EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ekonomija ċirkulari

Ekonomija ċirkulari

Ekonomija ċirkulari hija sistema li żżomm il-valur tal-prodotti, tal-materjali u tar-riżorsi fl-ekonomija għall-iktar żmien twil possibbli u tnaqqas kemm jista’ jkun il-ġenerazzjoni tal-iskart. Dan ifisser sistema fejn il-prodotti jerġgħu jintużaw, jissewwew, jerġgħu jiġu mmanifatturati jew irriċiklati.

Azzjonijiet fuq l-ekonomija ċirkulari jikkontribwixxu wkoll għal prijoritajiet oħra prinċipali tal-UE, inkluż irkupru ekoloġiku, mitigazzjoni tal-klima u iffrankar tal-enerġija, protezzjoni tal-biodiversità u sforzi globali dwar l-iżvilupp sostenibbli.

Fl-2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat pjan ta’ azzjoni ambizzjuż dwar l-ekonomija ċirkulari. Hija ħabbret 54 miżura matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti biex tħaffef it-tranżizzjoni tal-UE lejn l-ekonomija ċirkulari. Dawn il-miżuri kollha ġew adottati.

Fost miżuri oħra, leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-iskart daħlet fis-seħħ fl-2018. Din stabbiliet miri ċari għar-riċiklaġġ u pjan fit-tul għall-immaniġġjar modern tal-iskart. Din kienet tinkludi:

  • miri għar-riċiklaġġ ta’ skart muniċipali u mill-imballaġġ;
  • miri vinkolanti biex tnaqqas il-miżbliet sa limitu massimu;
  • miżuri biex jitnaqqas l-iskart mill-ikel u dak marittimu.

Fl-2018 kien hemm ukoll iktar inizzjattivi bħal dik tal-istrateġija tal-UE dwar il-plastiks, rapport dwar materja prima kritika fl-ekonomija ċirkulari, regoli dwar il-plastiks li jintużaw darba biss u leġislazzjoni proposta dwar ir-rekwiżiti minimi biex jerġa’ jintuża l-ilma (adottata fl-2020).

F’Marzu 2020, bħala parti ewlenija tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tal-2019 biex issaħħaħ l-użu effiċjenti tar-riżorsi billi timxi lejn ekonomija ċirkulari nadifa, tirrestawra l-biodiversità u taqta’ t-tniġġiż, il-Kummissjoni adottat pjan ta’ azzjoni ġdid dwar l-ekonomija ċirkulari għall-UE. Dan jinkludi miżuri sabiex:

  • il-prodotti sostenibbli jsiru n-norma fl-UE;
  • tagħti iktar saħħa lill-konsumaturi u lix-xerrejja pubbliċi;
  • tiffoka fuq is-setturi li jużaw l-iktar riżorsi u fejn il-potenzjal taċ-ċirkulazzjoni jkun għoli, bħal pereżempju:
    • elettroniċi u ICT,
    • batteriji u vetturi,
    • imballaġġ, plastiks u tessuti,
    • kostruzzjoni u bini,
    • ikel, ilma u nutrijenti;
  • tassigura inqas skart;
  • tagħmel l-ekonomija ċirkulari taħdem għan-nies, għar-reġjuni u għall-ibliet;
  • tmexxi ħiliet globali dwar l-ekonomija ċirkulari.

ARA WKOLL

Top