EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-enerġija rinnovabbli

L-enerġija rinnovabbli

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Tirriformula u tirrevoka l-leġiżlazzjoni preċedenti (id-Direttiva 2009/28/KE, id-Direttiva (UE) 2015/1513 u d-Direttiva tal-Kunsill 2013/18/UE).
  • Tistabbilixxi sistema komuni għall-promozzjoni tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli* fis-setturi differenti. B’mod partikolari, għandha l-għan li:
    • tistabbilixxi mira vinkolanti għall-UE għas-sehem tagħha fit-taħlita enerġetika fl-2030;
    • tirregola l-awtokonsum għall-ewwel darba; u
    • tistabbilixxi sett komuni ta’ regoli għall-użu ta’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ, u fit-trasport fl-UE.
  • L-użu akbar ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli sejjer ikun kruċjali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, biex nipproteġu l-ambjent tagħna u titnaqqas id-dipendenza enerġetika tagħna, kif ukoll biex jikkontribwixxi għat-tmexxija teknoloġika u industrijali tal-UE u l-ħolqien ta’ impjiegi u tkabbir, inkluż f’żoni rurali u iżolati.

PUNTI EWLENIN

Il-promozzjoni ta’ forom ta’ enerġija rinnovabbli hija waħda mill-għanijiet tal-politika enerġetika tal-UE. L-użu akbar ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli huwa parti importanti mill-pakkett ta’ miżuri meħtieġa biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra u għall-konformità mal-Ftehim ta’ Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima u l-qafas politiku tal-UE għall-klima u għall-enerġija (2020 sal-2030).

Din id-direttiva riformulata, flimkien mad-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u Regolament ġdid dwar il-Governanza, hija parti mill-pakkett dwar l-Enerġija Nadifa għall-Ewropej Kollha, li l-għan tagħha huwa li tipprovdi regoli ġodda u komprensivi dwar ir-regolamentazzjoni tal-enerġija għall-għaxar snin li ġejjin.

Id-direttiva:

  • tiżgura li l-mira vinkolanti tal-UE tintlaħaq b’mod kosteffiċjenti;
  • tistabbilixxi approċċ Ewropew stabbli u orjentat lejn is-suq għall-elettriku rinnovabbli;
  • tipprovdi ċertezza fit-tul għall-investituri u tħaffef il-proċeduri għall-permessi għall-bini ta’ proġetti;
  • tippermetti lill-konsumaturi jieħdu sehem fit-tranżizzjoni enerġetika bid-dritt li jipproduċu l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess;
  • jiżdied l-użu tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ u dak tat-trasport;
  • jissaħħu l-kriterji ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijoenerġija.

Id-Direttiva tinkludi:

  • mira globali vinkolanti għall-UE għall-2030 ta’ mill-inqas 32% tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli;
  • regoli għal appoġġ finanzjarju kosteffikaċi u bbażat fuq is-suq għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli;
  • protezzjoni għal skemi ta’ sostenn minn modifiki li jpoġġu proġetti eżistenti f’riskju;
  • mekkaniżmi ta’ koperazzjoni bejn il-pajjiżi tal-UE, u bejn il-pajjiżi tal-UE u pajjiżi terzi;
  • simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi għal proġetti ta’ enerġija rinnovabbli (fosthom punti uniċi ta’ kuntatt, termini perentorji, u diġitalizzazzjoni);
  • sistema ta’ garanzija tal-oriġini mtejba, estiża għas-sorsi kollha ta’ enerġija rinnovabbli;
  • regoli li jippermettu lill-konsumaturi jipproduċu l-elettriku tagħhom stess, b’mod individwali jew bħala parti minn komunitajiet ta’ enerġija rinnovabbli, mingħajr restrizzjonijiet bla bżonn;
  • fis-settur tat-tisħin u tat-tkessiħ:
    • żieda annwali ta’ 1.3 punti perċentwali fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli fis-settur
    • id-dritt li l-konsumaturi jiskonnettjaw minn ma’ sistemi distrettwali ineffiċjenti ta’ tisħin u ta’ tkessiħ u
    • l-aċċess ta’ partijiet terzi għall-fornituri tal-enerġiji rinnovabbli u għal netwerks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali mis-sħana jew mill-kesħa residwa;
  • fis-settur tat-trasport:
    • mira vinkolanti ta’ 14% flimkien ma’
    • sottomira speċifika għall-bijokarburanti avvanzati ta’ 3.5% u
    • limiti fuq il-bijokarburanti konvenzjonali u fuq dawk b’riskju kbir ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art* bijokarburanti;
  • kriterji ta’ sostenibbiltà tal-UE għall-bijoenerġija msaħħa, permezz tal-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom biex ikopri l-fjuwils kollha prodotti mill-bijomassa irrispettivament mill-użu enerġetiku finali tagħhom.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-24 ta’ Diċembru 2018 u għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-30 ta’ Ġunju 2021.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Enerġija minn sorsi rinnovabbli: enerġija minn sorsi rinnovabbli mhux fossili, bħall-enerġija mir-riħ, mix-xemx (termali u fotovoltajka), mill-enerġija aerotermika, mill-ġeotermika, mill-idrotermika, mis-sħana ambjentali, mill-marea, mill-mewġ u enerġija oħra mill-oċeani, mill-idroenerġija, mill-bijomassa, mill-gassijiet minn miżbliet, minn gassijiet u bijogassijiet minn faċilitajiet tat-trattament tal-iskart.
Riskju ta’ tibdil indirett fl-użu tal-art: tibdil fl-użu tal-art iseħħ meta jitkabbru aktar għelejjel għall-produzzjoni tal-etanol jew tal-bijodiżil bħala tweġiba għaż-żieda fid-domanda globali għall-bijokarburanti. Jista’ jkun hemm konsegwenzi mhux intenzjonati, inkluż ir-rilaxx ta’ aktar emissjonijiet tal-karbonju.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (riformulazzjoni) (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 82-209)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2018/1999 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 663/2009 u (KE) Nru 715/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi 94/22/KE, 98/70/KE, 2009/31/KE, 2009/73/KE, 2010/31/UE, 2012/27/UE u 2013/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 2009/119/KE u (UE) 2015/652 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 525/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 1-77)

Direttiva (UE) 2018/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 328, 21.12.2018, pp. 210-230)

Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE (ĠU L 315, 14.11.2012, pp. 1-56)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/K (ĠU L 140, 5.6.2009, pp. 16-62)

l-aħħar aġġornament 31.01.2019

Top