EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sigurtà soċjali — trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa

Sigurtà soċjali — trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 79/7/KEE — l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

Din għandha l-għan li tiżgura l-ħarsien tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali.

PUNTI EWLENIN

Din id-direttiva tapplika għal:

  • skemi statutorji tas-sigurtà soċjali li jipprovdu protezzjoni kontra l-mard, l-invalidità, l-inċidenti fuq il-post tax-xogħol u l-mard okkupazzjonali, il-qgħad u r-riskji relatati mal-anzjanità;
  • assistenza soċjali li tissupplimenta jew tissostitwixxi l-iskemi bażiċi.

Din ma tapplikax għall-benefiċċji tas-superstiti u għall-iskemi ta’ benefiċċji għall-familja.

Il-prinċipju tat-trattament ugwali

Dan il-prinċipju jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kemm jekk b’mod dirett* kif ukoll b’mod indirett*, fir-rigward:

  • il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskemi u l-kundizzjonijiet tal-aċċess għalihom;
  • l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet;
  • il-kalkolu tal-benefiċċji u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.

Jistgħu jiġu adottati regoli speċifiċi sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tan-nisa tqal.

Irtirar u pensjonijiet

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttiva:

  • l-iffissar ta’ età tal-pensjoni;
  • il-vantaġġi mogħtija lil dawk il-persuni rtirati li rabbew it-tfal, speċifikament fir-rigward tal-perjodi ta’ waqfien mix-xogħol;
  • l-għoti tal-intitolament tal-benefiċċju tal-anzjanità jew tal-invalidità marbut mal-intitolamenti derivati ta’ konjuġi;
  • benefiċċji fit-tul mogħtija lil konjuġi marbuta mal-invalidità, l-anzjanità, inċidenti fuq il-post tax-xogħol jew mard okkupazzjonali tal-konjuġi tagħhom;
  • dritt ta’ għażla qabel l-adozzjoni tad-Direttiva, speċifikament l-għażla biex ma jinkisbux id-drittijiet jew ma jiġġarrbux obbligazzjonijiet taħt skema statutorja tas-sigurtà soċjali.

Il-pajjiżi tal-UE jeżaminaw perjodikament il-ħtieġa li jiġu esklużi dawn il-kategoriji fid-dawl tal-iżviluppi soċjali.

ID-DIRETTIVA META DAĦLET FIS-SEĦĦ?

Din kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sal-1984.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Diskriminazzjoni diretta: diskriminazzjoni kkawżata meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minn kif tiġi, tkun ġiet jew tkun trattata persuna oħra f’sitwazzjoni komparabbli.
Diskriminazzjoni indiretta: diskriminazzjoni kkawżata meta regola, kriterju jew prattika apparentement newtrali jpoġġu lill-persuni ta’ sess wieħed fi żvantaġġ partikolari, meta mqabbla ma’ persuni oħrajn, sakemm tali regola, kriterju jew prattika ma jkunux oġġettivament iġġustifikati minn għan leġittimu u l-mezzi sabiex jintlaħaq dak l-għan ikunu xierqa u neċessarji.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjal (ĠU L 6, 10.1.1979, pp. 24–25)

l-aħħar aġġornament 26.06.2018

Top