EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Konvenzjoni ta’ Bern

Il-Konvenzjoni ta’ Bern

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa

Deċiżjoni 82/72/KEE — konklużjoni għall-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

  • Il-konvenzjoni, adottata f’Bern fid-19 ta’ Settembru 1979, għandha l-għan li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn il-pajjiżi firmatarji biex jikkonservaw il-flora u l-fawna selvaġġa u l-ħabitat naturali tagħhom u biex jipproteġu speċi migratorji fil-periklu.
  • Id-deċiżjoni tikkonkludi l-ftehim f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea (issa l-UE).

PUNTI EWLENIN

  • L-UE hija parti kontraenti għall-konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa.
  • Il-flora u l-fawna selvaġġa jikkostitwixxu wirt naturali ta’ valur kbir li jeħtieġ jiġu ppreservati u mogħtija lill-ġenerazzjonijiet futuri. Barra mill-programmi ta’ protezzjoni nazzjonali, il-partijiet għall-Konvenzjoni jqisu li l-kooperazzjoni għandha tiġi stabbilita fuq livell Ewropew.
  • Il-partijiet jintrabtu li:
    • jippromwovu politiki nazzjonali għall-konservazzjoni tal-flora selvaġġa, fawna selvaġġa u ħabitat naturali;
    • jintegraw il-konservazzjoni tal-flora u l-fawna selvaġġa fl-ippjanar nazzjonali, politiki ambjentali u ta’ żvilupp;
    • jippromwovu l-edukazzjoni u jxerrdu l-informazzjoni dwar il-ħtieġa għall-konservazzjoni ta’ speċi ta’ flora u fawna selvaġġa u l-ħabitat tagħhom.
  • Il-partijiet jaqblu li jieħdu miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa biex jipproteġu l-ispeċi tal-flora selvaġġa speċifikata fl-Appendiċi I (Speċi ta’ flora protetta strettament). Il-konvenzjoni tipprojbixxi l-ġbir, qtugħ, kollezzjoni jew qlugħ mill-għeruq intenzjonat ta’ tali pjanti.
  • Miżuri leġiżlattivi u amministrattivi xierqa għandhom ukoll jiġu adottati biex jikkonservaw l-ispeċi ta’ fawna selvaġġa elenkati fl-Appendiċi II (Speċi ta’ fawna protetta strettament). Dawn li ġejjin huma pprojbiti:
    • kull forma ta’ qbid u żamma intenzjonata u qtil intenzjonat;
    • il-ħsara intenzjonata lil jew il-qrid ta’ siti tat-trobbija jew il-postijiet fejn jistrieħu;
    • id-disturb intenzjonat ta’ fawna selvaġġa, partikolarment matul il-perjodu tat-tnissil, tat-trobbija u tal-ibernazzjoni;
    • il-qerda jew it-teħid intenzjonat tal-bajd mill-ambjent selvaġġ jew iż-żamma ta’ dan il-bajd;
    • il-pussess ta’ u l-kummerċ intern ta’ dawn l-annimali, ħajjin jew mejtin, inkluż annimali bbalzmati u xi parti jew derivattiva ta’ dawn l-annimali.
  • Kull sfruttar tal-fawna selvaġġa speċifikata fl-Appendiċi III (Speċi ta’ fawna protetta) għandha tiġi rregolata biex iżżomm il-popolazzjonijiet barra mill-periklu (projbizzjoni temporanja jew lokali tal-isfruttar, regolazzjoni tat-trasport jew bejgħ, eċċ.). Il-partijiet huma pprojbiti milli jużaw mezzi indiskriminati ta’ qbid jew qtil li kapaċi jikkawżaw l-għejbien ta’, jew id-disturb serju lill-ispeċi.
  • Il-konvenzjoni telenka xi eċċezzjonijiet għal dan ta’ hawn fuq:
    • għall-protezzjoni tal-flora u tal-fawna;
    • biex tevita ħsara serja lill-uċuħ tar-raba’, il-bhejjem, il-foresti, is-sajd, l-ilma u forom oħra ta’ proprjetà;
    • fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, is-sigurtà tal-arja jew interessi pubbliċi urġenti oħra;
    • għall-finijiet tar-riċerka u l-edukazzjoni, tar-riproduzzjoni, tal-introduzzjoni mill-ġdid u għat-tnissil meħtieġ;
    • biex tippermetti, taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, it-teħid, iż-żamma jew l-isfruttar meqjus ieħor ta’ ċerti annimali u pjanti selvaġġi f’numri żgħar.
  • Il-partijiet kontraenti jintrabtu li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom għall-protezzjoni tal-ispeċi migratorji speċifikati fl-Appendiċi II u III li l-firxa tagħhom testendi fit-territorji tagħhom.
  • Kumitat permanenti responsabbli għall-applikazzjoni tal-konvenzjoni huwa stabbilit.

DATA TA’ DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-Konvenzjoni ta’ Bern daħlet fis-seħħ fis-6 ta’ Ġunju 1982.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa (ĠU L 38, 10.2.1982, pp. 3-32)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat-3 ta’ Diċembru 1981 rigward il-konklużjoni tal-Konvenzjoni dwar il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa (ĠU L 38, 10.2.1982, pp. 1-2)

L-Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 82/72/KEE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/746/KE tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità, tal-emendi lill-Appendiċi II u III tal-Konvenzjoni ta’ Bern dwar il-konservazzjoni tal-annimali selvaġġi u l-ħabitat naturali fl-Ewropa fis-17-il laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-Konvenzjoni (ĠU L 358, 31.12.1998, p. 114)

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top