EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Protezzjoni tal-ħnieżer

Protezzjoni tal-ħnieżer

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2008/120/KE — standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tfittex li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-ħnieżer.

PUNTI EWLENIN

Minbarra li tistabbilixxi standards għall-protezzjoni tal-ħnieżer, id-direttiva tistabbilixxi wkoll regoli fir-rigward ta’ operazzjonijiet b’uġigħ b’mod partikolari: kastrazzjoni, amputazzjoni kawdali (qtugħ), l-eliminazzjoni ta’ snien fl-irkejjen, eċċ.

Kamp ta’ applikazzjoni

  • L-istandards minimi japplikaw għall-kategoriji kollha ta’ ħnieżer li jinżammu għal trobbija u simna:
    • qżieqeż (mit-twelid sal-ftim);
    • qżieqeż (minn qżieqeż miftuma sa qżieqeż ta’ età ta’ 10 ġimgħat);
    • ħnieżer għas-simna (akbar minn età ta’ 10 ġimgħat);
    • ħnieżer nisa u ħnieżer nisa żgħar mhux mgħammra (ħanżira mara wara l-pubertà iżda li ma tkunx welldet);
    • ħnieżer selvaġġi (ħnieżer irġiel wara l-pubertà, maħsuba għat-tnissil) u l-bqija.
  • Dawn l-annimali għandhom jitrabbew fi gruppi, ħlief għal xi eċċezzjonijiet (ħnieżer li jwelldu, ħnieżer selvaġġi). Il-bdiewa għandhom jimplimentaw miżuri mmirati li jissodisfaw ħtiġijiet bażiċi u jipprevjenu aggressjoni fil-grupp. B’mod partikolari, il-ħnieżer għandu jkollhom aċċess permanenti għal kwantità suffiċjenti ta’ materjal ta’ arrikkiment sabiex jistimulaw imġiba spjegatorja.

Ħnieżer nisa u ħnieżer nisa żgħar mhux mgħammra

  • jekk meħtieġ, ħnieżer nisa tqal u ħnieżer nisa żgħar mhux mgħammra għandhom jiġu kkurati kontra l-parassiti. L-irbit ta’ ħnieżer nisa tqal u ħnieżer nisa żgħar mhux mgħammra ġie pprojbit mill-1 ta’ Jannar 2006.
  • Ġimgħa qabel it-twelid, il-ħnieżer nisa u ħnieżer nisa żgħar mhux mgħammra jistgħu jiġu iżolati. Għandha tkun disponibbli żona mhux ostakolata għal twelid naturali jew assistit. Il-kaxex għandhom ikunu mgħammra b’sistemi ta’ protezzjoni għall-qżieqeż.

Qżieqeż (mhux miftuma)

Il-qżieqeż ma jistgħux jinfatmu mill-ħanżira qabel ikollhom 28 ġurnata sakemm il-benesseri jew is-saħħa tal-omm jew tal-qażquż ma jiġux ipperikolati b’mod ieħor.

Qżieqeż miftuma u qżieqeż ta’ trobbija

  • Għandhom jittieħdu miżuri biex jiżguraw li l-annimali ma jiġġildux.
  • Il-ħnieżer għandhom jinżammu fi gruppi u m’għandhomx jitħalltu (ħlief qabel il-ftim jew matul il-ġimgħa wara l-ftim, jekk meħtieġ).
  • L-annimali aggressivi għandhom jinżammu ’l bogħod mill-grupp (kif jinżammu wkoll annimali mweġġgħin).
  • Medikamenti ta’ trankwilizzazzjoni għandhom jintużaw biss biex jiffaċilitaw it-taħlit f’kondizzjonijiet eċċezzjonali u wara konsultazzjoni ma’ veterinarju.

Operazzjonijiet b’uġigħ fuq l-annimali

  • Veterinarju jew “persuna li tindokra” mħarrġa f’aspetti relatati mat-trattament xieraq tal-annimali huma awtorizzati li jwettqu li ġej:
    • l-arranġament ta’ snien fl-irkejjen tal-qżieqeż f’daqs iżgħar;
    • il-qtugħ tad-dnub (qabel is-seba’ jum ta’ ħajja jew wara din l-età jekk isir minn veterinarju u taħt anestesija u b’analġeżija mtawla addizzjonali);
    • kastrazzjoni tal-irġiel (qabel is-seba’ jum ta’ ħajja jew wara din l-età jekk issir minn veterinarju u taħt anestesija u b’analġeżija mtawla addizzjonali);
    • it-tpoġġija ta’ misluta fl-imnieħer f’sistemi ta’ trobbija fuq barra.
  • Il-qtugħ tad-dnub jew l-arranġament ta’ snien f’daqs iżgħar m’għandux isir b’mod frekwenti iżda biss fejn ikun hemm evidenza li jkun sar korriment għas-snien tal-ħanżira jew għall-widnejn jew għad-dnub ta’ ħnieżer oħra. Qabel jitwettqu dawn il-proċeduri, għandhom jittieħdu miżuri oħrajn biex jiġi evitat il-gdim tad-denb u vizzji oħra, meta jiġu kkunsidrati l-ambjent u d-densitajiet tal-istokkjar. Għal din ir-raġuni kondizzjonijiet tal-ambjent jew sistemi ta’ ġestjoni mhux adegwati għandhom jinbidlu.

Saħħa

Ħnieżer morda jew imweġġgħin għandhom jitpoġġew f’interkjużuri individwali.

Għalf

Id-direttiva tipprevedi standard dwar l-għalf fi “kwantità suffiċjenti” u aċċess “permanenti” għal ilma tajjeb għax-xorb. Il-ħnieżer kollha għandu jkollhom aċċess għal ikel fl-istess ħin bħal annimali oħra fil-grupp. L-annimali għandhom jingħalfu tal-inqas darba f’jum.

Akkommodazzjoni

  • L-istandards dwar il-parti tal-art huma stabbiliti skont il-piż tal-annimal:
    • bejn 0.15 m2 għal ħnieżer li jiżnu inqas minn 10 kg u 1 m2 għal kull annimal ’il fuq minn 110 kg;
    • 1.64 m2 għal kull ħanżira żgħira mhux mgħammra;
    • 2.25 m2 għal kull ħanżira;
    • 6 m2 għal ħanżir selvaġġ (10 m2 jekk il-ħanżir selvaġġ jintuża għal servizzi naturali).
  • Xi standards tal-akkomodazzjoni ġew applikati biss mill-1 ta’ Jannar 2013 (għal bini li nbena qabel l-2003 jew wara d-data ta’ adeżjoni tal-UE).
  • L-art għandha tkun lixxa iżda mhux tiżloq sabiex tipprevjeni korriment għall-annimali.
  • Il-post fejn joqogħdu għandu jkunu komdu, nadif u xott.

Ambjent

Għandu jiġi evitat storbju kontinwu sa 85 dB. L-intensità tad-dawl għandha tkun tal-inqas 40 lux għal 8 sigħat.

Spezzjonijiet

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jagħmlu spezzjonijiet kull sena fuq kampjun statistikament rappreżentattiv.
  • Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tibgħat esperti veterinarji biex jagħmlu verifiki fuq il-post fl-irziezet bl-assistenza ta’ spetturi nazzjonali.

Regoli speċifiċi

Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw regoli aktar stretti fit-territorju tagħhom stess minn dawk stabbiliti f’din id-direttiva. F’dan il-każ, dawn għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe miżura bħal din minn qabel.

Regolament dwar il-kontrolli uffiċjali

Ir-Regolament (UE) 2017/625, il-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-kontrolli uffiċjali tal-ikel tal-bniedem u l-għalf tal-annimali, jemenda ċerti dettalji tekniċi żgħar tad-direttiva. Dawn it-tibdiliet se japplikaw mill-14 ta’ Diċembru 2019.

META TAPPLIKA DIN ID-DIRETTIVA?

Din ilha tapplika mill-10 ta’ Marzu 2009. Id-Direttiva 2008/120/KE hija l-verżjoni kodifikata tad-Direttiva 91/630/KEE u l-emendi sussegwenti tagħha. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw id-Direttiva oriġinali 91/630/KEE fil-liġi nazzjonali sal-1994 (u l-emendi tagħha sal-2003).

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 2008/120/KE tat-18 ta’ Diċembru 2008 li tistabbilixxi standards minimi għall-protezzjoni tal-majjali (verżjoni kodifikata) (ĠU L 47, 18.2.2009, pp. 5–13)

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (ĠU L 95, 7.4.2017, pp. 1–142)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 2017/625 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kodifikata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 23.10.2017

Top