Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-industrija tal-estrazzjoni tal-minerali

Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema fl-industrija tal-estrazzjoni tal-minerali

 

SOMMARJU TA’:

id-Direttiva 92/91/KEE — il-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà ta’ dawk li jaħdmu — kemm fuq l-art kif ukoll offshore — fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir*.

PUNTI EWLENIN

Il-postijiet kollha tax-xogħol użati għall-esplorazzjoni u l-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir iridu jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi tas-saħħa u s-sigurtà mniżżlin fid-Direttiva u l-anness tagħha, billi jikkunsidraw il-karatteristiċi tal-post tax-xogħol, l-attività, iċ-ċirkustanzi jew riskju speċifiku.

Obbligi ġenerali ta’ min iħaddem

Min iħaddem huwa meħtieġ:

  • japplika kunsiderazzjonijiet tas-sigurtà għall-postijiet tax-xogħol sa mill-istadju tad-disinn;
  • jiżgura li hemm superviżur responsabbli;
  • jafda x-xogħol li jinvolvi riskju speċjali lil persunal kwalifikat kif xieraq biss;
  • jiżgura li l-istruzzjonijiet tas-sigurtà jistgħu jiġu mifhuma mill-ħaddiema kollha kkonċernati;
  • jipprovdi faċilitajiet tal-ewwel għajnuna u jwettaq eżerċizzji tas-sigurtà f’intervalli regolari.

Dokument dwar is-saħħa u s-sigurtà

Qabel ma jibda x-xogħol tal-estrazzjoni tal-minerali, min iħaddem irid jiżgura li jkun tħejja dokument dwar is-saħħa u s-sigurtà u li dan ikun aġġornat (skont l-Artikoli 6, 9 u 10 tad-Direttiva 89/391/KEE dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol). Dan id-dokument għandu juri, b’mod partikolari, li:

  • ir-riskji li jkunu għaddew minnhom il-ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol ikunu ġew determinati u assessjati;
  • ikunu ttieħdu miżuri xierqa; u
  • il-lant tax-xogħol huwa ddisinjat, użat u miżmum f’konformità r-rekwiżiti tas-sigurtà.

Meta ħaddiema minn diversi impriżi jkunu preżenti fl-istess post tax-xogħol, l-impjegatur responsabbli għal dak il-post tax-xogħol, skont il-liġijiet u/jew il-prattiki nazzjonali, irid jikkoordina l-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà li japplikaw għal dawk il-ħaddiema u jpoġġihom f’dokument.

Din il-koordinazzjoni ma taffettwax ir-responsabbiltà tal-impjegaturi individwali.

Rappurtar ta’ aċċidenti u inċidenti perikolużi

Min iħaddem irid jirrapporta aċċidenti fuq il-post tax-xogħol fatali u serji u inċidenti perikolużi lill-awtoritajiet kompetenti mingħajr dewmien.

Miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ komunikazzjoni

Sabiex jipproteġu lill-ħaddiema mill- periklu (inkluż nirien, splużjonijiet u atmosferi perikolużi għas-saħħa), min iħaddem irid:

  • jieħu miżuri preventivi xierqa biex
    • jevita, jiskopri u jiġġieled kontra l-bidu u t-tixrid ta’ nirien u splużjonijiet
    • jipprevjeni l-okkorrenza ta’ splużjonijiet u/jew sitwazzjonijiet ta’ periklu għas-saħħa;
  • jwettaq eżerċizzji tas-sigurtà regolari;
  • jipprovdi u jżomm mezzi xierqa ta’ ħruġ u salvataġġ biex jiżgura li l-ħaddiema jistgħu jħallu l-postijiet tax-xogħol minnufih u b’mod sikur fil-każ ta’ periklu;
  • jipprovdi sistemi ta’ twissija u ta’ komunikazzjoni oħrajn neċessarji biex jippermetti li operazzjonijiet ta’ għajnuna, ħruġ u salvataġġ jiġu mnedija minnufih jekk ikunu meħtieġa;
  • jinforma lill-ħaddiema, b’mod li jinftiehem, dwar il-miżuri kollha meħuda li jikkonċernaw is-saħħa u s-sigurtà tagħhom.

Tibdil fil-postijiet tax-xogħol

Meta l-postijiet tax-xogħol isirilhom xi tibdil, jiġu estiżi u/jew konvertiti wara d-data li fiha din id-Direttiva tidħol fis-seħħ,min iħaddem għandu jiżgura li dawk it-tibdiliet, estensjonijiet jew konverżjonijiet jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fl-Anness għad-Direttiva.

Sorveljanza tas-saħħa tal-ħaddiema

Kull ħaddiem irid jgħaddi minn sorveljanza tas-saħħa qabel ma jkun assenjat id-doveri relatati mal-attivitajiet imsemmija fid-Direttiva u f’intervalli regolari wara dan.

Konsultazzjoni u parteċipazzjoni tal-ħaddiema

Min iħaddem irid jiżgura l-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema fil-kwistjonijiet koperti mid-Direttiva.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-11 ta’ Novembru 1992 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-3 ta’ Novembru 1994.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir: industriji li jipprattikaw:
  • l-estrazzjoni, fis-sens strett tal-kelma, ta’ minerali permezz ta’ tħaffir ta’ toqob fil-fond bħala spieri (toqob imħaffrin fl-art għall-prospettar għaż-żejt u minerali oħra); u/jew
  • il-prospettar bil-għan ta’ estrazzjoni bħal din; u/jew
  • il-preparazzjoni għall-bejgħ tal-minerali estratti, esklużi l-attivitajiet tal-ipproċessar tal-materjali estratti.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 92/91/KEE tat-3 ta’ Novembru 1992 li tikkonċerna l-ħtiġiet minimi għat-titjib tal-ħarsien tas-sigurtà u tas-saħħa tal-ħaddiema fl-industriji tal-estrazzjoni tal-minerali permezz tat-tħaffir (il-ħdax-il Direttiva individwali skont it-tifsira tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU L 348, 28.11.1992, pp. 9-24)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/91/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENT RELATAT

Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, pp. 1-8)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.01.2019

Top