Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċedimenti kriminali — garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew akkużati b’reati kriminali

Proċedimenti kriminali — garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew akkużati b’reati kriminali

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva (UE) 2016/800 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali

X’INHU L-GĦAN TA’ DIN ID-DIRETTIVA?

  • Din tistabbilixxi garanziji proċedurali* għal tfal* li huma suspettati jew akkużati b’reat kriminali. Il-garanziji huma addizzjonali għal dawk li japplikaw għal adulti suspettati jew akkużati.
  • Din hija l-ħames waħda f’serje ta’ miżuri biex jiġu stabbiliti regoli minimi għad-drittijiet proċedurali fl-Unjoni Ewropea (UE) f’konformità ma’ Pjan Direzzjonali tal-2009.

PUNTI EWLENIN

L-elementi ewlenin tad-Direttiva huma li t-tfal għandhom id-dritt ta’ aċċess għal avukat u d-dritt ta’ aċċess għall-assistenza ta’ avukat. L-assistenza minn avukat hija obbligatorja meta jitressqu quddiem qorti sabiex tittieħed deċiżjoni dwar detenzjoni ta’ qabel il-proċess u meta jkunu f’detenzjoni. Tifel jew tifla li ma jkunx/tkunx assistit(a) minn avukat waqt seduti tal-qorti ma jistax/tistax jingħata/tingħata sentenza ta’ ħabs.

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw ukoll li ċ-ċaħda tal-libertà, u b’mod partikolari d-detenzjoni, tiġi imposta fuq it-tfal biss bħala l-aħħar alternattiva u għall-iqsar perjodu possibbli. It-tfal detenuti għandhom jinżammu separati mill-adulti, sakemm ma jkunx meqjus li huwa fl-aħjar interess tagħhom li ma jsirx hekk.

Id-direttiva tinkludi wkoll garanziji oħra, bħad-dritt:

  • li jiġu infurmati fil-pront dwar id-drittijiet tagħhom u dwar l-aspetti ġenerali tal-iżvolġiment tal-proċeduri;
  • li l-informazzjoni tkun mogħtija lil ġenitur jew lil persuna adulta xierqa oħra;
  • li jkunu akkumpanjati minn dik il-persuna matul is-seduti u fi stadji oħra tal-proċedimenti;
  • ta’ valutazzjoni individwali minn persunal kwalifikat;
  • għal eżami mediku jekk it-tifel ikun imċaħħad mil-libertà;
  • għall-protezzjoni tal-privatezza waqt proċedimenti kriminali;
  • li jkunu fiżikament preżenti waqt il-proċess;
  • għal rimedji effettivi*.

L-imħallfin, prosekuturi u professjonisti oħra li jittrattaw il-proċedimenti kriminali li jinvolvu t-tfal għandu jkollhom kompetenza speċifika jew aċċess għal taħriġ speċifiku.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mill-10 ta’ Ġunju 2016. Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinkorporawha fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sal-11 ta’ Ġunju 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Garanziji proċedurali: f’dan il-każ, garanziji li jiżguraw li t-tfal jingħataw l-informazzjoni meħtieġa biex jifhmu kif taħdem il-proċedura u d-drittijiet legali tagħhom.

Tfal: Persuni taħt l-età ta’ 18-il sena

Rimedji effettivi: il-mezzi li permezz tagħhom il-qorti tinforza dritt, timponi piena, jew tagħmel ordni oħra tal-qorti biex timponi r-rieda tagħha.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva (UE) 2016/800 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar il-garanziji proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali (ĠU L 132, 21.5.2016, pp. 1–20)

DOKUMENTI RELATATI

Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, 26.10.2010, pp. 1–7)

Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, 1.6.2012, pp. 1–10)

Direttiva 2013/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar id-dritt ta’ aċċess għas-servizzi ta’ avukat fi proċedimenti kriminali u fi proċedimenti ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, u dwar id-dritt li tiġi infurmata parti terza dwar iċ-ċaħda tal-libertà u d-dritt għal komunikazzjoni ma’ partijiet terzi u mal-awtoritajiet konsulari, matul iċ-ċaħda tal-libertà (ĠU L 294, 6.11.2013, pp. 1–12)

Direttiva (UE) 2016/343 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar it-tisħiħ ta’ ċerti aspetti tal-preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dritt li wieħed ikun preżenti waqt il-proċess fil-proċedimenti kriminali (ĠU L 65, 11.3.2016, pp. 1–11)

l-aħħar aġġornament 28.11.2016

Top