EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-fergħa korrettiva: il-proċedura ta' defiċit eċċessiv

Il-fergħa korrettiva: il-proċedura ta' defiċit eċċessiv

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 — li jħaffef u jiċċara l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (SGP, Stability and Growth Pact) huwa s-sinsla tad-dixxiplina baġitarja tal-UE. Il-fergħa korrettiva tal-patt tirregola l-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP, excessive deficit procedure) li hija l-bażi tal-korrezzjoni fil-pront ta' defiċits pubbliċi għoljin b'mod eċċessiv jew ta' dejn pubbliku għoli b'mod eċċessiv.

Ir-Regolament ifittex li jiċċara u jħaffef l-EDP skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE)

Meta pajjiż tal-UE ma jirrispettax id-dixxiplina baġitarja meħtieġa mill-SGP, jista' jsir soġġett ta' EDP li tinkludi bosta passi.

PUNTI EWLENIN

Il-ftuħ tal-proċedura

Skont l-SGP, l-EDP tiġi azzjonata bi kriterji ta' defiċit u ta' dejn:

  • Kriterju ta' defiċit: id-defiċit tal-gvern ġenerali huwa meqjus eċċessiv jekk jaqbeż il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) bil-prezzijiet tas-suq; jew
  • Kriterju ta' dejn: dejn li jaqbeż is-60% tal-PDG u l-mira li jitnaqqas id-dejn b'1/20 fis-sena ma tkunx intlaħqet matul it-3 snin preċedenti.

Fażijiet tal-proċedura

  • għall-pajjiż tal-UE li d-defiċit jew id-dejn tiegħu jaqbeż il-limiti definiti, il-Kummissjoni Ewropea tħejji rapport li jevalwa jekk għandux jingħata bidu għal Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv;
  • imbagħad il-Kummissjoni tibgħat avviż lill-pajjiż involut u tinfurma lill-Kunsill jekk tqis li d-defiċit huwa eċċessiv;
  • fuq il-proposta tal-Kummissjoni, il-Kunsill jiddeċiedi, b'maġġoranza kkwalifikata jekk, fid-dawl tal-osservazzjonijiet tal-pajjiż ikkonċernat, id-defiċit huwiex eċċessiv;
  • jekk il-Kunsill jiddeċiedi li d-defiċit huwa eċċessiv, huwa jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-pajjiż u jippreskrivi limitu ta' żmien massimu għalih sabiex jieħu azzjoni (3 jew 6 xhur);
  • jekk pajjiż jippersisti fil-fatt li ma jimplimentax ir-rakkomandazzjonijiet, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jagħtih avviż formali biex jieħu miżuri biex inaqqas id-defiċit fi ħdan perjodu speċifikat;
  • jekk il-pajjiż ma jikkonformax mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill, il-Kunsill jista' jiddeċiedi li jimponi sanzjonijiet.

Sanzjonijiet

Is-sanzjonijiet jiġu imposti jekk id-defiċit ma jitnaqqasx. Għall-pajjiżi fiż-żona tal-euro, dawn is-sanzjonijiet jiġu imposti fuq bażi gradwali li jibdew bi:

  • l-obbligu li jiġi ppreżentat depożitu bl-imgħax għand il-Kummissjoni ta' 0.2 % tal-PDG fil-fażi preventiva;
  • l-obbligu li jiġi ppreżentat depożitu mingħajr imgħax ta' 0.2 % tal-PDG fil-fażi korrettiva; Dan id-depożitu jinqaleb f'multa ta' massimu ta' 0.5 % tal-PDG jekk ir-rakkomandazzjonijiet biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv ma jiġux issodisfati.

Barra minn hekk, il-pajjiżi tal-UE kollha (għajr ir-Renju Unit (1)) jistgħu jkunu soġġetti għal sospensjoni tal-impenni jew pagamenti tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment tal-UE. Il-penali jiġu imposti wkoll fil-każijiet ta' manipulazzjoni statistika.

Sistema ta' votazzjoni

Deċiżjonijiet fuq ħafna mis-sanzjonijiet skont l-EDP jittieħdu minn maġġoranza bil-maqlub ikkwalifikata. Dan ifisser li titqies li tkun ġiet adottata multa sakemm il-Kunsill ma jiddeċidix, b'maġġoranza kkwalifikata li jirrifjutaha.

Barra minn hekk, il-25 pajjiż li ffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza qablu li japplikaw votazzjoni b'maġġoranza kkwalifikata bil-maqlub f'fażi aktar bikrija fil-proċedura, pereżempju meta tittieħed deċiżjoni dwar jekk pajjiż tal-UE għandux ikun soġġett għal EDP.

Flessibilità tal-SGP

F'Jannar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni li tipprovdi gwida lill-pajjiżi tal-UE dwar kif jagħmlu l-aqwa użu mill-flessibilità fi ħdan ir-regoli eżistenti tal-Patt ta' Stabbilita u Tkabbir għat-tħeġġiġ tal-implimentazzjoni effettiva tar-riformi strutturali, għall-promozzjoni tal-investiment u sabiex is-sitwazzjoni ekonomika ta' kull pajjiż tal-UE titqies aħjar.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Japplika mill-1 ta' Jannar 1999.

SFOND

ATT

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6-11)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1467/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1-7)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment: L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-patt tal-istabbiltà u tkabbir (COM(2015) 12 final tat-13.1.2015)

l-aħħar aġġornament 22.02.2016



(1) Ir-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea u jsir pajjiż terz (pajjiż mhux tal-UE) mill-1 ta’ Frar 2020.

Top