EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Informazzjoni tal-konsumatur, id-dritt tal-irtirar u drittijiet oħra tal-konsumatur

Informazzjoni tal-konsumatur, id-dritt tal-irtirar u drittijiet oħra tal-konsumatur

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2011/83/UE dwar id-drittijiet tal-konsumatur

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVI?

Id-Direttiva 2011/83/UE għandha l-għan li:

  • żżid il-protezzjoni tal-konsumatur billi tarmonizza diversi aspetti ewlenin tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti bejn il-konsumaturi u l-bejjiegħa;
  • tinkoraġġixxi l-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE), b’mod partikolari għall-konsumaturi li jixtru online.

Id-Direttiva ssostitwiet id-direttiva dwar il-bejgħ mill-bogħod (97/7/KE) u d-direttiva dwar il-bejgħ fid-djar(85/577/KEE).

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur temenda d-Direttiva 2011/83/UE. L-emendi jżidu l-protezzjoni għall-konsumaturi tal-UE f’diversi oqsma bħax-xiri minn swieq online*, trasparenza ta’ personalizzazzjoni tal-prezz* u l-klassifikazzjoni tal-offerti online u d-drittijiet tal-konsumatur meta jużaw servizzi online “bla ħlas”.

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

  • Għajr għal xi eċċezzjonijiet bħall-kura tas-saħħa, servizzi soċjali u finanzjarji (eż.kreditu tal-konsumatur u assigurazzjoni), id-Direttiva 2011/83/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161, tkopri firxa wiesgħa ta’ kuntratti konklużi bejn kummerċjanti u konsumaturi, jiġifieri kuntratti ta’ bejgħ*, kuntratti ta’ servizz*, kuntratti għal kontenut diġitali online u kuntratti għall-forniment ta’ ilma, gass, elettriku u tisħin distrettwali. Huwa japplika għal kuntratti konklużi fi ħwienet u għal kuntratti konklużi barra mill-post tan-negozju (eż. fid-dar tal-konsumatur) jew mill-bogħod (pereżempju online).
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE biex tkopri kuntratti li abbażi tagħhom il-kummerċjanti jfornu jew jintrabtu li jfornu servizz diġitali* jew kontenut diġitali* lill-konsumatur, u l-konsumatur jipprovdi jew jintrabat li jipprovdi data personali*. Din tistabbilixxi wkoll obbligazzjonijiet għal iktar informazzjoni għall-fornituri ta’ swieq online rigward il-kuntratti li l-konsumaturi jikkonkludu mal-fornituri differenti fuq suq online.

Obbligi ta’ informazzjoni

  • Qabel jikkonkludu kuntratt, il-kummerċjanti għandhom jipprovdu lill-konsumaturi, fi kliem ċar u li jinftiehem, informazzjoni bħal:
    • l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom;
    • il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott; kif ukoll
    • il-kundizzjonijiet li japplikaw, inklużi t-termini ta’ ħlas, iż-żmien ta’ konsenja, l-eżekuzzjoni u t-tul tal-kuntratt u l-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni.
  • Fil-ħwienet, għandha tingħata l-informazzjoni li mhijiex diġà ovvja.
  • Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dwar id-dritt tal-irtirar, huma aktar dettaljati għal kuntratti konklużi mill-bogħod (bħal pereżempju online, bit-telefon jew bil-posta) u għal kuntratti konklużi barra mill-post tan-negozju (eż. meta kummerċjant iżur id-dar ta’ konsumatur).
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 żżid mad-direttiva rekwiżiti speċifiċi ta’ informazzjoni għal kuntratti li jiġu konklużi fi swieq online. Is-suq online għandu:
    • jinforma l-konsumaturi jekk fornitur ta’ parti terza huwiex kummerċjant jew le (jiġifieri konsumatur ieħor);
    • jwissi lill-konsumatur li r-regoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fl-UE ma japplikawx għal kuntratti konklużi ma’ non-kummerċjanti; u
    • jispjega min hu responsabbli għall-prestazzjoni tal-kuntratt: il-kummerċjant ta’ parti terza jew is-suq online innifsu.
  • Barra minn hekk, id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 titlob li l-kummerċjanti jinfurmaw lill-konsumaturi jekk il-prezz ikunx ġie personalizzat abbażi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet awtomatizzati.

Dritt ta’ rtirar

  • Il-konsumaturi jistgħu jirtiraw minn kuntratti mill-bogħod kif ukoll minn kuntratti barra mill-post tan-negozju fi żmien 14-il jum mill-kunsinna tal-oġġetti* jew mill-konklużjoni tal-kuntratt ta’ servizz, soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet, mingħajr ebda spjegazzjoni jew kost. Formola standard ta’ rtirar ipprovduta mill-bejjiegħ hija biżżejjed. Jekk il-konsumaturi ma jkunux ġew mgħarrfa dwar id-drittijiet tagħhom, il-perjodu ta’ rtirar jiġi estiż bi 12-il xahar.
  • Eżenzjonijiet japplikaw f’diversi ċirkostanzi, pereżempju, f’każ ta’ oġġetti li jitħassru malajr, oġġetti ssiġillati li jkunu nfetħu mill-konsumatur li ma jistgħux jiġu rritornati għal raġunijiet ta’ saħħa jew ta’ iġjene, u prenotazzjonijiet ta’ lukandi jew kiri ta’ karozzi li huma marbuta ma’ dati speċifiċi. Eċċezzjonijiet japplikaw ukoll, taħt ċerti ċirkostanzi, għal kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali li ma jiġix ipprovdut fuq mezz tanġibbli jekk l-eżekuzzjoni tkun bdiet.
  • Meta l-konsumaturi jirtiraw minn kuntratt, għandhom iżommu lura milli jużaw il-kontenut diġitali jew is-servizz diġitali u li jagħmluh disponibbli għal partijiet terzi.

Ebda kost mhux ġustifikat jew spejjeż addizzjonali

  • Il-kummerċjanti m’għandhomx jimponu tariffi fuq il-konsumaturi għall-użu ta’ meżżi ta’ ħlas li jaqbżu l-kost imġarrab mill-kummerċjant għall-użu tat-tali mezzi. F’ħafna każijiet, l-iċċarġjar ta’ tali tariffi huwa kompletament ipprojbit skont id-direttiva dwar is-servizzi ta’ pagament (Direttiva (UE) 2015/2366 – ara s-sommarju).
  • Meta konsumatur iċempel lil kummerċjant biex jistaqsi jew biex jilmenta dwar il-kuntratt konkluż, m’għandux iħallas aktar mit-tariffa telefonika bażika.
  • Il-kummerċjanti għandhom ikollhom il-kunsens espliċitu tal-konsumatur meta joffru servizzi addizzjonali bi ħlas. Għal tali ħlasijiet, ma jistgħux jintużaw kaxxi mmarkati bil-lest fuq il-formola tal-ordni.

Penali

  • Id-Direttiva 2011/83/UE tirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jikkastigaw kummerċjanti li jiksru r-regoli nazzjonali li jittrasponu d-direttiva.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 tintroduċi lista ta’ kriterji li jridu jiġu applikati meta jiġu imposti l-penali. Hija teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jipprovdu l-possibilità li jimponu multi għal mill-inqas 4% tal-bejgħ annwali tal-kummerċjant, jew EUR 2 miljuni fejn l-informazzjoni dwar il-bejgħ tal-kummerċjant ma tkunx disponibbli. Tali multi għandhom ikunu disponibbli meta l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaġixxu f’daqqa dwar ksur maġġuri transfruntier li jaffettwa konsumaturi f’bosta Stati Membri fil-kuntest tar-regolament dwar in-network ta’ kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi (Ir-Regolament UE) 2017/2394 – ara s-sommarju).

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

Id-Direttiva 2011/83/UE tapplika għal kuntratti konklużi wara t-13 ta’ Ġunju 2014.

Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-28 ta’ Novembru 2021 u bdiet tapplika mit-28 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Għal iktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Swieq online. Servizz li juża software, inkluż sit web, parti minn sit web jew applikazzjoni ġestita minn kummerċjant jew f’isem kummerċjant li jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti jew ma’ konsumaturi oħra.
Personalizzazzjoni tal-prezz. Fejn kummerċjant jiffissa prezzijiet differenti għal konsumaturi individwali jew għal gruppi ta’ konsumaturi bbażati fuq analiżi awtomatika tal-preferenzi ta’ dawk il-konsumaturi u r-rieda li jħallsu.
Kuntratt ta’ bejgħ. Kwalunkwe kuntratt li abbażi tiegħu l-kummerċjant jittrasferixxi jew jimpenja ruħu li jittrasferixxi s-sjieda ta’ oġġetti lill-konsumatur, inkluż kwalunkwe kuntratt li għandu bħala s-suġġett tiegħu kemm oġġetti kif ukoll servizzi.
Kuntratti ta’ servizz. Kwalunkwe kuntratt, minbarra kuntratt ta’ bejgħ, fejn il-kummerċjant jagħti jew iwiegħed li jagħti servizz lill-konsumatur, inkluż servizz diġitali.
Servizz diġitali. Dan huwa:
  • servizz li jippermetti lill-konsumatur joħloq, jipproċessa, jaħżen jew jaċċessa data f’forma diġitali; jew
  • servizz li jippermetti l-kondiviżjoni ta’ data f’forma diġitali jew kwalunkwe interazzjoni magħha mtella’ jew maħluqa mill-konsumatur jew minn utenti oħra ta’ dak is-servizz.
Kontenut diġitali. Data li tiġi prodotta u fornuta f’forma diġitali.
Data personali. Kull informazzjoni li għandha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli.
Oġġetti. Dawn huma:
  • kwalunkwe oġġetti mobbli fiżiċi, inklużi l-ilma, l-gass u l-elettriku meta jinbiegħu f’volum limitat jew fi kwantità stabbilita;
  • kwalunkwe oġġetti mobbli fiżiċi li jinkorporaw jew huwa interkonnessi ma’ kontenut diġitali jew servizz diġitali b’tali mod li n-nuqqas ta’ dak il-kontenut diġitali jew servizz diġitali jimpedixxi lill-oġġetti milli jwettqu l-funzjonijiet tagħhom (oġġetti b’elementi diġitali).

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, pp. 64-88).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/83/UE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u l-immodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 7-28).

DOKUMENTI RELATATI

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur (ĠU L 525, 29.12.2021, pp. 1-85).

Id-Direttiva (UE) 2019/771 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw kuntratti għall-bejgħ ta’ oġġetti, li temenda r-Regolament (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE, u li tħassar id-Direttiva 1999/44/KE (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 28-50).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2019/770 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar ċerti aspetti li jikkonċernaw il-kuntratti għall-provvista ta’ kontenut diġitali u ta’ servizzi diġitali (ĠU L 136, 22.5.2019, pp. 1-27).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018) 183 final, 11.4.2018).

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1-26).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, pp. 19-59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, pp. 1-33).

Id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, pp. 66–92).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.02.2022

Top