EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu tar-rata tal-kambju bejn l-euro u muniti nazzjonali parteċipanti oħra

Mekkaniżmu tar-rata tal-kambju bejn l-euro u muniti nazzjonali parteċipanti oħra

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tar-rata tal-kambju

Ftehim bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali tal-pajjiżi tal-UE barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja

X’INHU L-GĦAN TAR-RIŻOLUZZJONI U L-FTEHIM?

  • Ir-riżoluzzjoni kellha l-mira li toħloq sistema bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u dawk mhux fiż-żona tal-euro li ggarantiet stabbiltà fir-rati tal-kambju bejn il-muniti differenti tagħhom meta beda t-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja fl-1 ta’ Jannar 1999.
  • Il-ftehim jibni fuq ir-riżoluzzjoni, u jirrevoka u jissostitwixxi ftehim simili li kien intlaħaq fl-1998. Huwa jistabbilixxi mekkaniżmu tar-rata tal-kambju (ERM II) stabbli, li jissostitwixxi s-Sistema Monetarja Ewropea oriġinali, bejn l-euro u l-muniti nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE li ma adottawx l-euro iżda li jipparteċipaw fil-ftehim. Bħalissa, il-krona Daniża hija l-unika munita fl-ERM II.
  • L-għan huwa li jiġi evitat ċaqliq eċċessiv fir-rati tal-kambju li jfixkel is-suq uniku.

PUNTI EWLENIN

  • Il-ftehim:
    • jikkonferma li l-parteċipazzjoni fl-ERM II hija volontarja għall-pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro b’esklużjoni fakultattiva mill-munita unika, iżda jżid li huma mistennija jipparteċipaw;
    • jipprovdi għal rata ċentrali — maqbula mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-bank ċentrali nazzjonali rilevanti — bejn l-euro u kull munita nazzjonali parteċipanti. Din tista’ tvarja bi 15 % f’kull direzzjoni;
    • jippermetti għal intervent awtomatiku u mhux limitat mill-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali jekk jinqabeż il-limitu ta’ 15 %;
    • jistabbilixxi proċeduri dettaljati għal
      • l-involviment ta’ bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fi kwalunkwe intervent;
      • faċilitajiet ta’ kreditu għal terminu qasir ħafna bejn il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro;
      • ħlas lura ta’ bilanċi pendenti tal-finanzjament għal terminu qasir ħafna;
      • estensjoni ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ finanzjament;
      • kooperazzjoni aktar mill-qrib fuq ir-rati tal-kambju bejn il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro;
      • monitoraġġ tas-sistema globali tal-ERM II;
      • emendi possibbli tar-rati ċentrali u tal-limiti taċ-ċaqliq ta’ 15 %.
  • Il-ftehim irid jiġi emendat kull meta jipparteċipa bank ċentrali nazzjonali ġdid. L-emendi kollha huma elenkati fis-sezzjoni “Dokumenti relatati”.

MINN META JAPPLIKAW IR-RIŻOLUZZJONI U L-FTEHIM?

  • Ir-riżoluzzjoni ilha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 1997.
  • Il-ftehim ilu japplika mill-1 ta’ April 2006.

SFOND

  • Il-konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika bażika hija essenzjali biex tinżamm rata tal-kambju stabbli. Huwa meħtieġ ambjent ekonomiku stabbli biex is-suq uniku jopera kif suppost u biex jiġu promossi aktar investiment, tkabbir u impjiegi.
  • Il-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju jagħti lill-pajjiżi tal-UE li mhumiex fiż-żona tal-euro referenza għal politiki ekonomiċi sodi, u jippermettilhom iħejju ruħhom biex jadottaw l-euro.

DOKUMENTI EWLENIN

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monterja Amsterdam, 16 ta’ Ġunju 1997 (ĠU C 236, 2.8.1997, pp. 5–6)

Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 73, 25.3.2006, pp. 21–27)

DOKUMENTI RELATATI

Ftehim tal-21 ta’ Diċembru 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 14, 20.1.2007, pp. 6–8)

Ftehim tal-14 ta’ Diċembru 2007 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro, li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 319, 29.12.2007, pp. 7-9)

Ftehim tat-13 ta’ Diċembru 2010 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro, li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (ĠU C 5, 8.1.2011, pp. 3-6)

Ftehim tal-21 ta’ Ġunju 2013 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (ĠU C 187, 29.6.2013, pp. 1-4)

Ftehim tat-13 ta’ Novembru 2014 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (ĠU C 64, 21.2.2015, pp. 1-4)

l-aħħar aġġornament 11.04.2017

Top