Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro

Midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Ir-Regolament (KE) Nru 2182/2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti ta' l-euro

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jistabbilixxi kundizzjonijiet uniformi għall-produzzjoni ta’ midalji u tokens simili għall-muniti tal-euro biex jipproteġi liċ-ċittadini mir-riskju ta’ konfużjoni jew frodi.
  • Minn naħa waħda, dan jiddefinixxi l-użu tat-termini relatati mal-euro, u min-naħa l-oħra, il-grad tax-xebh tekniku bejn il-midalji/it-tokens u l-muniti tal-euro.

PUNTI EWLENIN

  • Ir-Regolament huwa maħsub biex jipproteġi l-pubbliku mir-riskju ta’ konfużjoni jew frodi kkawżat minn oġġetti metalliċi, bħal midalji u tokens, b’xebh kbir mal-muniti tal-euro. Mhux biss jistgħu tali midalji u tokens bi żball jaħsbuhom valuta legali (aċċettati jekk jiġu offruti fi ħlas bħal muniti jew karti), jistgħu wkoll jintużaw illegalment minflok muniti tal-euro.
  • Għall-għanijiet ta' dan ir-Regolament, midalji u tokens huma definiti bħala oġġetti metalliċi li għandhom id-dehra u/jew il-proprjetajiet tekniċi tal-muniti tal-euro, imma li mhumiex maħruġa taħt miżuri leġislattivi nazzjonali jew ta’ pajjiż mhux tal-UE li jkun qed jipparteċipa jew miżuri leġislattivi oħra barranin, u li għalhekk la huma mezz legali ta' ħlas u lanqas valuta legali.
  • Ir-Regolament jipprojbixxi l-produzzjoni, il-bejgħ, l-importazzjoni u d-distribuzzjoni (għall-bejgħ jew għal għanijiet kummerċjali oħra) ta' midalji u tokens li għandhom karatteristiċi viżwali jew propjetajiet simili għall-munita unika.
  • Midalji u tokens ma jistax ikollhom
    • it-terminu “euro” jew “euro ċenteżmu” jew
    • is-simbolu tal-euro fuq il-faċċata tagħhom.
  • Dawn ma jistgħux jinkludu wkoll
    • kwalunkwe disinn simili għad-disinji li jidhru fuq il-muniti tal-euro,
    • simboli li jirrappreżentaw is-sovranità tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea (UE),
    • il-forma tax-xifer jew id-disinn tal-muniti tal-euro jew is-simbolu tal-euro.
  • Fl-aħħar nett, midalji u tokens ma jistgħux ikun l-istess daqs tal-muniti tal-euro. Il-Kummissjoni Ewropea se tispeċifika jekk oġġett metalliku huwiex midalja jew token u jekk il-projbizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament japplikawx.
  • Midalji u tokens li għandhom it-terminu “euro” jew “euro ċenteżmu” jew is-simbolu tal-euro mingħajr valur nominali huma permessi, sakemm id-daqs tagħhom huwa differenti biżżejjed minn dak tal-muniti tal-euro u ma jinkludux disinn simili għad-disinji u s-simboli elenkati hawn fuq. Jekk, madanakollu, huma simili ħafna fid-daqs, għandu jkollhom toqba fin-nofs jew jifformaw poligonu li ma jaqbiżx sitt ixfar, jew ikunu magħmulin minn deheb jew fidda jew platinu, jew ikunu b'mod konsistenti barra mill-limiti definiti speċifikati.
  • Il-Kummissjoni tista’ tagħti awtorizzazzjonijiet speċifiċi għall-użu tat-terminu “euro” jew “euro ċenteżmu” jew is-simbolu tal-euro meta ma jkunx hemm riskju ta’ konfużjoni. F'dawn il-każijiet, l-operatur ekonomiku konċernat f’pajjiż tal-UE għandu jkun kjarament identifikabbli fuq il-faċċata tal-midalja jew token.
  • Jekk il-midalja jew token ikollha wkoll valur nominali assoċjat, l-indikazzjoni “mhux valuta legali” għandha tiġi stampata fuq in-naħa prinċipali jew fuq wara wkoll.
  • Id-denominazzjonijiet u speċifikazzjonijijiet tekniċi tal-muniti tal-euro, l-uniċi muniti li għandhom valuta legali fiż-żona tal-euro, huma stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 729/2014.
  • Midalji u tokens li ħarġu qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament setgħu jintużaw sal-aħħar tal-2009, sakemm ma ntużawx minflok muniti tal-euro. Tali midalji u tokens għandhom jiġu rreġistrati skont il-proċeduri applikabbli fil-pajjiżi tal-UE u kkomunikati liċ-Ċentru Tekniku u Xjentifiku Ewropew.
  • Dan ir-Regolament huwa applikabbli fil-pajjiżi kollha tal-UE li daħħlu l-euro fl-2002 (l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja). L-ambitu tiegħu huwa estiż mir-Regolament (KE) Nru 2183/2004, kif emendat mir-Regolament (KE) Nru 47/2009, għall-pajjiżi tal-UE li għadhom ma introduċewx l-euro. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jistabbilixxu u jimplimentaw regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tar-Regolament sal-1 ta’ Lulju 2005.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2004.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2182/2004 tas-6 ta’ Diċembru 2004 dwar midalji u tokens simili għall-muniti ta' l-euro (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2182/2004 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 02.02.2017

Top