EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-simplifikazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE

Is-simplifikazzjoni taċ-ċirkolazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (UE) 2016/1191 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan għandu l-għan li jnaqqas il-burokrazija u l-ispejjeż taċ-ċittadini meta jippreżentaw dokument pubbliku lill-awtoritajiet ta’ wieħed mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li jkun ħareġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE.
  • Hu jneħħi r-rekwiżit tal-apostilla (ara t-taqsima ta’ hawn taħt) u jissimplifika formalitajiet fir-rigward ta’ kopji ċċertifikati u traduzzjonijiet.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Ir-regolament ikopri dokumenti pubbliċi inkluż dokumenti amministrattivi, atti notarili, sentenzi u dokumenti konsulari f’ċerti oqsma.
  • L-oqsma koperti mir-regolament huma kif ġej:
    • it-twelid;
    • il-mewt;
    • l-isem;
    • iż-żwieġ, inkluż il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u l-istat taż-żwieġ;
    • id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ;
    • is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata;
    • ix-xoljiment ta’ sħubija rreġistrata, is-separazzjoni legali jew l-annullament ta’ sħubija rreġistrata;
    • il-paternità, inkluż l-adozzjoni;
    • id-domiċilju u/jew ir-residenza;
    • in-nazzjonalità;
    • in-nuqqas ta’ rekord kriminali;
    • id-dritt li persuna tivvota u li toħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet muniċipali u fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew.
  • Ir-regolament ikopri biss l-awtentiċità tad-dokument pubbliku u mhux ir-rikonoxximent tal-kontenut jew tal-effetti tiegħu.

It-tneħħija tar-rekwiżit tal-apostilla

Fl-oqsma koperti mir-regolament, meta ċittadin jippreżenta dokument pubbliku lill-awtoritajiet ta’ pajjiż tal-UE maħruġ mill-awtoritajiet ta’ pajjiż ieħor tal-UE, l-awtoritajiet li jilqgħu d-dokument ma jistgħux jitolbu li d-dokument ikollu timbru tal-apostilla (it-timbru tal-apostilla hu mfassal sabiex ikun xhud tal-awtentiċità ta’ dokument pubbliku li jkun ħareġ f’pajjiż barrani).

Kopji ċċertifikati

  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jitolbu l-preżentazzjoni tad-dokument pubbliku oriġinali jew tal-kopja ċċertifikata tiegħu, iżda mhux it-tnejn f’daqqa fl-istess ħin.
  • Jekk pajjiż tal-UE jaċċetta l-preżentazzjoni ta’ kopja ċċertifikata minflok id-dokument oriġinali, hu jrid jaċċetta kopja ċċertifikata li tkun saret f’pajjiż ieħor tal-UE.

Traduzzjonijiet

Il-pajjiż tal-UE fejn jiġi ppreżentat id-dokument oriġinali ma jistax jitlob traduzzjoni jekk id-dokument pubbliku jkun miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-pajjiż tal-UE jew f’lingwa mhux uffiċjali li l-pajjiż tal-UE jista’ jaċċetta.

Barra minn hekk, ma tistax tintalab traduzzjoni meta dokument pubbliku jiġi akkumpanjat minn formola standard multilingwi. Dan bil-kundizzjoni li l-awtorità li lilha jkun ġie ppreżentat id-dokument pubbliku tqis li l-informazzjoni inkluża fil-formola hi suffiċjenti għall-ipproċessar tad-dokument.

Formoli standard multilingwi

  • Ir-regolament jintroduċi formoli standard multilingwi fakultattivi fil-lingwi kollha tal-UE.
  • Sabiex jevitaw ir-rekwiżiti tat-traduzzjoni, iċ-ċittadini jistgħu jippreżentaw dawn il-formoli lil pajjiż ieħor tal-UE bħala għajnuniet tat-traduzzjoni mehmużin mad-dokument pubbliku tagħhom.
  • Jekk id-dokument pubbliku ppreżentat jiġi akkumpanjat minn formola standard multilingwi, il-pajjiż tal-UE li jkun qed jilqa’ d-dokument jista’ jitlob biss traduzzjoni tad-dokument f’ċirkostanzi eċċezzjonali.
  • Jekk ikun hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn u l-pajjiż tal-UE li jilqa’ d-dokument jitlob traduzzjoni ċċertifikata, dan irid jaċċetta traduzzjoni ċċertifikata li tkun saret f’pajjiż ieħor tal-UE.
  • Il-formoli standard multilingwi bħala għajnuniet tat-traduzzjoni ta’ dokumenti pubbliċi huma disponibbli għal dokumenti dwar:
    • it-twelid;
    • persuna li tkun ħajja;
    • il-mewt;
    • iż-żwieġ, inkluż il-kapaċità li persuna tiżżewweġ u l-istat taż-żwieġ;
    • is-sħubija rreġistrata, inkluż il-kapaċità li persuna tidħol fi sħubija rreġistrata u l-istatus ta’ sħubija rreġistrata;
    • id-domiċilju u/jew ir-residenza;
    • in-nuqqas ta’ rekord kriminali.

Dokumenti frodulenti

  • Ir-regolament jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE sabiex jiġġieldu kontra dokumenti pubbliċi frodulenti. Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni huwa bbażat fuq sistema tal-IT eżistenti (is-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern).
  • Il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni jagħti lok lill-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE li jkun qed jilqa’ d-dokument biex, jekk dawn ikollhom dubju serju dwar l-awtentiċità ta’ dokument pubbliku ppreżentat minn ċittadin, jitkellmu mal-awtoritajiet tal-pajjiż tal-UE li joħroġ id-dokument.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mis-16 ta’ Frar 2019 bl-eċċezzjoni ta’:

  • L-Artikolu 24(2) (informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-pajjiżi tal-UE dwar entrati speċifiċi għall-pajjiż li għandhom jiġu inklużi fil-formoli standard multilingwi) li japplika mis-16 ta’ Frar 2017;
  • L-Artikoli 12 u 24(3) (id-disponibbiltà ta’ entrati speċifiċi għall-pajjiż skont il-Portal Ewropew tal-Ġustizzja Elettronika) li japplikaw mis-16 ta’ Frar 2018; u
  • L-Artikoli 22 u 24(1) (informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata mill-pajjiżi tal-UE lill-Kummissjoni Ewropea) li japplikaw mis-16 ta’ Awwissu 2018.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 2016/1191 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (ĠU L 200, 26.7.2016, pp. 1-136)

l-aħħar aġġornament 12.01.2017

Top