EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (2014-2020)

Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (2014-2020)

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 1301/2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għall-perjodu 2014-2020. Il-FEŻR għandu l-għan li jippromwovi l-iżvilupp sostenibbli armonjuż, ibbilanċjat u sostenibbli tal-UE billi jikkoreġi wħud mid-differenzi fil-livelli ta’ żvilupp bejn ir-reġjuni tagħha.
  • Ir-regolament ġie emendat tliet darbiet permezz ta’:

PUNTI EWLENIN

Eliġibbiltà

Ir-reġjuni kollha tal-pajjiżi tal-UE huma eliġibbli imma l-għajnuna mogħtija tiddependi fuq il-prijoritajiet tal-UE u t-tip ta’ reġjun.

Temi prinċipali

Il-FEŻR jikkonċentra l-investimenti tiegħu fuq 4 temi prinċipali:

  • innovazzjoni u riċerka;
  • teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT);
  • appoġġ għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs);
  • il-promozzjoni ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.

Tipi ta’ investiment

  • f’SMEs sabiex jinħolqu u jiġu ssalvagwardjati impjiegi sostenibbli,
  • fit-tipi kollha ta’ intrapriżi fl-oqsma tal-innovazzjoni u r-riċerka, l-ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, kif ukoll l-ICT fejn l-SMEs huma involuti,
  • fl-infrastruttura li tipprovdi servizzi bażiċi fl-enerġija, l-ambjent, it-trasport, u l-ICT, iżda wkoll fl-infrastruttura soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni,
  • fil-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jingħata rispons għal kriżi tas-saħħa pubblika (wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19), u
  • fl-iżvilupp tal-potenzjal endoġenu.

Baġit ġenerali

Il-baġit għall-2014-2020 huwa ta’ aktar minn €185 biljun.

Prijoritajiet ta’ politika u tal-baġit

  • L-4 temi prinċipali elenkati hawn fuq huma sinifikanti għall-allokazzjoni tal-fondi tal-FEŻR li jvarjaw skont il-kategorija tar-reġjun.
  • Ir-reġjuni huma definiti skont il-PDG tagħhom espress bħala perċentwal tal-medja tal-UE:
    • reġjuni aktar żviluppati: PDG aktar minn 90 %
    • reġjuni fi tranżizzjoni: PDG 75 %-90 %
    • reġjuni inqas żviluppati: PDG inqas minn 75 %
  • F’reġjuni aktar żviluppati (reġjuni fi tranżizzjoni), (reġjuni inqas żviluppati), mill-inqas 80 % (60 %) (50 %) tal-fondi totali tal-FEŻR f’kull pajjiżi għandhom ikunu allokati lil 2 temi prinċipali jew aktar mill-4 temi prinċipali, jiġifieri innovazzjoni u riċerka, SMEs, ICT u ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju; minħabba l-importanza tagħha, mill-inqas 20 % (15 %) (12 %) tal-fondi totali tal-FEŻR f’kull pajjiż għandhom ikunu mmirati lejn proġetti ta’ ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
  • Ammont minimu ta’ 5 % tal-fondi tal-FEŻR huma allokati għal żvilupp urban sostenibbli. Għandu jiġi stabbilit netwerk għall-iżvilupp urban fuq livell tal-UE sabiex jippromwovi skambju ta’ esperjenza dwar żvilupp urban sostenibbli.

Implimentazzjoni

Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus

L-Inizjattiva ta’ Investiment Kontra l-Coronavirus, introdotta bir-Regolament (UE) 2020/460, toffri lill-pajjiżi tal-UE aċċess għal €37 biljun mill-Fondi SIE biex isaħħu s-sistemi tas-saħħa u jappoġġjaw intrapriżi żgħar u medji, skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u servizzi bbażati fil-komunità.

Miżuri speċjali għall-Coronavirus: aktar flessibilità fl-użu tal-fond SIE

Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2020/558 jippermetti lill-pajjiżi tal-UE jittrasferixxu r-riżorsi bejn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni, bejn il-kategoriji differenti ta’ reġjuni u bejn l-oqsma prijoritarji speċifiċi tat-3 fondi.

Mill-1 ta’ Lulju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2021, programmi ta’ politika ta’ koeżjoni relatati mal-COVID-19 jistgħu jiġu ffinanzjati eċċezzjonalment permezz ta’ 100 % finanzjament mill-UE matul is-sena ta’ kontabilistà. Il-miżuri jissimplifikaw ukoll l-approvazzjoni tal-programm biex iħaffu l-implimentazzjoni, jagħmlu l-istrumenti finanzjarji aktar faċli biex jintużaw u jissimplifikaw il-verifiki.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289-302)

L-emenda suċċessiva għar-Regolament (KE) Nru 1301/2013 ġiet inkorporata fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/2056 tat-22 ta’ Awwissu 2017 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) Nru 522/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta’ azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 294, 11.11.2017, p. 26)

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 522/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-regoli dettaljati dwar il-prinċipji għall-għażla u l-ġestjoni ta’ azzjonijiet innovattivi fil-qasam tal-iżvilupp urban sostenibbli li għandhom jiġu appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ĠU L 148, 20.5.2014, pp. 1-3)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/99/UE tat-18 ta’ Frar 2014 li tistabbilixxi l-lista ta’ reġjuni eliġibbli għal finanzjament mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Soċjali Ewropew u ta’ Stati Membri eliġibbli għall-finanzjament mill-Fond ta’ Koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 (ĠU L 50, 20.2.2014, p. 22-34)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

l-aħħar aġġornament 07.07.2020

Top