Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sigurtà tal-avjazzjoni ċivili: Regoli għall-UE kollha

Sigurtà tal-avjazzjoni ċivili: Regoli għall-UE kollha

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi regoli komuni u standards bażiċi fuq is-sigurtà tal-avjazzjoni u fuq proċeduri għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.
  • Japplika għall-ajruporti ċivili kollha fl-UE, kif ukoll għal trasportaturi tal-ajru u persuni jew negozji oħrajn li jipprovdu oġġetti jew servizzi lil jew minn dawn l-ajruporti.
  • Jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 2320/2002 li kien adottat fid-dawl tal-avvenimenti tal-11 ta’ Settembru 2001 u li stabbilixxa regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

PUNTI EWLENIN

Standards bażiċi komuni għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili

Dawn l-istandards jinkludu, pereżempju:

  • l-iskrinjar tal-passiġġieri u tal-bagalji tal-kabina biex oġġetti pprojbiti, bħal armi u splussivi, jitwaqqfu milli jinġarru abbord inġenji tal-ajru;
  • il-bagalja tal-istiva (bagalja li l-passiġġieri jagħmlu check-in tagħha) hija wkoll skrinjata qabel titgħabba;
  • is-sigurtà tal-ajruport (eż. aċċess ikkontrollat għal żoni differenti tal-ajruporti, skrinjar tal-persunal, kontrolli tal-vetturi kif ukoll sorveljanza u rondi sabiex nies mhux awtorizzati ma jitħallewx jidħlu f’dawn iż-żoni);
  • il-protezzjoni tal-inġenji tal-ajru u kontrolli jew tiftix tas-sigurtà tal-inġenji tal-ajru qabel it-tluq sabiex jiġi żgurat li ebda oġġett ipprojbit ma jittella’ abbord;
  • kontrolli ta’ sigurtà għall-merkanzija u l-posta qabel titgħabba fuq l-inġenji tal-ajru;
  • kontrolli ta’ sigurtà għal provvisti tal-ajruport (jiġifieri provvisti maħsubin sabiex jinbiegħu fi ħwienet duty-free u f’ristoranti) u provvisti ta’ matul it-titjira (eż. ikel u xorb għall-passiġġieri);
  • ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal;
  • il-prestazzjoni tat-tagħmir ta’ sigurtà (jiġifieri t-tagħmir li jintuża għall-iskrinjar u l-kontrolli tal-aċċess jikkonforma ma’ speċifikazzjonijiet definiti u huwa kapaċi jwettaq il-kontrolli tas-sigurtà kkonċernati).

F’Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998. Dan jistabbilixxi miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ dawn l-istandards ta’ sigurtà u jħassar regolament preċedenti (ir-Regolament (UE) Nru 185/2010), li ġie emendat aktar minn 20 darba. Sa mill-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998 innifsu ġie emendat diversi drabi.

L-emendi jimmodifikaw il-lista ta’ pajjiżi mhux tal-UE rikonoxxuti bħala li japplikaw standards ekwivalenti għal dawk tal-UE, u jintroduċu regoli ġodda dwar:

  • is-sigurtà tal-ajruporti;
  • is-sigurtà tal-inġenji tal-ajru;
  • l-iskrinjar ta’ likwidi, l-aerosols u ġellijiet, il-bagalji tal-istiva, il-merkanzija u posta, il-provvisti ta’ matul it-titjira;
  • ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-persunal;
  • it-tagħmir ta’ sigurtà;
  • il-kontrolli tal-isfond biex jittejbu l-kultura tas-sigurtà u r-reżiljenza;
  • l-istandards ta’ prestazzjoni;
  • l-użu ta’ tagħmir għad-detezzjoni ta’ splussivi fiż-żraben u ta’ tagħmir għad-detezzjoni ta’ fwar splussiv.

Obbligi fuq il-pajjiżi tal-UE u fuq l-ajruporti u l-operaturi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jaħtru awtorità waħda responsabbli għas-sigurtà tal-avjazzjoni;
  • jistabbilixxu programm nazzjonali għas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili sabiex jiddefinixxi r-responsabbiltajiet għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni;
  • jistabbilixxu programm nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità sabiex jiċċekkja l-kwalità tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili.

L-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u l-entitajiet għandhom:

  • jiddefinixxu u jimplimentaw programm tas-sigurtà;
  • jiżguraw kontroll tal-kwalità intern.

Spezzjonijiet mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali inklużi spezzjonijiet mhux imħabbra ta’ ajruporti, trasportaturi tal-ajru u persuni jew negozji rilevanti oħrajn. Kwalunkwe nuqqas għandu jitranġa mill-awtorità nazzjonali. L-awtoritajiet nazzjonali huma responsabbli għall-kontroll u għall-infurzar primarju tal-kwalità, u għaldaqstant għandhom iwettqu verifiki u spezzjonijiet tal-ajruporti, it-trasportaturi tal-ajru u persuni jew negozji rilevanti oħrajn.

Ir-rikonoxximent ta’ standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni ekwivalenti ma’ pajjiżi mhux tal-UE

L-UE tista’ tirrikonoxxi standards tas-sigurtà tal-avjazzjoni ta’ pajjiżi mhux tal-UE bħala ekwivalenti għall-istandards tal-UE sabiex tippermetti sistema “ta’ kontroll tas-sigurtà unika”. Dan ifisser, pereżempju, li l-passiġġieri li jaslu fl-ajruporti tal-UE u li jkunu sejrin lejn destinazzjonijiet oħrajn ma jkollhomx għalfejn jerġgħu jiġu skrinjati. Dan iwassal għal ħinijiet ta’ konnessjoni aktar veloċi, inqas spejjeż u konvenjenza akbar għall-vjaġġaturi. Il-“kontroll tas-sigurtà uniku” huwa wieħed mill-objettivi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni.

Rapport ta’ implimentazzjoni

Kull sena, il-Kummissjoni tippubblika rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008. L-aktarrapport riċenti, dwar l-2017, ġie ppubblikat fl-2019.

Il-pandemija tal-COVID-19

  • Il-pandemija tal-COVID-19 tillimita serjament il-kapaċità tal-pajjiżi tal-UE u tal-UE kollha kemm hi biex iżommu katina ta’ provvista ’l ġewwa effettiva u effiċjenti. Servizzi kontinwi u bla interruzzjoni tal-merkanzija huma ta’ importanza strateġika essenzjali għall-Unjoni u għandhom rwol fundamentali fil-konsenja ta’ oġġetti essenzjali, inklużi mediċini, tagħmir mediku, sustanzi u komoditajiet oħra.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/910 għalhekk jemenda r-Regolament (UE) 2015/1998 fir-rigward tal-għażla mill-ġdid tal-linji tal-ajru, l-operaturi u l-entitajiet li jipprovdu kontrolli ta’ sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi mhux tal-UE, kif ukoll biex jipposponi ċerti rekwiżiti regolatorji.
  • L-Anness għar-Regolament (UE) 2015/1998 huwa emendat biex jieħu kont ta’ fatturi bħall-impatt tal-pandemija fuq il-prestazzjoni ta’ installazzjonijiet fuq il-post, kontrolli u żjarat, u l-ħtieġa li jiġu adottati miżuri urġenti li jistabbilixxu l-bażi legali xierqa biex jiġi implimentat proċess alternattiv u mħaffef għall-validazzjonijiet tas-sigurtà tal-avjazzjoni tal-UE tal-operaturi tal-katina tal-provvista lejn l-UE affettwati.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mit-28 ta’ April 2010

L-artikoli li ġejjin ilhom japplikaw mid-29 ta’ April 2008:

  • l-Artikoli 4(2), 4(3), 4(4), li kollha għandhom x’jaqsmu mal-istandards bażiċi komuni ħlief dawk relatati mal-ħarsien tal-avjazzjoni ċivili kontra atti ta’ interferenza illegali;
  • l-Artikolu 8 dwar il-kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili;
  • l-Artikolu 11(2): speċifikazzjonijiet għall-programmi nazzjonali ta’ kontroll tal-kwalità;
  • it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1): spezzjonijiet mhux imħabbra mill-Kummissjoni;
  • l-Artikolu 17: Grupp Konsulattiv tal-Partijiet Ikkonċernati;
  • l-Artikolu 19: Proċedura ta’ Kumitat; u
  • l-Artikolu 21 penali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà ta’ l-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (ĠU L 97, 9.4.2008, pp. 72-84)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 300/2008 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/910 tat-30 ta’ Ġunju 2020 li jemenda r-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1998, (UE) 2019/103 u (UE) 2019/1583 fir-rigward tad-deżinjazzjoni mill-ġdid tal-linji tal-ajru, tal-operaturi u tal-entitajiet li jipprovdu kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiżi terzi, kif ukoll il-posponiment ta’ ċerti rekwiżiti regolatorji fil-qasam taċ-ċibersigurtà, tal-kontroll tal-isfond, tal-istandards tat-tagħmir b’sistemi għad-detezzjoni tal-isplussivi, u tat-tagħmir għad-detezzjoni ta’ traċċi tal-isplussivi, minħabba l-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 208, 1.7.2020, pp. 43-47)

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1998 tal-5 ta’ Novembru 2015 li jistipula miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tal-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 299, 14.11.2015, pp. 1-142)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 72/2010 tas-26 ta’ Jannar 2010 li jistabbilixxi proċeduri biex jitwettqu spezzjonijiet mill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni (ĠU L 23, 27.1.2010, pp. 1-5)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1254/2009 tat-18 ta’ Diċembru 2009 li jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jidderogaw mill-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u jadottaw miżuri alternattivi tas-sigurtà (ĠU L 338, 19.12.2009, pp. 17)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 272/2009 tat-2 ta’ April 2009 li jissupplimenta l-istandards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti fl-Anness tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 300/2008 (ĠU L 91 3.4.2009, pp. 7-13)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — ir-rapport annwali tal-2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili (COM(2019) 183 final, 16.4.2019)

l-aħħar aġġornament 14.09.2020

Top