenħtieġ li xi dati biex il-Kummissjoni tiġi infurmata b’ċerta informazzjoni u kontroreferenzi bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, jiġu espressi b’mod iktar ċar.
(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014 jiġi emendat skont dan.
(10)Il-programmi ta’ ħidma approvati qabel l-1 ta’ April 2018 jenħtieġ jibqgħu jiġu rregolati mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014 applikabbli waqt l-approvazzjoni tagħhom sakemm jintemmu dawk il-programmi.
(11)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014 huwa emendat kif ġej:
(1)L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:
(a)fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu jinbidel b’dan li ġej:
“F’każ ta’ fużjoni, l-organizzazzjonijiet benefiċjarji li qabel kellhom pjanijiet ta’ ħidma separati, għandhom joperaw il-pjanijiet separati b’mod parallel sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara li tkun seħħet il-fużjoni.”;
(b)fil-paragrafu 6, il-punti (c) u (d) għandhom jinbidlu b’dan li ġej:
“(c)il-baġit allokat lill-qasam ikkonċernat kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 611/2014 jibqa’ stabbli;
(d)it-trasferiment tal-baġit mill-miżura inkwistjoni għal miżuri oħrajn fil-qasam ikkonċernat ma jaqbiżx l-EUR 40 000.”;
(2)L-Artikoli 3 u 4 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:
“Artikolu 3
Avvanzi
1. Organizzazzjoni benefiċjarja tista’ tissottometti l-applikazzjonijiet għall-avvanzi sad-dati li jridu jiġu stabbiliti mill-Istat Membru.
2. It-total tal-avvanzi mħallsa f’sena speċifika tal-implimentazzjoni ta’ programm ta’ ħidma, ma jistax jaqbeż id-90 % tal-ammont għall-għajnuna approvat inizjalment għal dak il-programm ta’ ħidma.
3. L-Istati Membru jista’ jistabbilixxu ammont minimu għall-avvanzi u l-iskadenzi għall-ħlas tal-avvanzi.
Artikolu 4
Garanziji li jridu jiġu ppreżentati
1. Il-garanzija msemmija fl-Artikolu 7(3)(g) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 611/2014 għandha tkun minn tal-inqas 10 % tal-finanzjament tal-UE li wieħed japplika għalih.
2. L-avvanzi msemmija fl-Artikolu 3 għandhom jitħallsu soġġetti tal-preżentazzjoni ta’ garanzija skont il-Kapitolu IV tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014*. L-ammont ta’ din il-garanzija għandu jkun daqs 110 % tal-avvanz.
3. L-organizzazzjonijiet benefiċjarji jistgħu jippreżentaw talba lill-Istat Membru kkonċernat għar-rilaxx tal-garanzija imsemmija fil-paragrafu 2, , qabel id-data li trid tiġi stabbilita mill-Istat Membru u sa mhux aktar tard mit-tmiem ta’ kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma. Minbarra d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) u (c), ma’ din it-talba għandha tinhemeż deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta’ ħidma li jkunu ġew implimentati, imqassmin skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 611/2014. L-Istat Membru għandu jivverifika dawk id-dokumenti u jirrilaxxa l-garanzija li tikkorrispondi mal-ispiża kkonċernata sa mhux aktar tard mit-tieni xahar wara dak meta tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni.
----------------------
* Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).”;
(3)L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 jinbidel b’dan li ġej:
“1.
Għall-finijiet tal-ħlas tal-finanzjament tal-UE skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament (UE) Nru1308/2013, organizzazzjoni benefiċjarja għandha tippreżenta applikazzjoni għall-finanzjament lill-aġenzija għall-ħlas tal-Istat Membru, fis-sena kalendarja meta tintemm is-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u sa mhux aktar tard mid-data stabbilita mill-Istat Membru li tippermetti għal konformità mal-paragrafu 5.
L-aġenzija tal-pagamenti tal-Istat Membru tista’ tħallas il-bilanċ tal-finanzjament tal-UE lill-organizzazzjonijiet benefiċjarji li jkun jikkorrispondi għal kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma wara li ssir verifika li, abbażi tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 9 jew abbażi tar-rapport ta’ spezzjoni msemmi fl-Artikolu 7, il-miżuri li jikkorrispondu għal kull parti tal-avvanz imsemmi fl-Artikolu 3 jkunu tabilħaqq twettqu.”;
(b)fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza tinbidel b’dan li ġej:
“L-Istat Membru għandu jħallas il-finanzjament tal-UE dovut u, kif xieraq, ir-rilaxx tal-garanzija msemmija fl-Artikolu 4(2), sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Ottubru tas-sena kalendarja meta tintemm is-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma u ladarba jkunu saru l-eżami tad-dokumenti ta’ sostenn u l-verifiki msemmija fl-Artikolu 6.”;
(4)Jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:
“Artikolu 5a
Ħlasijiet parzjali
1.
L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-organizzazzjonijiet benefiċjarji japplikaw għall-ħlas tal-parti tal-għajnuna li tkun tikkorrispondi għall-ammonti li jkunu diġà ntefqu fil-kuntest tal-programm ta’ ħidma.
2.
L-applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu sottomessi f’kull ħin, iżda mhux iktar minn darbtejn fis-sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma. Minbarra d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 5(2)(b) u (c), mal-applikazzjonijiet għandha tintehemż deskrizzjoni dettaljata tal-istadji tal-programm ta’ ħidma li jkunu ġew implimentati, imqassmin skont l-oqsma u l-miżuri kif deskritt fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 611/2014.
3.
Il-ħlasijiet għall-applikazzjonijiet msemmija fil-paragrafu 1 ma jistgħux jaqbżu t-80 % tal-parti tal-għajnuna li tikkorrispondi għall-ammonti li jkunu diġà ntefqu fil-programm ta’ ħidma għall-perjodu kkonċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu ammont minimu għall-ħlasijiet parzjali u l-iskadenzi għas-sottomissjonijiet tal-applikazzjonijiet.”;
(5)Fl-Artikolu 6 għandu jiżdied il-paragrafu 6 li ġej:
“6.
L-Istati Membri jistgħu jwettqu l-verifika tal-konformità mal-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent tal-benefiċjarji, kif imsemmi fil-paragrafu 1(a), abbażi tad-dokumenti biss.”
(6)L-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:
(a) il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:
(i)il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:
“Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar, qabel il-bidu tal-programm ta’ ħidma l-ġdid għal tliet snin, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-miżuri nazzjonali li jimplimentaw dan ir-Regolament, u b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu ma’:”;
(ii)il-punti (c) u (d) jinbidlu b’dan li ġej:
“(c)L-allokazzjoni minima tal-finanzjament tal-Unjoni lil oqsma speċifiċi msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 611/2014, l-għanijiet u l-prijoritajiet tas-settur taż-żebbuġ imsemmija fl-Artikolu 6(1)(a) ta’ dak ir-Regolament ta’ Delega, u l-indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi msemmija fl-Artikolu 7(3)(f) ta’ dak ir-Regolament ta’ Delega;
(d)id-dati msemmija fl-Artikoli 5(1) u 5a(3) ta’ dan ir-Regolament;”;
(b)Fil-paragrafu 3, il-frażi introduttorja tinbidel b’dan li ġej:
Sa mhux aktar tard mill-20 ta’ Ottubru ta’ wara kull sena ta’ implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament li mill-anqas ikun magħmul minn din l-informazzjoni li ġejja:”.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika għall-programmi ta’ ħidma li se jibdew mill-1 ta’ April 2018 u għall-proċessi ta’ approvazzjoni tagħhom.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, 9.8.2017
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER