EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-allokazzjoni ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea

L-allokazzjoni ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Unjoni Ewropea (regolament dwar is-slots)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • L-għan tiegħu huwa li jiżgura li meta l-kapaċità tal-ajruporti tkun skarsa, id-disponibilitià ta’ slots* għall-wasla u tluq jintużaw b’mod effiċjenti u jitqassmu b’mod ekwu, mhux diskriminatorju u trasparenti.
  • Ir-regolament ġie emendat diversi drabi, l-aktar reċenti bir-Regolament (UE) 2022/2038. Ħafna drabi, dawn l-emendi kienu mfassla biex jippermettu lit-trasportaturi tal-ajru* u l-ajruporti jadattaw għall-konsegwenzi negattivi li rriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali, l-attakki terroristiċi ta’ Settembru 2001, is-sitwazzjoni epidemjoloġika (pereżempju, il-pandemija tal-COVID-19) jew l-aggressjoni militari (bħall-gwerra tal-Iraq jew il-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna).

PUNTI EWLENIN

Ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji oġġettivi li fuq il-bażi tagħhom ajruport jista’ jintgħażel bħala ajruport koordinat* jew ajruport iffacilitat bl-iskedi* jekk il-kapaċità tiegħu mhijiex biżżejjed.

L-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) jistgħu jagħżlu kwalunkwe ajruport bħala ajruport koordinat sakemm:

  • titwettaq analiżi tal-kapaċità;
  • ikun hemm nuqqas serju ta’ kapaċità li ma jkunx jista’ jiġi solvut fuq medda qasira ta’ żmien.

Koordinatur / faċilitatur tal-iskedi

  • L-Istat Membru responsabbli għal ajruport ikkoordinat jew iffaċilitat bl-iskedi għandu jaħtar individwu kkwalifikat jew entità legali b’esperjenza ġudizzjarja fl-ippjanar tal-movimenti ta’ inġenji tal-ajru bħala koordinatur jew faċilitatur tal-iskedi.
  • Il-koordinatur jew faċilitatur tal-iskedi jaġixxi b’mod newtrali, mhux diskriminatorju u trasparenti u għandu jkun funzjonalment separat minn kwalunkwe parti interessata individwali.
  • Is-sistema ta’ finanzjament tal-attivitajiet tal-koordinatur se tiggarantixxi l-istatus indipendenti tal-koordinatur. L-istess koordinatur jista’ jinħatar għal aktar minn ajruport wieħed.

Il-kapaċità tal-ajruporti

  • Il-kapaċità komplementari tal-ajruporti disponibbli għall-allokazzjoni hija ddeterminata darbtejn fis-sena mill-awtoritajiet kompetenti, skont iż-żewġ staġuni (ix-xitwa u s-sajf) ta’ pprogrammar fis-seħħ fl-avjazzjoni internazzjonali. Il-kalkolu tal-kapaċità ta’ ajruport huwa bbażat fuq analiżi oġġettiva tal-possibbiltajiet li jigi akkomodat it-traffiku tal-ajru.
  • It-trasportaturi tal-ajru għandhom jipprovdu kwalukwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-koordinatur.

Kumitat ta’ koordinament

  • L-Istat Membru responsabbli għandu jiżgura li jitwaqqaf kumitat ta’ koordinament f’ajruport ikkoordinat.
  • Il-kumitat ta’ koordinament jagħmel proposti u jagħti pariri lill-koordinatur dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kapaċità tal-ajruport, u b’mod partikolari:
    • l-opportunitajiet biex tiżdied il-kapaċità;
    • il-parametri tal-koordinament;
    • il-metodi ta’ monitoraġġ;
    • l-linji gwida lokali.
  • Is-sħubija f’dan il-kumitat hija miftuħa għal:
    • trasportaturi tal-ajru li jużaw l-ajruport;
    • il-korp maniġerjali tal-ajruport;
    • l-awtoritajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru;
    • rappreżentanti tal-avjazzjoni ġenerali.

Il-proċedura għall-allokazzjoni tas-slots tal-ħin

  • Il-prinċipju ġenerali dwar l-allokazzjoni tas-slots huwa li trasportatur tal-ajru li jkun opera serje ta’ slots* partikolari għal mill-inqas 80 % matul il-perjodu ta’ skedar tas-sajf jew tax-xitwa huma intitolati għall-istess serje ta’ slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti tas-sena ta’ wara (magħruf bħala drittijiet soprapaternali). Konsegwentement, serje ta’ slots li ma jintużawx biżżejjed mit-trasportaturi tal-ajru jiġu rritornati lill-aggregazzjoni tas-slots għar-rilokazzjoni (ir-regola “ użaha jew itlifha”.
  • Aggregazzjonijiet tas-slots jistgħu jiġu stabbiliti li fihom slots tal-ħin maħluqa reċentement, slots li ma jintużawx u slots li jkunu ngħataw minn trasportatur jew li b’xi mod ieħor ikunu saru disponibbli.
  • Il-koordinatur iqis ukoll regoli u linji gwida addizzjonali stabbiliti mill-industrija tat-trasport tal-ajru u linji gwida lokali proposti mill-kumitat ta’ koordinament u approvati mill-Istat Membru jew kwalunkwe korp kompetenti ieħor responsabbli għall-ajruport, sakemm ir-regoli jew il-linji gwida huma kompatibbli mar-regolament dwar is-slots u l-liġi tal-UE.
  • Jekk slot mitlub ma jkunx jista’ jiġi akkomodat, il-koordinatur jinforma lit-trasportatur tal-ajru li jkun qed jagħmel it-talba bir-raġunijiet għaliex u jindika l-eqreb slot alternattiv.
  • Slots jistgħu jiġu skambjati wieħed għal wieħed bejn trasportaturi bl-ajru jew trasferiti bejn trasportaturi bl-ajru f’ċerti ċirkostanzi speċifikati (pereżempju, bejn kumpanija prinċipali u sussidjarji, f’każ ta’ akkwiżizzjoni parzjali jew totali, jew trasferiment lejn rotta differenti). F’tali każijiet, dejjem tkun meħtieġa konferma espliċita mill-koordinatur.
  • Stat Membru jista’ jirriżerva ċerti slots għal servizzi reġjonali.

Soliev temporanju mir-regoli tal-użu tas-slots

  • Għandu jiġi nnutat li, waqt il-pandemija tal-COVID-19, ir-regola “użaha jew itlifha” ġiet sospiża, u tagħti soliev temporanju mir-regoli dwar l-użu tas-slots. It-traffiku tal-ajru ra rkupru b’saħħtu mill-perjodu ta’ skedar tas-sajf tal-2022, u t-traffiku tal-ajru għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa tal-2022/2023 huwa mistenni li jkun bejn wieħed u ieħor 90 % tal-livelli tal-2019. Madanakollu, is-sitwazzjoni fis-settur tal-avjazzjoni tibqa’ inċert minħabba r-riskju ta’ varjanti ġodda tal-COVID-19 li jidhru, flimkien mal-impatt tal-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna fuq it-traffiku tal-ajru u l-kapaċità tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw is-slots tagħhom peress li t-trasportaturi tal-ajru tal-UE ma jitħallewx jidħlu fl-ispazju tal-ajru tal-Belarussja, ir-Russja u l-Ukrajna.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/2038 jistabbilixxi regoli biex jiġi żgurat li t-trasportaturi tal-ajru li jonqsu milli jużaw is-slots tagħhom skont ir-rata ta’ użu stabbilita fir-Regolament (KEE) Nru 95/93 ma jitilfux awtomatikament il-preċedenza fir-rigward tas-serje ta’ slots li jistgħu jgawdu mod ieħor.
  • Minħabba li r-Regolament (KEE) Nru 95/93 għandu l-għan li jiżgura l-użu effiċjenti tal-kapaċità tal-ajruporti u l-aċċess ġust għat-trasportaturi tal-ajru kollha għal kapaċità limitata tal-ajruport,l-aġġustament tar-rekwiżiti tal-użu normali permezz ta’ rata tal-użu aktar baxxa, jew eċċezzjonijiet mhux tal-użu ġġustifikati, għandu jkun limitat b’mod strett għal sitwazzjonijiet fejn huwa meħtieġ soliev tas-slots, u ma għandux iwassal għal vantaġġi kompetittivi inġusti għal dawk it-trasportaturi tal-ajru li għandhom slots storiċi. Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/2038 jistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom it-trasportaturi tal-ajru jkomplu jkunu intitolati għal serja ta’ slots skont ir-Regolament (KEE) Nru 95/93, u jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-trasportaturi tal-ajru kkonċernati biex jirrilaxxaw kapaċità mhux użata. Il-perjodu kkonċernat jibda mit-30 ta’ Ottubru 2022 sat-28 ta’ Ottubru 2023, f’konformità mal-previżjoni tal-irkupru tal-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru.
  • Jekk, matul l-istess perjodu, trasportatur tal-ajru jista’ juri li huwa opera s-serje ta’ slots allokati lilu għal mill-inqas 75 % tal-ħin matul il-perjodu ta’ skedar li għalih kien allokat, dan se jkun intitolat li juża l-istess serje ta’ slots fil-perjodu ta’ skedar ekwivalenti li jmiss.
  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2022/2038 jippermetti wkoll lill-Kummissjoni Ewropea, permezz ta’ atti delegati, tbaxxi r-rata tal-użu minima għal kwalunkwe perjodu ta’ skedar bejn it-30 ta’ Ottubru 2022 u t-28 ta’ Ottubru 2023 jekk it-traffiku tal-ajru fil-ġimgħa jaqa’ taħt it-80 % (meta mqabbla mal-figuri tal-2019) għal ġimagħtejn konsekuttivi minħabba l-COVID-19, sitwazzjoni epidemjoloġika oħra jew bħala konsegwenza diretta tal-invażoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Infurzar

  • Il-pjan tat-titjira ta’ trasportatur tal-ajru jista’ jiġi rrifjutat mill-awtoritajiet maniġerjali kompetenti tat-traffiku tal-ajru jekk it-trasportatur tal-ajru jkun beħsiebu jinżel jew itir f’ajruport ikkoordinat mingħajr ma jkollu slot allokat mill-koordinatur.
  • Jekk trasportatur tal-ajru jopera b’mod ripetut u intenzjonat servizzi tal-ajru fi żmien differenti b’mod sinifikanti mis-slots allokati jew b’mod sinifikament differenti, il-koordinatur jista’ jiddeċiedi li jirtira s-serje ta’ slots inkwistjoni mingħand dak it-trasportatur tal-ajru. Konsegwentement, dak it-trasportatur tal-ajru jista’ jitlef id-drittijiet soprapaternali tiegħu.
  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkunu disponibbli sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jiġu indirizzati dawn it-tipi ta’ sitwazzjonijiet.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-22 ta’ Frar 1993.

SFOND

Wara komunikazzjonijiet li ppubblikat fl-2007 u fl-2008 dwar l-applikazzjoni tar-regolament, il-Kummissjoni ħarġet proposta għar-riformulazzjoni tar-Regolament fl-2011. Il-proposta hija taħt skrutinju fil-proċedura leġiżlattiva bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Slots (il-Kummissjoni Ewropea).

TERMINI EWLENIN

Slots. Permess li jingħata minn koordinatur biex tintuża l-firxa sħiħa ta’ infrastruttura tal-ajruport meħtieġa biex jopera servizz tal-ajru f’ajruport ikkoordinat f’data u ħin speċifiċi biex jinżel jew itir.
Trasportatur tal-ajru. Kumpanija tat-trasport tal-ajru li għandha liċenzja operattiva valida jew ekwivalenti mhux aktar tard mill-31 ta’ Jannar għall-perjodu ta’ skedar tas-sajf li ġej, jew fil-31 ta’ Awwissu għall-perjodu ta’ skedar tax-xitwa li ġejja. Għall-iskop tal-Artikoli 4 (il-faċilitatur tal-iskedi u l-koordinatur), 8 (il-proċess tal-allokazzjoni fakultattiva), 8(a) (il-mobilità tas-slots), 10 (l-aggregazzjoni tas-slots) u 10(a) (l-allokazzjoni tas-slots b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19), id-definizzjoni ta’ trasportatur tal-ajru tinkludi wkoll operaturi tal-avjazzjoni kummerċjali, meta joperaw skont skeda. Għall-finijiet tal-Artikoli 7 (informazzjoni għal faċilitaturi u koordinaturi tal-iskedi) u 14 (infurzar), id-definizzjoni ta’ trasportatur tal-ajru tinkludi wkoll l-operaturi tal-inġenji tal-ajru ċivili kollha.
Ajruport koordinat. Ajruport b’livell għoli ta’ konġestjoni fejn id-domanda taqbeż il-kapaċità matul il-perjodu rilevanti u fejn, sabiex jinżel jew itir, ikun jeħtieġ li trasportatur tal-ajru jkollu slot allokat minn koordinatur.
Ajruport iffacilitat bl-iskedi. Ajruport iffaċilitat b’potenzjal ta’ konġestjoni f’xi perjodi u fejn ikun inħatar faċilitatur tal-iskedi biex jiffaċilita l-operazzjonijiet tat-trasportaturi tal-ajru li jkunu joperaw jew li jkun beħsiebhom joperaw f’dak l-ajruport.
Serje ta’ slots. Mill-inqas ħames slots mitluba u allokati għall-istess ħin fl-istess jum tal-ġimgħa f’perjodu ta’ skeda.

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU L 14, 22.1.1993, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KEE) Nru 95/93 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-applikazzzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità, kif emendat (COM (2008) 227 final, 30.4.2008)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) 793/2004 dwar regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (COM(2007) 704 final, 15.11.2007)

l-aħħar aġġornament 14.12.2022

Top