Is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali
SOMMARJU TA’:
Deċiżjoni 2002/348/GAI — is-sigurtà f'logħbiet tal-futbol internazzjonali
X'INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?
- Hi għandha l-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-vjolenza relatata mal-futbol sabiex tiġi żgurata s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE, billi tiddeskrivi l-metodi għaż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti tal-futbol.
- Hi tistabbilixxi punti nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol sabiex tippermetti l-iskambju ta' informazzjoni, il-kooperazzjoni transkonfinali u ż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti tal-futbol internazzjonali.
PUNTI EWLENIN
-
Il-pajjiżi tal-UE jridu jistabbilixxu punt nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-futbol biex jappoġġjaw iż-żamma tal-ordni mill-pulizija f'avvenimenti internazzjonali tal-futbol tal-ogħla livell bejn timijiet minn pajjiżi differenti. Dawn għandhom il-kompitu li:
- jikkoordinaw u jippermettu l-kooperazzjoni internazzjoni bejn il-pulizija u l-iskambju ta' informazzjoni;
- jikkondividu informazzjoni dwar sostenituri ta’ riskju għoli;
- jassistu lill-awtoritajiet nazzjonali fejn ikun meħtieġ;
- iwettqu valutazzjoni tar-riskju tal-klabbs u tat-tim nazzjonali tal-pajjiż tagħhom stess u jaqsmu din mal-pajjiżi l-oħra tal-UE.
-
L-informazzjoni tiġi kondiviża qabel, matul u wara avveniment tal-futbol kif ġej:
- informazzjoni strateġika, li tispeċifika l-aspetti kollha tal-avveniment, b'referenza partikolari għal kwalunkwe riskju ta-sigurtà;
- informazzjoni operazzjonali, li tipprovdi stampa tal-proċeduri fil-kors tal-ġrajja;
- informazzjoni tattika, li tippermetti li tittieħed azzjoni xierqa biex jinżammu l-ordni u s-sigurtà, u kwalunkwe feedback wara l-avveniment.
- L-informazzjoni hi kunfidenzjali u għandha tingħata fi żmien xieraq, b'salvagwardji dwar l-iskambju ta' data personali, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali rilevanti.
- Id-Deċiżjoni 2002/348/GAI ġiet emendata fl-2007 mid-Deċiżjoni 2007/412/GAI dwar is-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali.
- Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-2003 staqsiet lill-pajjiżi tal-UE biex jikkunsidraw jipprojbixxu l-individwi li qabel wettqu atti ta' vjolenza f'avvenimenti tal-futbol milli jidħlu fl-istadiums tal-futbol. Hi inkludiet il-possibbiltà li l-projbizzjonijiet jestendu għall-pajjiżi l-oħra tal-UE, sostnuti minn pieni għal nuqqas ta’ konformità.
- Il-Ktejjeb għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija, il-“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”, li oriġinarjament ġie introdott fl-1999 u li ġie aġġornat mir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-4 ta' Diċembru 2006, it-3 ta' Ġunju 2010 u d-29 ta' Novembru 2016, jipprovdi mudell biex tiġi skambjata l-informazzjoni.
-
Il-manwal jiddeskrivi l-arranġamenti għal:
- il-ġbir tal-intelligence;
- ir-rikonjizzjoni;
- ir-rwol ta' spotters jew informaturi tal-pulizija;
- il-kontroll tal-folla;
- il-komunikazzjoni mal-partitarji u mal-midja;
- il-kundizzjonijiet li taħthom l-uffiċjali tal-pulizija jistgħu jgħinu direttament f'pajjiżi oħra.
- F'deċiżjoni tal-2014, il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) qablu li jagħtu spinta lill-kooperazzjoni u lid-djalogu, inklużi azzjonijiet biex jiżdiedu l-isforzi kontra l-vjolenza fl-istadiums tal-futbol. Huma jorganizzaw laqgħat ta' livell għoli mill-inqas darba fis-sena sabiex jivvalutaw il-progress.
META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?
Hi bdiet tapplika mid-9 ta' Mejju 2002.
SFOND
Għal aktar informazzjoni, ara:
DOKUMENT EWLIENI
Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/348/GAI tal-25 ta' April 2002 li tikkonċerna s-sigurtà b'konnessjoni ma' logħbiet tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali (ĠU L 121, 8.5.2002, pp. 1–3)
L-emendi sussegwenti tad-Deċiżjoni 2002/348/GAI ġew inkorporati fit-test bażiku. Il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2003 dwar l-użu mill-Istati Membri ta’ projbizzjonijiet għall-aċċess għal postijiet fejn isiru logħbiet tal-futbol b’dimensjoni internazzjonali (ĠU C 281, 22.11.2003, p. 1-2)
Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar manwal aġġornat b'rakkomandazzjonijiet għall-kooperazzjoni internazzjonali bejn il-pulizija u miżuri għall-prevenzjoni u l-kontroll ta' vjolenza u inkwiet marbuta ma' partiti tal-futbol b'dimensjoni internazzjonali, fejn ikun involut tal-anqas Stat Membru wieħed (“Manwal tal-UE dwar il-Futbol”) (ĠU C 444, 29.11.2016. pp. 1-36)
Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2014 li tadotta l-Arranġament għall-Kooperazjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Assoċjazzjonijiet Ewropej tal-Futbol (UEFA) (C(2014) 7378 final tal-14.10.2014)
l-aħħar aġġornament 14.09.2017
Top