Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Fondi Strutturali u ta’ Investiment

Fondi Strutturali u ta’ Investiment

Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej huma fondi li jaħdmu flimkien sabiex jappoġġaw il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jwasslu l-objettivi tal-istrateġija ta’ Ewropa 2020 tal-Unjoni Ewropea għall-ġenerazzjoni ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dawn ikopru l-investimenti bejn l-2014 u l-2020.

Hemm ħames fondi:

  • il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR)
  • il-Fond Soċjali Ewropew (FSE)
  • il-Fond ta’ Koeżjoni (FK)
  • il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)
  • il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS).

Hemm tliet fondi li jaqgħu taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE: il-FEŻR, il-FSE u l-FK. Ir-reġjuni kollha tal-UE huma eleġibbli għal finanzjament tal-FEŻR u tal-FSE iżda r-reġjuni inqas żviluppati biss huma eleġibbli għal appoġġ tal-FK. Il-finanzjament disponibbli taħt il-politika ta’ koeżjoni tal-UE bejn l-2014 u l-2020 jammonta għal €351.8 biljun.

Żewġ fondi oħrajn, il-FAEŻR (taħt il-politika agrikola komuni, €85 biljun) u l-FEMS (taħt il-politika komuni tas-sajd, €6.5 biljun), huma mmirati speċifikament lejn il-ħtiġijiet tar-reġjuni rurali u marittimi, rispettivament.

L-infiq taħt dawn il-fondi se jkun ikkumplimentat mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, imħabbar f’Novembru 2014.

Il-fondi kollha ta’ hawn fuq isegwu l-għan tal-UE tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

ARA WKOLL

Top