EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema ta’ riżorsi proprji

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Sistema ta’ riżorsi proprji

Id-deċiżjoni ta’ riżorsi proprji tistabbilixxi dispożizzjonijiet bażiċi għall-finanzjament tal-baġit tal-Unjoni Ewropea.

ATT

Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta’ Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej

SOMMARJU

It-tħaddim tal-Unjoni Ewropea (UE) tiddependi minn baġit ibbilanċjat li huwa ffinanzjat totalment minn riżorsi proprji. Il-limitu tar-riżorsi proprji huwa miżmum sa 1.23 % tad-dħul gross nazzjonali (GNI) tal-Istati Membri kollha.

Hemm tliet kategoriji ta’ riżorsi proprji: riżorsi proprji tradizzjonali, ir-riżorsi proprji bbażati fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u r-riżorsi proprji bbażati fuq id-dħul gross nazzjonali (GNI). Sorsi oħrajn ta’ dħul jinkludu taxxi mħallsin minn uffiċjali, drittijiet imposti fuq ditti mill-Unjoni u interessi fuq dewmien ta’ ħlasijiet.

Riżorsi proprji tradizzjonali

Riżorsi proprji tradizzjonali jikkonsistu f’dazji doganali u imposti fuq il-produzzjoni taz-zokkor fi ħdan l-Unjoni. Stati Membri jistgħu iżommu, bħala spejjeż tal-ġbir, 25 % tal-ammonti miġburin.

Riżorsa tal-VAT

Rata uniformi ta’ 0.30 % tinġabar mill-bażi armonizzata tal-VAT ta’ kull Stat Membru. Il-bażi tal-VAT hija limitata għal 50 % tad-dħul gross nazzjonali ta’ kull pajjiż (GNI) L-għan ta’ din ir-regola huwa illi tipprevjeni milli Stati Membri aktar foqra jkollhom iħallsu ammont spropozjonat.

Riżorsi bbażati fuq il-GNI

Perċentwal uniformi huwa meħud mid-dħul gross nazzjonali (GNI) ta’ kull Stati Membru tal-UE Dan jintuża sabiex tkun iffinanzjata l-parti tal-baġit tal-UE li mhijiex koperta minn riżorsi proprji oħrajn u sorsi oħrajn ta’ dħul. L-għan huwa l-bilanċ bejn id-dħul u l-infiq.

Korrezzjonijiet favur ċerti Stati Membri

Il-korrezzjonijiet huma bbażati fuq il-prinċipju fejn kwalunkwe Stat Membru li jsostni piż baġitarju li huwa eċċesiv fir-rigward tal-prosperità relattiva tiegħu ikun probabbli li jibbenefika minn korrezzjoni meta jasal iż-żmien.

Il-pajjiżi li jibbenefikaw minn din it-tip ta’ miżura huma r-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

Ġbir ta’ riżorsi proprji

Il-metodu għall-ġbir ta’ riżorsi proprji huwa determinat minn dispożizzjonijiet nazzjonali li huwa eżaminati b’mod regolari mill-Kummissjoni. L-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni dwar xi anomaliji li jkollhom impatt finanzjarju fir-rigward tal-ġbir.

Modifikazzjoni għas-sistema tal-UE tar-riżorsi proprji

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni ssottomettiet deċiżjoni abbozz tal-Kunsill dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE għall-2014-2020. Id-Deċiżjoni, li ġiet adottata mill-Kunsill f’Mejju 2014, se tidħol fis-seħħ biss meta ratifikata mill-Istati Membri kollha. Madankollu, ladarba tidħol fis-seħħ, tkun tapplika b’mod retroattiv b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014.

REFERENZI

Att

Dħul fis-seħħ - Data ta' skadenza

Terminu għat-traspożizzjoni fl-Istati Membri

Il-Ġurnal Uffiċjali

Deċiżjoni Nru. 2007/436/KE, Euratom

1.1.2007

-

ĠU L 163 tat-23.6.2007

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru. 1287/2003 tal-15 ta' Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 97/245/KE ta' l-20 ta Marzu 1997 li tippreskrivi l-arranġamenti għat-trażmissjoni ta' informazzjoni lill-Kummissjoni mill-Istati Membri taħt is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Kummissjoni (ĠU L 97, 12.4.1997)

Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru. 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta' riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989)

Proposta għal REGOLAMENT TAL-KUNSILL dwar il-metodi u l-proċedura għat-tqegħid tad-dispożizzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq taxxa fuq il-valur miżjud (COM(2011) 737 final - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

Din il-proposta, li għandha tirrevoka u tissostitwixxi r-Regolament (KEE, Euratom) Nru. 1553/89, għandha l-għan li tiddefinixxi l-metodu li għandu jintuża mill-Istati Membri sabiex jikkalkolaw ir-riżorsi proprji tal-VAT il-ġodda kif ukoll il-proċeduri għad-disponibilità tagħha għall-baġit tal-UE.

Rapport tal-Kummissjonilill-Kunsill u lill-Parlamet Ewropew - Is-seba' rapport skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KEE Euratom) no 1553/89 dwar il-ġbir tal-VAT u l-proċeduri ta' kontroll (COM(2014) 69 final - mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014).

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru. 608/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi miżuri li jimplimentaw is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 7.6.2014).

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru. 609/2014 tas-26 ta' Mejju 2014 dwar il-metodi u l-proċedura li jintużaw biex jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi proprji tradizzjonali, dawk ibbażati fuq il-VAT u dawk ibbażati fuq l-ING u dwar il-miżuri li jissodisfaw il-ħtiġijiet fi flus kontanti (Tfassil mill-ġdid) (ĠU L 168, 7.6.2014).

L-aħħar aġġornament: 11.06.2014

Top