Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ nagħaġ u mogħoż

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Il-Liġi tal-UE dwar is-saħħa tal-annimali' for an updated information about the subject.

L-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ nagħaġ u mogħoż

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament (KE) Nru 21/2004 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN IR-REGOLAMENT?

Huwa għandu l-għan li jiżgura t-traċċabilità * tal-annimali ovini u kaprini (nagħaġ u mogħoż) billi jeħtieġ li l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE) jimplimentaw sistema ta’ identifikazzjoni u reġistrazzjoni uniformi.

PUNTI EWLENIN

  • Kull pajjiż tal-UE għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ nagħaġ u mogħoż bl-elementi li ġejjin:
    • mezz ta’ identifikazzjoni għal kull annimal;
    • reġistri li jinżammu f’kull impriża b’informazzjoni dwar l-impriża, in-nies responsabbli għall-annimali, l-attività, it-tip ta’ produzzjoni u l-annimali miżmuma;
    • dokumenti taċ-ċaqliq, li għandhom jinżammu għal mill-inqas tliet snin, iżda li huma fakultattivi jekk il-pajjiż ikollu bażi ta’ data ċentralizzata fuq kompjuter li tinkludi ċ-ċaqliq tal-annimali;
    • reġistru ċentrali jew bażi ta’ data fuq kompjuter tal-impriżi kollha u taċ-ċaqliq ta’ lottijiet ta’ annimali fuq livell nazzjonali.
  • In-nagħaġ u l-mogħoż kollha għandu jkollhom żewġ identifikaturi bl-istess numru ta’ identifikazzjoni individwali uniku. Wieħed minnhom għandu jkun identifikatur elettroniku (EID, electronic identifier).
  • Identifikaturi viżibbli huma lametta tal-widna konvenzjonali, iżda jistgħu jkunu wkoll marka fuq il-pastern tal-annimal (faxxa tas-sieq). Tattoo tista’ tintuża wkoll sakemm l-annimal ma jkunx destinat sabiex jiġi kkummerċjalizzat bejn il-pajjiżi tal-UE. L-identifikaturi elettroniċi (EID, electronic identifiers) huma normalment lametti tal-widna elettroniċi, iżda jista’ jintuża wkoll bolus ruminali (EID li jinbela mill-annimal u li jista’ jiġi skennjat).
  • L-annimali li jkunu intenzjonati għall-qatla qabel l-età ta’ 12-il xahar, mhux maħsuba għall-kummerċ intra-UE jew għal-esportazzjoni lejn pajjiżi mhux tal-UE, jista’ jkollhom lametta tal-widna konvenzjonali viżibbli 1 biss.
  • Il-lametti ta’ identifikazzjoni għandu jkollhom fuqhom il-pajjiż tat-twelid u l-kodiċi tal-annimal individwali.
  • L-identifikazzjoni għandha ssir fi żmien sitt xhur mit-twelid u qabel ma l-annimal jitlaq mill-impriża ta’ oriġini tiegħu. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż għal disa’ xhur jekk l-annimali jinżammu f’kundizzjonijiet ta’ trobbija estensiva jew free-range. L-identifikazzjoni ta’ annimali importati minn barra l-UE għandha sseħħ fi żmien 14-il jum.
  • Il-pajjiżi tal-UE fejn in-numru totali ta’ nagħaġ u mogħoż huwa 600 000 jew inqas, jew fejn in-numru totali ta’ mogħoż biss huwa 160 000 jew inqas, jistgħu jagħmlu l-identifikazzjoni elettroniku fakultattiva jekk l-annimali ma jkunux maħsuba għal kummerċ bejn il-pajjiżi tal-UE.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jimponu pieni għall-ksur tar-regolament.
  • Ir-regolament ser jiġi rrevokat u sostitwit bir-Regolament (UE) 2016/429 b’effett mill-20 ta’ April 2021.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-29 ta’ Jannar 2004 għajr għall-Artikoli 14, 15 u 16 li ilhom japplikaw mid-9 ta’ Lulju 2005. Ċerti regoli fakultattivi saru obbligatorji mill-1 ta’ Jannar 2010.

* TERMINI EWLENIN

Traċċabilità: l-abbiltà li kwalunkwe ikel, għalf, annimal li jipproduċi l-ikel jew sustanza li tkun se tintuża għall-konsum jiġu ntraċċati fil-fażijiet kollha tal-produzzjoni, ipproċessar u distribuzzjoni .

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 tas-17 ta’ Diċembru 2003 li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali ovini u kaprini u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u d-Direttiva 91/102/KEE u 64/432/KEE (ĠU L 5, 9.1.2004, p. 8-17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 21/2004 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/968/KE tal-15 ta’ Diċembru 2006 li timplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward ta’ linji gwida u proċeduri għall-identifikazzjoni ta’ l-annimali ovini u kaprini (innotifikata taħt dokument numru C(2006) 6522) (OJ L 401, 30.12.2006, p. 41-45)

Ara l-verżjoni konsolidata

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1505/2006 tal-11 ta’ Ottubru 2006 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 21/2004 fir-rigward tal-livell minimu ta’ kontrolli li għandhom isiru fir-rigward ta’ l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ l-annimali bovini u l-kaprini (ĠU L 280, 12.10.2006, p. 3-6)

Ara l-verżjoni konsolidata

Regolament (UE) 2016/429 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar il-mard trasmissibbli tal-annimali u li jemenda u jħassar ċerti atti fil-qasam tas-saħħa tal-annimali (“Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali”) (ĠU L 84, 31.3.2016, p. 1-208)

l-aħħar aġġornament 04.10.2016

Top