EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli tat-triq

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Ir-rekwiżiti tal-approvazzjoni tat-tip biex tiġi żgurata s-sikurezza ġenerali tal-vetturi u l-protezzjoni tal-utenti vulnerabbli tat-triq' for an updated information about the subject.

Il-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli tat-triq

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 78/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Sabiex jonqos l-għadd u s-severità ta’ korrimenti li jirriżultaw minn inċidenti tat-triq li jinvolvu n-naħa ta’ quddiem ta’ vetturi bil-mutur, huwa jintroduċi rekwiżiti u miżuri biex jiżgura ħarsien aħjar tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq*.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-bini u t-tħaddim ta’ vetturi bil-mutur u sistemi ta’ protezzjoni ta’ quddiem.

Tipi ta’ vetturi koperti

Ir-Regolament japplika għal:

  • vetturi bil-mutur tal-kategorija M1 (essenzjalment karozzi tal-passiġġieri) kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KEVetturi bil-mutur — sistema tal-approvazzjoni tat-tip tal-UE
  • vetturi bil-mutur tal-kategorija N1 (essenzjalment vetturi tal-merkanzija ħfief sa massimu ta’ 3 500 kg) kif definiti fl-Anness II tad-Direttiva 2007/46/KE;
  • sistemi ta’ protezzjoni ta’ quddiem ta’ dawk il-vetturi, immuntati bħala tagħmir oriġinali mal-vetturi jew forniti bħala unitajiet separati.

Obbligi tal-manifattur

Il-manifatturi:

  • għandhom jiżguraw li l-vetturi li jitqiegħdu fis-suq huma mgħammra b’sistema ta’ assistenza fl-ibbrejkjar b’approvazzjoni tat-tip;
  • jistgħu jżidu sistema ta’ protezzjoni ta’ quddiem li għandha tikkonforma mal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament;
  • għandhom jikkomunikaw lill-awtoritajiet ta’ approvazzjoni tal-vetturi bid-data dwar l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-test tal-vetturi.

Il-manifattur għandu jissottometti lill-awtoritajiet applikazzjoni għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE fil-forma ta’ dokument ta’ tagħrif li jkun fih:

  • informazzjoni ġenerali;
  • karatteristiċi tal-bini tal-vettura; u
  • informazzjoni relatata mal-karozzerija tal-vettura.

Obbligi tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE

  • L-awtorità tal-approvazzjoni għandha tagħti l-approvazzjoni tat-tip tal-UE skont it-tip ta’ vettura fejn ir-rekwiżiti rilevanti jiġu sodisfatti mill-manifattur.
  • Waħda mit-tliet ittri tingħata skont ir-rekwiżiti sodisfatti mill-vettura, jiġifieri:
    • A (li tikkorrispondi għall-ewwel livell ta’ protezzjoni minima);
    • B (li tikkorrispondi għat-tieni livell ta’ protezzjoni); jew
    • X (li tikkorrispondi għal-livell ta’ protezzjoni għal ċerti vetturi speċifiċi).

L-awtoritajiet nazzjonali ma għandhomx jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE jekk is-sistema ta’ protezzjoni ta’ quddiem ma tissodisfax ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-regolament. Madankollu, vetturi mgħammra b’sistemi għall-evitar ta’ kolliżjonijiet jista’ ma jkollhomx għalfejn jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti fil-ġejjieni, wara valutazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea.

Regoli ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-Anness I għar-Regolament dwar ir-rekwiżiti tekniċi meħtieġa biex isiru t-testijiet.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-24 ta’ Novembru 2009, bl-eċċezzjoni ta’:

  • l-Artikoli 4(6) u 9(9) li ilhom japplikaw mill-24 ta’ Frar 2009;
  • l-Artikolu 9(2) sa (8) li japplika minn diversi dati, fuq perjodu li jestendi sal-24 ta’ Awwissu 2019).

SFOND

Minbarra l-miżuri tal-approvazzjoni tat-tip koperti fir-Regolament (KE) Nru 78/2009, l-UE adottat ukoll id-Direttiva 2010/40/EUL-iskjerament ta’ sistema ta’ trasport intelliġenti fl-Ewropa. Tali applikazzjonijiet ta’ sikurezza u sigurtà fit-toroq ibbażati fuq sistemi ta’ trasport intelliġenti wrew l-effettività tagħhom, iżda l-benefiċċju ġenerali għas-soċjetà jiddependi fuq l-iskjerament usa’ tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Utenti vulnerabbli tat-triq: utenti tat-triq mhux bil-mutur bħal persuni mexjin u ċiklisti kif ukoll motoċiklisti u persuni b’diżabilità jew mobilità u orjentazzjoni mnaqqsa.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-ħarsien tal-persuni mexjin u ta’ utenti vulnerabbli oħra tat-triq, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE u jħassar id-Direttivi 2003/102/KE u 2005/66/KE (ĠU L 35, 4.2.2009, p. 1-31)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 78/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2010/40/EU tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport (ĠU L 207, 6.8.2010, pp. 1-13)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 631/2009 tat-22 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tal-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 78/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi tal-mutur fir-rigward tal-protezzjoni tal-persuni fit-triq u utenti vulnerabbli oħra tat-triq li temenda d-Direttiva 2007/46/KE u tirrevoka d-Direttivi 2003/102/KE u 2005/66/KE (ĠU L 195, 25.7.2009, p. 1-60)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 263, 9.10.2007, p. 1-160).

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 11.01.2019

Top