Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ir-ritorn ta’ immigranti illegali — standards u proċeduri komuni

Ir-ritorn ta’ immigranti illegali — standards u proċeduri komuni

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2008/115/KE – standards u proċeduri komuni għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija għandha l-għan li tiżgura li l-UE jkollha politika ta’ ritorn effettiva u umana bħala element neċessarju ta’ politika tal-migrazzjoni ġestita sew.

Hija tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli għar-ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE li ma jissodisfawx jew li ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għad-dħul, għas-soġġorn jew għar-residenza fit-territorju ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE, u s-salvagwardji proċedurali relatati, filwaqt li tinkoraġġixxi r-ritorn volontarju tal-immigranti illegali.

PUNTI EWLENIN

Terminazzjoni ta’ soġġorn illegali

Is-soġġorn illegali jiġi tterminat bi proċedura ta’ 2 stadji:

  • 1.

    l-ewwel “deċiżjoni ta’ ritorn” li tiftaħ “perjodu” ta’ ritorn volontarju;

  • 2.

    u mbagħad, jekk ikun meħtieġ “ordni ta’ tneħħija”, possibbilment b’detenzjoni, li tintemm “b’espulsjoni”.

Deċiżjoni ta’ ritorn

Sakemm ma jkunx hemm raġunijiet ta’ kompassjoni, umanitarji jew oħrajn biex ma jsirx dan, jew ikun hemm proċedura pendenti għat-tiġdid ta’ permess tar-residenza, pajjiż tal-UE jeħtieġlu joħroġ deċiżjoni ta’ ritorn liċ-ċittadin tal-UE li jkun qiegħed fit-territorju tiegħu illegalment.

Jekk ċittadin tal-UE jkollu permess ta’ residenza validu jew l-ekwivalenti minn pajjiż ieħor tal-UE, hu jeħtieġlu jirritorna minnufih lejn dak il-pajjiż.

Jekk pajjiż tal-UE jieħu lura ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment skont ftehim bilaterali, dak il-pajjiż ikun responsabbli għall-ħruġ tad-deċiżjoni ta’ ritorn.

Id-deċiżjoni ta’ ritorn tista’ tippermetti perjodu ta’ tluq volontarju ta’ bejn 7 u 30 jum għaċ-ċittadin li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment. F’ċerti ċirkostanzi, dan il-perjodu jista’ jiġi estiż; jista’ jiġi wkoll imqassar u saħansitra ma jingħatax, jiġifieri meta jkun hemm riskju li ċ-ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment:

  • se jaħrab u għalhekk ma jkunx disponibbli għar-ritorn;
  • issottometta applikazzjoni frodulenti; jew
  • ikun ta’ riskju għas-sigurtà pubblika/nazzjonali.

Matul il-perjodu ta’ tluq volontarju, jistgħu jiġu imposti ċerti obbligi fuq iċ-ċittadin mhux tal-UE sabiex jiġi impedit milli dan jaħrab.

Meta ma jingħata l-ebda perjodu ta’ tluq volontarju jew meta ċ-ċittadin mhux tal-UE li jkun qiegħed fil-pajjiż illegalment ma jikkonformax mad-deċiżjoni ta’ ritorn, tista’ tingħata projbizzjoni fuq id-dħul flimkien ma’ deċiżjoni ta’ ritorn. Id-durata tal-projbizzjoni fuq id-dħul tiġi stabbilita fuq bażi ta’ każ każ u jaf ma tkunx itwal minn 5 snin, sakemm iċ-ċittadin mhux tal-UE ma jkunx ta’ periklu għas-sigurtà pubblika/nazzjonali.

Tneħħija

Jekk ma jingħata ebda perjodu, jew jekk iċ-ċittadin mhux tal-UE ma jkunx ikkonforma mad-deċiżjoni ta’ ritorn fil-perjodu mogħti għar-ritorn volontarju, il-pajjiż tal-UE jeħtieġlu jimponi t-tneħħija tiegħu, ħlief f’ċirkostanzi partikolari fejn it-tneħħija tista’ tiġi posposta. It-tneħħija ta’ ċittadini mhux tal-UE jeħtiġilha tiġi posposta jekk tirriskja li tqiegħed fil-periklu l-ħajjiet tagħhom (il-prinċipju ta’ non-refoulement*) jew jekk id-deċiżjoni ta’ ritorn tkun ġiet sospiża b’mod temporanju.

Miżuri ta’ koerċizzjoni li huma proporzjonati u li ma jeċċedux il-forza raġjonevoli jistgħu jintużaw biss bħala soluzzjoni finali għat-tneħħija ta’ ċittadini mhux tal-UE.

Detenzjoni għall-finijiet ta’ tneħħijiet

Skont ċerti kundizzjonijiet – u b’kunsiderazzjoni dovuta għal ċerti salvagwardji inkluż stħarriġ ġudizzjarju – il-pajjiżi tal-UE jistgħu iżommu ċittadin mhux tal-UE matul il-proċedura ta’ ritorn jekk ikun hemm riskju li dan se jaħrab jew jevita/ifixkel il-preparazzjoni tar-ritorn jew tal-proċess ta’ tneħħija.

Il-perjodu ta’ detenzjoni ma jistax ikun itwal minn 6 xhur.

Għandhom jintużaw faċilitajiet speċjalizzati ta’ detenzjoni, u jekk dan ma jkunx fattibbli, tintuża akkomodazzjoni tal-ħabs bi kwartieri separati.

Salvagwardji proċedurali

Id-Direttiva tistabbilixxi numru ta’ salvagwardji proċedurali:

  • informazzjoni għaċ-ċittadin mhux tal-UE;
  • id-dritt ta’ appell tagħhom;
  • assistenza u rappreżentanza legali;
  • assistenza lingwistika, jekk din tkun meħtieġa.

Il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom ukoll jirrispettaw id-dritt tal-unità tal-familja u jipprovdu kura medika ta’ emerġenza, edukazzjoni bażika lill-minuri u joqogħdu attenti għall-bżonnijiet speċjali tal-persuni vulnerabbli waqt ir-ritorn volontarju jew it-tneħħija tagħhom.

Minorenni mhux akkumpanjati

Qabel jiddeċiedu li joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ minuri mhux akkumpanjat, trid tingħata assistenza minn korpi xierqa fl-aħjar interessi tal-wild. Qabel ma pajjiż tal-UE jneħħi minuri mhux akkumpanjat mit-territorju tiegħu, dan jeħtieġlu jiżgura li dan se jiġi rritornat lil membru tal-familja tiegħu, tutur magħżul jew li faċilitajiet ta’ akkoljenza xierqa fil-pajjiż tar-ritorn ikunu disponibbli.

Id-Direttiva tfittex li tillimita d-detenzjoni ta’ minuri mhux akkumpanjati u familji u tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ detenzjoni xierqa.

Regoli ġenerali

Xi kategoriji ta’ ċittadini mhux tal-UE jistgħu jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, bħal dawk li jiġu arrestati b’rabta ma’ qsim illegali tal-fruntieri. Il-pajjiżi tal-UE, madankollu jridu jiżguraw li t-trattament u l-livell ta’ protezzjoni ta’ dawk il-persuni tal-anqas jikkorrispondi ma’ wħud mir-regoli tagħha dwar il-miżuri ta’ koerċizzjoni, tneħħija, kura tas-saħħa u detenzjoni. Fil-każijiet kollha, il-pajjiżi tal-UE jeħtiġilhom

  • jiżguraw li kull ritorn ta’ ċittadini mhux tal-UE ma jpoġġihomx f’periklu;
  • iqisu l-aħjar interessi tal-minuri, tal-ħajja tal-familja u tas-saħħa tal-persuna kkonċernata.

Għal-liema pajjiżi tapplika d-Direttiva?

Id-Direttiva tapplika għall-pajjiżi kollha tal-UE minbarra l-Irlanda u r-Renju Unit u l-pajjiżi taż-Żona Schengen mhux tal-UE li ġejjin: l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera.

Atti ta’ implimentazzjoni u oħrajn relatati

Il-Kummissjoni Ewropea jeħtiġilha tirrapporta kull 3 snin dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fil-pajjiżi tal-UE, u jekk xieraq, tipproponi emendi.

Ir-Regolament (UE) 2016/1953 jistabbilixxi dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn). Dan id-dokument huwa validu għal vjaġġ wieħed biss sal-ħin tal-wasla fil-pajjiż tar-ritorn taċ-ċittadin mhux tal-UE soġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn maħruġa minn pajjiż tal-UE.

Fl-2017, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2017/432 għall-pajjiżi tal-UE dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva, kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni (C(2017) 6505) li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn Hija pproponiet ukoll miżuri ġodda dwar il-politika ta’ ritorn fil-forma ta’ Pjan ta’ Azzjoni Mġedded dwar ir-Ritorn u sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-pajjiżi tal-UE.

META TIBDA TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Din ilha fis-seħħ mit-13 ta’ Jannar 2009. Kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-24 ta’ Diċembru 2010, ħlief għar-regoli dwar l-assistenza u/jew ir-rappreżentazzjoni legali mingħajr ħlas li għaliha l-iskadenza kienet l-24 ta’ Diċembru 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Refoulement: l-att li jimponi lil refuġjati jew lil persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil jirritornaw lejn pajjiż fejn aktarx se jiffaċċjaw persekuzzjoni

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, pp. 98–107)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2338 tas-16 Novembru 2017 li tistabbilixxi “Manwal dwar ir-Ritorn” li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu l-kompiti relatati mar-ritorn (ĠU L 339, 19.12.2017, pp. 83-159)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/432 tas-7 ta’ Marzu 2017 dwar ir-ritorni aktar effettivi fl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 66, 11.3.2017, pp. 15-21)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar politika aktar effettiva ta’ ritorn fl-Unjoni Ewropea — pjan ta’ azzjoni mġedded (COM(2017) 200 final, 2.3.2017)

Ir-Regolament (UE) 2016/1953 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-istabbiliment ta’ dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, u li jħassar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 1994 (ĠU L 311, 17.11.2016, pp. 13-19)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika tar-Ritorn tal-UE (COM(2014) 199 final, 28.3.2014)

l-aħħar aġġornament 20.02.2018

Top