EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Id-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Id-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea

Biex jeżerċitaw il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea (UE), l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw ħames tipi ta’ atti legali. Deċiżjoni hija att legali li jorboti li tista’ jew ikollha applikazzjoni ġenerali jew destinatarju speċifiku.

SOMMARJU

Biex jeżerċitaw il-kompetenza tal-Unjoni Ewropea (UE), l-istituzzjonijiet tal-UE jistgħu jadottaw ħames tipi ta’ atti legali. Deċiżjoni hija att legali li jorboti li tista’ jew ikollha applikazzjoni ġenerali jew destinatarju speċifiku.

Deċiżjoni tifforma parti mil-liġi sekondarja tal-UE. Din tiġi adottata mill-istituzzjonijiet tal-UE b’konformità mat-trattati kostituttivi.

Att li jorbot fl-intier tiegħu

Skont l-Artikolu 288 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), deċiżjoni torbot fl-intier tagħha. Bħal regolament, ma tistax tiġi applikata b’mod mhux komplut, selettiv jew parzjalment.

Deċiżjoni tista’ tkun att leġiżlattiv jew mhux leġiżlattiv.

Id-deċiżjonijiet huma atti leġiżlattivi meta jiġu adottati b’mod konġunt

F’każijiet oħrajn, id-deċiżjonijiet huma atti mhux leġiżlattivi. Dawn jistgħu jiġu adottati, pereżempju, mill-Kunsill Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni.

Deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi jistgħu jkunu wkoll fl-għamla ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni.

Deċiżjoni b’destinatarju speċifiku

Deċiżjoni jista’ jkollha destinatarju wieħed jew iktar (pajjiż tal-UE wieħed jew diversi pajjiżi, kumpannija waħda jew individwu wieħed jew diversi). Pereżempju, meta d-deċiżjoni tal-Kummissjoni imponiet multa fuq il-ġgant tas-softwer Microsoft għal abbuż mill-pożizzjoni dominanti tiegħu fis-suq, l-unika kumpanija kkonċernata direttament kienet il-Microsoft.

Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata trid tiġi nnotifikata lill-parti kkonċernata, u jkollha effett malli ssir din in-notifika. Din in-notifika tista’ tikkonsisti f’ittra rreġistrata bl-avviż tal-wasla. Deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata tista’ tiġi ppubblikata wkoll f’Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-pubblikazzjoni ma twarrabx il-ħtieġa għal notifika, li hija l-uniku mod sabiex ikun żgurat li att jista’ jiġi infurzat kontra d-destinatarju.

Id-deċiżjonijiet indirizzati lil individwu jew kumpannija waħda jew lil diversi għandhom effett dirett (jiġifieri jistgħu joħolqu drittijiet u obbligi għad-destinatarji direttament, li jistgħu jinvokawhom u joqogħdu fuqhom quddiem il-qrati).

Madankollu, id-deċiżjonijiet indirizzati lil pajjiż tal-UE jew lil pajjiżi tal-UE speċifiċi bħala destinatarju/destinatarji jista’ jkollhom effett dirett. Il-kwistjoni jekk tali deċiżjonijiet għandhomx effett dirett tiddependi fuq in-natura, l-isfond u l-kliem tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tirrikonoxxi biss effett dirett “vertikali” tad-deċiżjonijiet indirizzati lil pajjiż tal-UE wieħed jew lil diversi pajjiżi. Dan ifisser li l-individwi jistgħu joqogħdu fuq deċiżjoni biss kontra l-pajjiż tal-UE li tkun indirizzata lilu (u mhux kontra individwu ieħor).

Deċiżjonijiet mingħajr destinatarju

Sa mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, deċiżjoni ma għadhiex neċessarjament tispeċifika lil min hija indirizzata. L-Artikolu 288 tat-TFUE b’mod partikolari jiċċara li deċiżjoni tista’ tispeċifika lil min hija indirizzata, filwaqt li l-predeċessur tiegħu (l-Artikolu 249 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea) irrefera biss għal deċiżjoni li tispeċifika lil min hija indirizzata.

Id-deċiżjonijiet mingħajr destinatarji speċifiċi jistgħu jiġu adottati minn proċeduri leġiżlattivi.

Id-deċiżjonijiet li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati u li mhumiex adottati minn proċeduri leġiżlattivi huma atti mhux leġiżlattivi Tali deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi b’mod partikolari saru l-att legali bażiku fil-qasam tal-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni (PESK). Skont l-Artikolu 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-UE għandha tmexxi l-PESK billi:

  • tiddefinixxi l-linji gwida ġenerali;
  • tiddefinixxi l-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-UE;
  • tiddefinixxi l-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-UE;
  • tiddefinixxi l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-azzjonijiet u l-pożizzjonijiet t’hawn fuq.

Għal dawn il-finijiet u fuq il-bażi tat-TUE, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jadottaw deċiżjonijiet mhux leġiżlattivi (Artikolu 31(1) tat-TUE).

Id-deċiżjonijiet li ma jispeċifikawx lil min huma indirizzati, irrispettivament minn jekk humiex atti leġiżlattivi jew mhux leġiżlattivi, iridu jkunu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Dawn jidħlu fis-seħħ fid-data speċifikata fihom, jew fin-nuqqas tagħha, fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħhom.

Għal aktar informazzjoni, ara Liġi tal-UE fuq il-websajt tal-Unjoni Ewropea.

l-aħħar aġġornament 16.09.2015

Top