EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Suq intern fl-elettriku

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Suq intern fil-qasam tal-elettriku (mill-2021)' for an updated information about the subject.

Suq intern fl-elettriku

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Id-Direttiva 2009/72/KE – regoli għas-suq tal-elettriku tal-UE

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Hi tfittex li tintroduċi regoli komuni għall-ġenerazzjoni, it-trażmissjoni, id-distribuzzjoni u l-provvista tal-elettriku.
  • Tistabbilixxi wkoll obbligi universali ta’ servizz u drittijiet tal-konsumatur, u tikkjarifika r-rekwiżiti tal-kompetizzjoni.

PUNTI EWLENIN

Regoli għall-organizzazzjoni tas-settur

Ir-regoli għall-organizzazzjoni tas-settur huma mmirati gżall-iżvilupp ta’ suq kompetittiv, sikur u ambjentalment sostenibbli fl-elettriku.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jimponu fuq impriżi li jaħdmu fis-settur tal-elettriku obbligi ta’ servizz pubbliku li jkopru kwistjonijiet ta’ sikurezza u ta' sigurtà tal-provvista, regolarità u kwalità tas-servizz, prezz, protezzjoni ambjentali u effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-klijenti kollha għandhom id-dritt li jagħżlu l-fornitur tal-elettriku tagħhom u li jbiddlu l-fornitur faċilment, bl-assistenza tal-operatur, fi żmien 3 ġimgħat. Għandhom jiżguraw ukoll li l-klijenti jirċievu d-dejta relevanti dwar il-konsum.

Il-fornituri tal-elettriku huma obbligati li jinfurmaw lill-klijenti finali dwar:

  • il-kontribuzzjoni ta’ kull sors ta’ enerġija;
  • l-impatt ambjentali kkawżat;
  • id-drittijiet tagħhom fil-każ ta’ disputa.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jistabbilixxu mekkaniżmu indipendenti (ombudsman tal-enerġija jew korp tal-konsumatur) biex l-ilmenti jew id-disputi jiġu ġestiti b'mod effiċjenti.

Il-pajjiżi tal-UE huma obbligati wkoll li jiżguraw il-monitoraġġ tas-sigurtà tal-provvista. Għandhom jiddefinixxu kriterji ta’ sikurezza teknika biex jiżguraw l-integrazzjoni tas-swieq nazzjonali tagħhom f’livell reġjonali wieħed jew iktar. Barra minn hekk, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jikkoperaw mal-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija biex jiggarantixxu l-kompatibilità tal-oqfsa regolatorji bejn ir-reġjuni.

Ġenerazzjoni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiddefinixxu kriterji għall-bini tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni fit-territorju tagħhom waqt li jqisu aspetti bħal:

  • is-sigurtà u s-sigurtà tan-netwerks tal-elettriku;
  • il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà pubblika;
  • il-kontribuzzjoni magħmula lejn l-objettivi tal-Kummissjoni “20-20-20

Operazzjoni tas-sistema ta’ trażmissjoni

Mit-3 ta’ Marzu 2012, il-pajjiżi tal-UE kellhom jifirdu s-sistemi ta’ trażmissjoni u l-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni.

Impriża għandha l-ewwel tiġi ċċertifikata qabel ma tinħatar uffiċjalment bħala operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni. Għandha tiġi ppubblikata lista ta’ operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni mill-pajjiżi tal-UE f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-operaturi tas-sistemi ta’ trażmissjoni huma prinċipalment responsabbli biex:

  • jiżguraw l-abilità fit-tul tas-sistema biex tissodisfa d-domandi għall-elettriku;
  • jiżguraw il-mezzi adegwati biex jiġu ssodisfati l-obbligi tas-servizz;
  • jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-provvista;
  • jimmaniġġjaw il-flussi tal-elettriku fuq is-sistema;
  • jipprovdu lill-operatur ta’ kwalunkwe sistema oħra b'informazzjoni relatata mal-operazzjoni, l-iżvilupp u l-interoperabbiltà tas-sistema interkonnessa;
  • jiżguraw in-non-diskriminazzjoni bejn utenti tas-sistema;
  • jipprovdu lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni li għandhom bżonn biex jaċċessaw is-sistema;
  • jiġbru kirjiet u pagamenti tal-konġestjoni skont il-mekkaniżmu tal-kumpens tal-operatur tas-sistema ta’ inter-trażmissjoni.

Tħaddim tan-netwerk tad-distribuzzjoni

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni jew jirrikjedu impriżi li jippossjedu jew li huma responsabbli għas-sistemi tad-distribuzzjoni biex jagħmlu dan.

L-operaturi tas-sistema ta’ distribuzzjoni huma prinċipalment responsabbli biex:

  • jiżguraw kapaċità fit-tul tas-sistema f’termini tad-distribuzzjoni tal-elettriku, operazzjoni, manutenzjoni, żvilupp u protezzjoni ambjentali;
  • jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-utenti tas-sistema;
  • jipprovdu lill-utenti tas-sistema bl-informazzjoni;
  • ikopru t-telfiet tal-enerġija u jżommu l-kapaċità tal-elettriku ta' riżerva.

Pajjiżi tal-UE għandhom l-għażla li jistabbilixxu sistema ta’ distribuzzjoni magħluqa biex jiddistribwixxu l-elettriku fi ħdan sit industrijali, sit kummerċjali jew sit ta’ servizzi kondiviżi konfinat ġeografikament.

Separazzjoni u trasparenza tal-kontijiet

Il-pajjiżi tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom id-dritt għall-aċċess għall-kontijiet tal-impriżi tal-elettriku iżda għandhom jippreżervaw il-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni.

Impriżi tal-elettriku għandhom iżommu kontijiet separati għall-attivitajiet tagħhom ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni.

Organizzazzjoni ta’ aċċess għas-sistema

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jorganizzaw sistema ta’ aċċess terza parti għas-sistemi ta’ trażmissjoni u distribuzzjoni. It-tariffi bbażati fuq dik is-sistema sejrin jiġu ppubblikati.

Pajjiżi tal-UE għandhom ukoll jistabbilixxu kriterji għall-għoti ta’ awtorizzazzjonijiet biex jibnu linji diretti fit-territorju tagħhom, fuq bażi objettiva u non-diskriminatorja.

Awtoritajiet regolatorji nazzjonali

Pajjiżi tal-UE għandhom jaħtru awtorità regolatorja fuq livell nazzjonali. Għandha tkun indipendenti u għandha teżerċità s-setgħat tagħha b'mod imparzjali. Hija prinċipalment responsabbli biex:

  • tistabbilixxi t-tariffi ta’ trażmissjoni jew distribuzzjoni;
  • tikkopera fir-rigward ta' kwistjonijiet transkonfinali;
  • timmonitorja pjanijiet ta’ investiment tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni;
  • tiżgura aċċess għad-dejta dwar il-konsum tal-klijent.

Swieq tal-konsumaturi

Arranġamenti kuntrattwali, impenn għall-klijenti, skambju ta’ dejta u regoli ta’ saldu, sjieda ta’ dejta u responsabbiltà għall-kejl għandhom jiġu definiti.

Klijenti mhux domestiċi jistgħu jagħmlu kuntratt fl-istess ħin ma’ diversi fornituri.

Miżuri derogatorji

Pajjiż tal-UE jista’ jieħu l-miżuri neċessarji ta’ salvagwardja fil-każ ta’ kriżi f’daqqa fis-suq jew fejn is-sigurtà tal-persuni tkun mhedda. Jistgħu jinkisbu wkoll derogi fil-każ ta’ problemi operattivi f’sistemi iżolati.

Id-Direttiva 2009/72/KE rrevokat id-Direttiva 2003/54/KE b’effett mit-3 ta’ Marzu 2011.

Kejl intelliġenti – il-progress sal-lum

Fl-2012, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Rakkomandazzjoni 2012/148/UE. Din stabbilixxiet rakkomandazzjonijiet dettaljati rigward:

  • protezzjoni tad-dejta u s-sigurtà,
  • il-metodoloġija għall-valutazzjoni ekonomika tal-ispejjeż u l-benefiċċji fit-tul għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti, kif ukoll
  • rekwiżiti funzjonali minimi komuni għal sistemi ta’ kejl intelliġenti għall-elettriku.

B’mod konformi mad-Direttiva 2009/72/KE, pajjiżi tal-UE rrappurtaw lill-Kummissjoni fl-2012 dwar ir-riżultati tal-analiżijiet ta’ kost-benefiċċju rigward l-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ kejl intelliġenti. Ir-riżultati ta’ dan l-eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva ġew ippubblikati f’rapport tal-Kummissjoni fl-2014.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Tapplika mit-3 ta’ Settembru 2009. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha f'liġi nazzjonali sat-3 ta’ Marzu 2011.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara l-leġiżlazzjoni tas-Suq fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea

ATT

Id-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU L 211, 14.8.2009, pp. 55–93)

ATTI RELATATI

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2012/148/UE tad-9 ta’ Marzu 2012 dwar it-tħejjijiet għall-introduzzjoni ta’ sistemi ta’ metraġġ intelliġenti (ĠU L 73 13.3.2012, pp. 9-22)

Rapport mill-Kummissjoni: Valutazzjoni komparattiva tal-utilizzazzjoni tal-metraġġ intelliġenti fl-UE-27 b’fokus fuq l-elettriku (COM(2014) 356 finali tas-17.6.2014)

l-aħħar aġġornament 08.05.2016

Top