REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) .../...
ta’ 20.4.2017
li jistabbilixxi regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) No 1234/2007, u b’mod partikolari l-Artikolu 20(c), (p), (q), (r), (s) u (u) l-Artikolu 223(3)(c) u (d) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(2)(a), (b) u (c) tiegħu,
Billi:
(1)Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007. It-Taqsima 1 tal-Kapitolu I tat-Titolu I tal-Parti II tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tinkludi regoli dwar l-intervent pubbliku u l-għajnuna għall-ħżin privat, inklużi l-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u r-rapportar tal-prezzijiet tagħhom, u tagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’dak ir-rigward. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament bla problemi tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u biex jiġu stabbiliti prezzijiet tas-suq komparabbli għal karkassi u annimali ħajjin fil-qafas legali l-ġdid, ċerti regoli għandhom jiġu adottati permezz ta’ atti bħal dawn. Ir-regoli l-ġodda għandhom jissostitwixxu r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 315/2002, (KE) Nru 1249/2008 u (UE) Nru 807/2013. Dawk ir-Regolamenti huma sostitwiti mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/….
(2)Sabiex tiġi żgurata t-trasparenza mal-fornituri, importanti li l-biċċerija, l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni jew il-klassifikatur ikkwalifikat li jkunu wettqu l-klassifikazzjoni ta’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar, jew ta’ majjali jew nagħaġ jinfurmaw lill-fornitur dwar ir-riżultat tal-klassifikazzjoni tal-annimali mwassla għall-qatla. Dik il-komunikazzjoni għandha tinkludi elementi bħalma huma r-riżultat tal-klassifikazzjoni, il-piż tal-karkassa, il-preżentazzjoni tal-karkassa u, fejn ikun applikabbli, l-informazzjoni li l-klassifikazzjoni saret permezz ta’ teknika ta’ gradazzjoni awtomatizzata.
(3)L-affidabbiltà tal-klassifikazzjoni ta’ karkassi ta’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar, majjali u nagħaġ għandha tkun ivverifikata b’kontrolli regolari fuq il-post imwettqa minn korpi li huma indipendenti mill-istabbilimenti spezzjonati, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kkwalifikati. Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti minimi għal dawn il-kontrolli għandhom ikunu stipulati, inkluż ir-rapportar tal-kontrolli fuq il-post imwettqa kif ukoll l-azzjonijiet meħuda wara. Sabiex tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri biex iwettqu kontrolli fuq il-post skont il-bżonnijiet tagħhom, huwa meħtieġ li jkun hemm il-possibbiltà li ssir valutazzjoni tar-riskju.
(4)Sabiex jinkisbu prezzijiet tas-suq komparabbli fl-Unjoni, huwa meħtieġ li tiġi definita preżentazzjoni ta’ karkassa ta’ referenza li tinfluwenza l-piż u l-prezz korrett tal-karkassa. Biex il-preżentazzjonijiet użati f’xi Stati Membri jiġu aġġustati għall-preżentazzjoni tal-karkassa ta’ referenza tal-Unjoni, għandhom ikunu determinati wkoll ċerti fatturi korrettivi.
(5)Għall-fini tar-reġistrar tal-prezzijiet, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk it-territorju tagħhom huwiex maqsum jew le, u jekk iva, f’kemm-il reġjun. Peress li r-Renju Unit esprima l-intenzjoni tiegħu li jżomm id-diviżjoni tat-territorju tiegħu f’żewġ reġjuni, għal raġuni ta’ trasparenza huwa xieraq li jiġi stipulat li r-reġistrar tal-prezzijiet għar-Renju Unit għandu jkun relatat ma’ żewġ reġjuni, il-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
(6)Sabiex ikun żgurat li l-prezzijiet ta’ karkassi u ta’ annimali ħajjin ikunu rappreżentattivi tas-setturi tal-produzzjoni taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu definiti l-kategoriji, il-klassijiet u t-tipi kif ukoll li jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddefinixxu stabbilimenti jew persuni li għalihom ir-reġistrar tal-prezzijiet għandu jkun obbligatorju.
(7)Il-metodu prattiku li għandu jintuża mill-Istati Membri biex jiġu kkalkulati l-prezzijiet medji ta’ kull ġimgħa għandu jkun stipulat. Dawn il-prezzijiet għandhom jiġu rrappurtati u għandhom isiru notifiki lill-Kummissjoni skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) ../..(ISAMM) ħlief għal dawk in-notifiki li huma meħtieġa għall-organizzazzjoni ta’ spezzjonijiet fuq il-post jew li jservu bħala bażi biex tinkiseb ħarsa ġenerali kompluta tas-suq tal-laħam.
(8)Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ, għandhom isiru dispożizzjonijiet għal spezzjonijiet fuq il-post li għandhom jitwettqu minn Kumitat ta’ Spezzjoni tal-Unjoni magħmul minn esperti mill-Kummissjoni u esperti maħtura mill-Istati Membri. Għandhom ikunu stipulati regoli rigward il-kompożizzjoni u l-operat tal-Kumitat.
(9)Minħabba l-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jadattaw għall-qafas legali l-ġdid, dan ir-Regolament għandu japplika 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.
(10)Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
KAPITOLU I
KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI U KONTROLLI FUQ IL-POST
Artikolu 1
Komunikazzjoni tar-riżultati tal-klassifikazzjoni
1.Il-biċċeriji, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni jew il-klassifikaturi kkwalifikati previsti fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/… li jwettqu il-klassifikazzjoni skont il-punti A.II., A.III, B.II, C.II u C.III tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jikkomunikaw ir-riżultati tal-klassifikazzjoni lill-fornitur tal-annimal. Din il-komunikazzjoni għandha tkun, fuq karta jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, u għandha tindika għal kull karkassa:
(a)ir-riżultati tal-klassifikazzjoni permezz tal-ittri u ċ-ċifri korrispondenti msemmijin fil-punti A.II, A.III, B.II, C.II u C.III tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, rispettivament;
(b)
il-piż tal-karkassa stabbilit f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/…, filwaqt li jiġi speċifikat jekk dan jirreferix għall-piż tal-karkassa sħuna jew kiesħa;
(c)il-preżentazzjoni tal-karkassa applikata fil-mument tal-użin u l-klassifikazzjoni fuq il-ganċ; l-indikazzjoni tal-preżentazzjoni tal-karkassa ma għandhiex tkun obbligatorja jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun tgħid li fit-territorju jew reġjun tal-Istat Membru kkonċernat hi permessa preżentazzjoni ta’ karkassa waħda biss;
(d)
fejn japplika, li l-klassifikazzjoni tkun saret bl-użu ta’ teknika ta’ gradazzjoni awtomatizzata.
2.L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1(a) tinkludi subklassijiet, fejn din l-informazzjoni tkun disponibbli.
Artikolu 2
Kontrolli fuq il-post
1.Għandhom jitwettqu kontrolli fuq il-post fil-biċċeriji kollha li japplikaw il-klassifikazzjoni obbligatorja tal-karkassi kif imsemmi fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
2.Il-prestazzjoni tal-klassifikaturi kkwalifikati u l-metodi ta’ gradazzjoni applikati kif ukoll il-klassifikazzjoni, il-preżentazzjoni u l-identifikazzjoni tal-karkassi fil-biċċeriji msemmija fil-punti A.II, A.III, A.V, B.II, B.V, C.II, C.III, C.IV u C.V tal-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandhom jiġu ċċekkjati fuq il-post u mingħajr ma jsir avviż minn qabel minn korp li huwa indipendenti mill-biċċeriji, l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kwalifikati.
Ir-rekwiżit li jkun indipendenti mill-aġenziji ta’ klassifikazzjoni u l-klassifikaturi kkwalifikati ma għandux japplika meta l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru twettaq hija stess dawn il-kontrolli.
3.Fejn il-korp responsabbli mill-kontrolli fuq il-post ma jaqax taħt l-awtorità ta’ awtorità kompetenti, l-awtorità kompetenti għandha tivverifika li l-kontrolli fuq il-post jitwettqu b’mod korrett mill-inqas darba fis-sena, permezz ta’ sorveljanza fiżika taħt l-istess kondizzjonijiet.
Artikolu 3
Rekwiżiti minimi tal-kontrolli fuq il-post
1.Fejn fi Stat Membru ssir valutazzjoni tar-riskju biex jiġu determinati r-rekwiżiti minimi għall-kontrolli fuq il-post, il-frekwenza ta’ dawk il-kontrolli u l-għadd minimu ta’ karkassi li jridu jkunu kkontrollati għandhom ikunu determinati abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju bħal din, b’mod partikulari billi jiġi kkunsidrat l-għadd ta’ annimali maqtula fil-biċċeriji kkonċernati u anki l-eżitu minn kontrolli fuq il-post li jkunu saru qabel f’dawn il-biċċeriji.
2.Fejn il-valutazzjoni tar-riskju ma titwettaqx fi Stat Membru, il-kontrolli fuq il-post għandhom jitwettqu kif ġej:
(a)fil-biċċeriji kollha li joqtlu 150 annimal bovin jew iktar,li għandhom tmien xhur jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali, tal-inqas darbtejn kull tliet xhur; kull kontroll fuq il-post għandu jkun konness ma’ tal-anqas 40 karkassa, magħżula b’mod aleatorju inkella, jekk ikun hemm inqas minn 40 karkassa, mal-karkassi kollha;
(b)fil-biċċeriji kollha li joqtlu 500 majjal jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali, tal-inqas darbtejn kull tliet xhur;
(c)L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-frekwenza tal-kontrolli fuq il-post u n-numru minimu ta’ karkassi li għandhom jiġu kkontrollati għall-biċċeriji li:
(i)joqtlu inqas minn 150 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew aktar fil-ġimgħa bħala medja annwali,
(ii)joqtlu inqas minn 500 majjal fil-ġimgħa bħala medja annwali,
(iii)iwettqu klassifikazzjoni ta’ karkassi tan-nagħaġ.
3.Il-kontrolli fuq il-post għandhom jivverifikaw b’mod partikolari:
(a)
il-kategorija tal-karkassa taċ-ċanga u tan-nagħaġ;
(b)
il-klassifikazzjoni, l-użin u l-immarkar tal-karkassi;
(c)il-preċiżjoni tal-metodi ta’ gradazzjoni awtomatizzata taċ-ċanga u tan-nagħaġ permezz ta’ sistema ta’ punti u limiti li tiddetermina l-preċiżjoni kontinwa tal-metodu ta’ gradazzjoni;
(d)
il-preżentazzjoni tal-karkassa;
(e)
jekk ikun xieraq, it-test tal-funzjoni ta’ kuljum kif ukoll kull aspett tekniku ieħor tal-metodi ta’ gradazzjoni;
(f)
ir-rapporti ta’ kontroll ta’ kuljum kif imsemmija fl-Artikolu 12(1)(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/....
Artikolu 4
Rapporti u revoka ta’ liċenzji u approvazzjonijiet
1.L-awtorità kompetenti għandha tagħmel u żżomm rapporti dwar il-kontrolli fuq il-post previsti fl-Artikolu 2.
2.F’każijiet fejn numru sinifikanti ta’ klassifikazzjonijiet, preżentazzjonijiet jew identifikazzjonijiet żbaljati jew fejn l-applikazzjoni ta’ teknika ta’ gradazzjoni awtomatizzata ma tkunx konformi mar-regoli jkunu aċċertati waqt il-kontrolli fuq il-post previsti fl-Artikolu 2, il-liċenzji jew l-approvazzjonijiet mogħtija lill-klassifikaturi kwalifikati jew teknika ta’ gradazzjoni awtomatizzata kif previst fl-Artikolu 9 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/... jistgħu jiġu revokati. F’każijiet ta’ żball dwar il-kategorija, il-konformazzjoni jew il-kisja ta’ xaħam il-korp responsabbli mill-kontrolli fuq il-post jista’ titlob lill-operatur biex jikkoreġih fuq l-immarkar tal-karkassa u fid-dokumenti kkonċernati.
KAPITOLU II
REĠISTRAR U RAPPORTAR TAL-PREZZIJIET TAS-SUQ TA’ KARKASSI U ANNIMALI ĦAJJIN
Artikolu 5
Preżentazzjoni ta’ karkassi
1.Fejn il-preżentazzjoni tal-karkassa fil-mument tal-użin u l-klassifikazzjoni fuq il-ganċ tkun differenti minn dik prevista fl-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u fl-Artikolu 6 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/..., il-piż sħun tal-karkassa għandu jkun aġġustat bl-applikazzjoni tal-fatturi korrettivi.
Għall-karkassi ta’ majjali, annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur u nagħaġ, il-fatturi korrettivi għandhom ikunu speċifikati mill-Istati Membri.
Għall-karkassi ta’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar il-fatturi korrettivi huma kif stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament.
2.Meta l-aġġustamenti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu l-istess fit-territorju kollu ta’ Stat Membru, dawn jistgħu jiġu kkalkulati fuq livell nazzjonali. Meta t-tali aġġustamenti jvarjaw minn biċċerija għal oħra, dawn għandhom jiġu kkalkulati fuq livell ta’ biċċerija.
Artikolu 6
Diviżjoni territorjali għar-reġistrar tal- prezzijiet tas-suq tal-karkassi
L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu jekk it-territorju tagħhom għandux ikun jikkonsisti f’reġjun wieħed jew għandux jiġi diviż f’aktar minn reġjun wieħed. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed abbażi ta’:
(a)id-daqs tat-territorju tagħhom;
(b)
l-eżistenza, jekk ikun hemm, ta’ diviżjonijiet amministrattivi;
(c)
varjazzjonijiet ġeografiċi fil-prezzijiet.
Għall-fini tar-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga, ir-Renju Unit għandu jkun jikkonsisti tal-anqas f’żewġ reġjuni, jiġifieri l-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, li jistgħu jiġu suddiviżi abbażi tal-kriterji msemmija fl-ewwel paragrafu.
Artikolu 7
Klassijiet għar-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga
Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq abbażi tal-iskali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun relatat mal-kategoriji speċifikati fil-punt A.II tal-Anness IV ta’ dak ir-Regolament u mal-klassijiet ta’ konformazzjoni u ta’ kisja ta’ xaħam li ġejjin:
(a)karkassi ta’ annimali li għandhom minn tmien xhur sa inqas minn 12-il xahar: U2, U3, R2, R3, O2, O3;
(b)karkassi ta’ annimali rġiel mhux ikkastrati li għandhom minn 12-il xahar sa inqas minn 24 xahar: U2, U3, R2, R3, O2, O3;
(c)karkassi ta’ annimali rġiel mhux ikkastrati li għandhom 24 xahar jew aktar: R3;
(d)karkassi ta’ annimali rġiel kkastrati li għandhom 12-il xahar jew aktar: U2, U3, U4, R3, R4, O3, O4;
(e)karkassi ta’ annimali nisa li welldu: R3, R4, O2, O3, O4, P2, P3;
(f)karkassi ta’ annimali nisa oħra li għandhom 12-il xahar jew aktar: U2, U3, U4, R2, R3, R4, O2, O3, O4.
Artikolu 8
Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi taċ-ċanga
1.Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi ta’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar kif imsemmi fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/…għandu jiġi rreġistrat minn:
(a)l-operatur ta’ kwalunkwe biċċerija li kull sena toqtol 20 000 annimal bovin jew aktar li għandhom tmien xhur jew aktar;
(b)
l-operatur ta’ kwalunkwe biċċerija li tiġi nnominata mill-Istat Membru u li kull sena toqtol anqas minn 20 000 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew aktar;
(c)
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tibgħat 10 000 annimal bovin jew aktar li għandhom tmien xhur jew aktar għall-qatla kull sena; u
(d)
kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tinħatar mill-Istat Membru u li tibgħat anqas minn 10 000 annimal bovin li għandhom tmien xhur jew iżjed għall-qatla kull sena.
2.L-Istat Membru għandu jiżgura li prezzijiet jiġu rreġistrati tal-anqas għal:
(a)
25 % tal-qatliet f’dawk ir-reġjuni li flimkien ikopru tal-anqas 75 % tal-qatliet totali f’dak l-Istat Membru; u
(b)
30 % tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed u li jinqatlu f’dak l-Istat Membru.
3.Il-prezzijiet irreġistrati skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu konnessi ma’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed u li jinqatlu matul il-perjodu ta’ reġistrar ikkonċernat, u għandhom ikunu bbażati fuq il-piż kiesaħ tal-karkassa kif imsemmi fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/....
4.Il-prezzijiet irreġistrati għal kull klassi msemmija fl-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandhom jindikaw il-piż medju tal-karkassa li huma marbuta magħha u jekk ikunux ġew aġġustati permezz tal-applikazzjoni ta’ kull wieħed mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 5.
Artikolu 9
Klassijiet u piżijiet għar-reġistrar tal- prezzijiet tas-suq tal-karkassi tal-majjal
Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq abbażi tal-iskali tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun konness mal-klassijiet ta’ piż li ġejjin:
(a) karkassi ta’ 60 kg sa inqas minn 120 kg: S, E;
(b) karkassi ta’ 120 kg sa inqas minn 180 kg: R.
Artikolu 10
Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq tal-karkassi tal-majjali u annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur
Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi tal-majjali u annimali tal-ifrat li għandhom inqas minn tmien xhur kif imsemmi fl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/... għandu jkun irreġistrat fi swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew mill-operaturi ta’ kwalunkwe biċċerija jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibagħtu dawn l-annimali għall-qatla u huma maħtura mill-Istat Membru.
Artikolu 11
Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq ta’ karkassi tan-nagħaġ
li għandhom anqas minn 12-il xahar;
Il-prezz tas-suq li għandu jiġi rrappurtat għall-karkassi ta’ nagħaġ li għandhom inqas minn 12-il xahar kif imsemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/... għandu ikun irreġistrat fi swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew mill-operaturi ta’ kwalunkwe biċċerija jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibagħtu dawn l-annimali għall-qatla u huma maħtura mill-Istat Membru.
Ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq għandu jkun konness mal-kategoriji ta’ piż li ġejjin:
(a) karkassi ta’ ħrief ħfief li jiżnu inqas minn 13-il kg bħala piż tal-karkassa;
(b) karkassi ta’ ħrief tqal li jiżnu 13-il kg jew aktar bħala piż tal-karkassa.
Artikolu 12
Reġistrar tal-prezzijiet tas-suq ta’ annimali ħajjin
Il-prezzijiet tas-suq li għandhom jiġu rrappurtati għal kull tip ta’ għoġġiela rġiel li għandhom bejn tmint ijiem u erba’ ġimgħat, bovini għat-tismin u ħnienes ta’ madwar 25 kg f’piż ħaj kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/... għandhom jiġu rreġistrati fuq swieq rappreżentattivi mill-Istat Membru jew minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinnegozjaw dawn l-annimali u li huma maħtura mill-Istat Membru.
Artikolu 13
Kalkolu tal-prezzijiet tas-suq ta’ kull ġimgħa ta’ karkassi u annimali ħajjin
1.Fin-nuqqas ta’ reġistrar tal-prezzijiet fi swieq rappreżentattivi jew mill-operaturi tal-biċċeriji jew mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi msemmija fl-Artikoli 10, 11 u 12, il-prezzijiet għandhom jiġu rreġistrati mill-kmamar tal-agrikoltura, ċentri ta’ kwotazzjoni, kooperattivi tal-bdiewa jew unions tal-bdiewa fl-Istat Membru kkonċernat.
Madankollu, fejn Stat Membru jkun stabbilixxa kumitat fir-reġjun rilevanti, biex jiddeċiedi prezzijiet għal dak reġjun, u meta s-sħubija ta’ dak il-kumitat tkun diviża ugwalment bejn xerrejja u bejjiegħa tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar u l-karkassi tagħhom, dak il-Membru Stat jista’ juża l-prezzijiet determinati minn dak il-kumitat għall-kalkolu tal-prezzijiet li għandhom ikunu irrappurtati.
2.Fejn ix-xiri b’rata fissa jammonta għal aktar minn 35 % tal-qatliet totali ta’ annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew aktar fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista’ jistabbilixxi kriterji biex jeskludi ċerti kunsinni mill-kalkolu tal-prezzijiet fejn dawk il-kunsinni jinfluwenzaw il-prezzijiet b’mod sproporzjonali.
Madankollu, fejn ix-xiri b’rata fissa jkun jammonta għal anqas minn 35 % tal-qatliet totali tal-annimali tal-ifrat li għandhom tmien xhur jew iżjed fl-Istat Membru, dak l-Istat Membru jista’ jiddeċiedi li ma jikkunsidrax il-prezzijiet ta’ tali xiri fil-kalkoli tal-prezzijiet.
Fil-każijiet msemmija fit-tieni subparagrafu, prezz nazzjonali rappreżentattiv ta' kull klassi għandu jkun ikkalkulat mill-awtorità kompetenti, b’konsiderazzjoni tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 14 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/... u fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 14
Rapportar tal-prezzijiet tas-suq lill-awtorità kompetenti
Il-prezzijiet irreġistrati skont l-Artikoli 7 sa 12 fil-perjodu mit-Tnejn sal-Ħadd ta’ kull ġimgħa għandhom:
(a)
jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti, fuq karta jew permezz ta’ mezzi elettroniċi, mill-operatur tal-biċċerija jew persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikoli 8, 10, 11 u 12 fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Istat Membru; jew
(b)
fuq għażla tal-Istat Membru, jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtorità kompetenti tiegħu fil-biċċerija jew fil-bini tal-persuna fiżika jew ġuridika msemmija fl-Artikoli 8, 10, 11 u 12.
Artikolu 15
Rapportar tal-prezzijiet tas-suq u notifiki lill-Kummissjoni
1.Ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq u n-notifiki msemmija fl-Artikoli 13 u 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2017/…, rispettivament għandhom isiru skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE)…/ (ISAMM) bl-eċċezzjoni tan-notifiki pprovduti fl-Artikolu 25(3) u (5) tar-Regolament Delegat (UE) 2017/...
2.Il-prezzijiet għandhom ikunu konnessi mal-perjodu mit-Tnejn sal-Ħadd tal-ġimgħa ta’ qabel dik li fiha kienu nnotifikati.
KAPITOLU III
KUMITAT TA’ SPEZZJONI TAL-UNJONI U SPEZZJONIJIET FUQ IL-POST
Artikolu 16
Kumitat ta’ spezzjoni tal-Unjoni
1.Il-Kumitat ta’ Spezzjoni tal-Unjoni (“il-Kumitat”) għandu jkun responsabbli biex jagħmel spezzjonijiet fuq il-post li jkopru:
(a)l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;
(b)ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta’ klassifikazzjoni;
(c)
il-klassifikazzjoni, l-identifikazzjoni u l-immarkar tal-prodotti fil-qafas tax-xiri taħt intervent pubbliku fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella.
2.Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn massimu ta’:
(a)
tliet esperti tal-Kummissjoni, li wieħed minnhom għandu jaġixxi bħala president tal-Kumitat;
(b)espert wieħed mill-Istat Membru kkonċernat;
(c)tmien esperti mill-Istati Membri l-oħra.
L-Istati Membri għandhom jagħżlu esperti fuq il-bażi tal-indipendenza u l-abbiltà tagħhom, partikolarment f’sitwazzjonijiet relatati mal-klassifikazzjoni tal-karkassi u r-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq u man-natura speċifika tax-xogħol li għandu jsir.
L-esperti ma jistgħu fl-ebda ċirkustanza jużaw l-informazzjoni għal skopijiet personali jew jiżvelaw informazzjoni li jkunu kisbu u li tkun marbuta max-xogħol tal-Kumitat.
3.L-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-membri tal-Kumitat marbuta mal-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitħallsu mill-Kummissjoni skont ir-regoli applikabbli għar-rimborż ta’ spejjeż tal-ivvjaġġar u s-sussistenza ta’ persuni li ma għandhomx konnessjoni mal-Kummissjoni u li jissejħu minnha sabiex jaġixxu ta’ esperti.
Artikolu 17
Spezzjonijiet fuq il-post
1.Għandhom isiru spezzjonijiet fuq il-post f’biċċeriji, fi swieq tal-laħam, f’ċentri ta’ intervent, f’ċentri ta’ kwotazzjoni ta’ prezzijiet u f’servizzi reġjonali u ċentrali li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw:
(a)l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;
(b)ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta’ klassifikazzjoni;
(c)
il-klassifikazzjoni, l-identifikazzjoni u l-immarkar tal-prodotti fil-qafas tax-xiri taħt intervent pubbliku fis-settur taċ-ċanga u tal-vitella.
2.L-ispezzjonijiet fuq il-post għandhom jitwettqu f’intervalli regolari fl-Istati Membri u l-frekwenza tagħhom tista’ tvarja, b’mod partikolari, skont il-volum relattiv ta’ produzzjoni ta’ ċanga, majjal u nagħaġ fl-Istati Membri li tkun saritilhom żjara jew skont l-irregolaritajiet marbuta mal-applikazzjoni tal-iskali ta’ klassifikazzjoni u r-rapportar tal-prezzijiet tas-suq.
Ir-rappreżentanti tal-Istat Membru fejn issir iż-żjara jistgħu jieħdu sehem fl-ispezzjonijiet fuq il-post.
Kull Stat Membru għandu jorganizza l-ispezzjonijiet fuq il-post li għandhom isiru fit-territorju tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Kummissjoni. Għal dan il-għan, l-Istat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, mhux aktar tard minn 60 ġurnata qabel ma jsiru l-ispezzjonijiet fuq il-post, l-abbozz tal-programm tal-ispezzjonijiet fuq il-post proposti . Il-Kummissjoni tista’ titlob kwalunkwe emenda fil-programm.
Il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Istati Membri kemm jista’ jkun minn qabel dwar kull spezzjoni fuq il-post, dwar emendi fil-programm u l-andament tiegħu.
Artikolu 18
Rapporti
1.Meta titlesta kull żjara, il-membri tal-Kumitat u r-rappreżentanti tal-Istat Membru fejn tkun saret iż-żjara għandhom jiltaqgħu biex jikkunsidraw ir-riżultati. Il-membri tal-Kumitat għandhom jiġbdu konklużjonijiet mill-ispezzjoni fuq il-post rigward:
(a)l-applikazzjoni tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ;
(b)ir-reġistrar tal-prezzijiet tas-suq skont dawk l-iskali ta’ klassifikazzjoni.
Il-president tal-Kumitat għandu jagħmel rapport dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru fuq il-post li jkun fih il-konklużjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu. Ir-rapport għandu jintbagħat kemm jista’ jkun malajr lill-Istat Membru spezzjonat u wara lill-Istati Membri l-oħra.
Fil-każ ta’ rapporti dwar l-ispezzjoni fuq il-post li tissemma fit-tieni subparagrafu u li ssir fi Stat Membru, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti rilevanti abbozz ta’ rapport għall-kummenti, tieħu inkunsiderazzjoni dawk il-kummenti fit-tħejjija tar-rapport finali u tippubblika l-kummenti tal-awtorità kompetenti flimkien mar-rapport finali.
Meta r-rapport dwar l-ispezzjonijiet li jkunu saru fuq il-post josserva nuqqasijiet fil-kampijiet varji ta’ attività li kienu s-suġġett tal-ispezzjoni, jew jagħmel rakkomandazzjonijiet bil-għan li jittejjeb l-operat, l-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-bidliet kollha li huma kkunsidrati jew li jkunu seħħew mhux aktar tard minn tliet xhur wara d-data li fiha jkun ġie trażmess ir-rapport.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONI FINALI
Artikolu 19
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba' jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika minn [12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmula fi Brussell, 20.4.2017
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER