Is-sigurtà tal-pestiċidi fis-suq tal-UE
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni tal-bejgħ, l-użu u l-kontroll ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti fl-Unjoni Ewropea (UE), u jirrikonoxxi l-prinċipju ta’ prekawzjoni.
- Huwa kkomplementat mid-direttiva dwar l-użu sostenibbli (id-Direttiva 2009/128/KE) li tistabbilixxi regoli għall-użu sostenibbli tal-pestiċidi* (ara s-sommarju).
PUNTI EWLENIN
- Il-leġiżlazzjoni tapplika għall-prodotti użati biex jipproteġu jew jippriservaw il-pjanti, jinfluwenzaw it-tkabbir tagħhom jew jeqirdu jew jipprevjenu t-tkabbir ta’ pjanti mhux mixtieqa.
- Sustanza attiva (kwalunkwe sustanza kimika, estratt mill-pjanti jew mikroorganiżmu li jaġixxi kontra pesti jew fuq il-pjanti) għandha tiġi approvata jekk:
- Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom is-sustanza attiva:
- ikunu effettivi;
- ma jkollhom l-ebda effett ta’ ħsara immedjat jew imdewwem fuq is-saħħa tal-bniedem;
- ma jkollhom l-ebda effett inaċċettabbli fuq il-pjanti jew fuq l-ambjent; u
- ma jikkawżawx tbatija jew uġigħ bla bżonn lill-vertebrati.
- Residwi ta’ dawn il-prodotti ma għandu jkollhom l-ebda effett ta’ dannu fuq is-saħħa tal-bniedem, inklużi gruppi vulnerabbli jew kwalunkwe effett mhux aċċettabbli fuq l-ambjent.
- Il-Kummissjoni Ewropea jew l-awtorità nazzjonali kompetenti f’kull Stat Membru tal-UE tista’ żżid kriterji u restrizzjonijiet bħall-grad minimu ta’ purità, it-tip ta’ preparazzjoni u l-mod u l-kundizzjonijiet tal-użu, meta tapprova sustanza attiva jew tawtorizza prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-użu.
- Il-Kummissjoni tagħti l-ewwel approvazzjoni tagħha għal sustanza attiva għal perjodu li ma jaqbiżx l-10 snin. Tiġdid tal-approvazzjoni ma għandux ikun għal aktar minn 15-il sena.
- L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni ta’ sustanza attiva, akkumpanjati mill-informazzjoni xjentifika meħtieġa, għandhom jiġu sottomessi lill-awtoritajiet nazzjonali. Dawn għandhom massimu ta’ 12-il xahar biex jeżaminaw it-talba, li mbagħad tiġi rieżaminata bejn il-pari mill-Istati Membri u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.
- Id-detenturi ta’ awtorizzazzjoni ta’ prodott għall-protezzjoni tal-pjanti għall-użu f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jużaw il-proċedura tar-rikonoxximent reċiproku biex jitolbu l-użu tiegħu f’ieħor.
MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Ilu japplika mill-14 ta’ Ġunju 2011.
SFOND
L-UE tagħti importanza kbira lill-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u tal-ambjent. L-istandardizzazzjoni tar-regoli dwar il-bejgħ tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti tgħin biex jinkiseb dan, tiżgura l-ħidma bla xkiel tas-suq uniku u ttejjeb il-produzzjoni agrikola.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Pestiċida. Xi ħaġa li tipprevjeni, teqred jew tikkontrolla organiżmu ta’ ħsara (pest) jew marda, jew tipproteġi l-pjanti jew il-prodotti tal-pjanti waqt il-produzzjoni, il-ħażna u t-trasport. Pestiċida huwa terminu usa’ minn prodott għall-protezzjoni tal-pjanti peress li jkopri l-użi mhux tal-pjanti/għelejjel bħal
bijoċidi.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, pp. 1-50).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 283/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għas-sustanzi attivi, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, pp. 1-84).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2013 tal-1 ta’ Marzu 2013 li jistipula r-rekwiżiti tad-data għall-prodotti għall-ħarsien tal-pjanti, skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 93, 3.4.2013, pp. 85-152).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 546/2011 tal-10 ta’ Ġunju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prinċipji uniformi għall-evalwazzjoni u l-awtorizzazzjoni ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (ĠU L 155, 11.6.2011, pp. 127-175).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 540/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li għandu x’jaqsam mal-lista ta’ sustanzi attivi approvati (ĠU L 153, 11.6.2011, pp. 1-186).
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 12.09.2022