Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Vjaġġi kollox kompriż (sal-2018)

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Pakkett tal-ivvjaġġar — drittijiet tal-konsumatur (mill-2018)' for an updated information about the subject.

Vjaġġi kollox kompriż (sal-2018)

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 90/314/KEE dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din toħloq standards minimi uniformi li japplikaw għall-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż fl-Unjoni Ewropea (UE).
  • Għalhekk hija tippermetti lill-konsumaturi jixtru dawn is-servizzi b’livell massimu ta’ garanziji fi ħdan is-suq intern tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Pakkett huwa taħlita ta’ żewġ tipi ta’ servizzi ta’ vjaġġar differenti (trasport, akkomodazzjoni u servizzi turistiċi oħrajn) li jissodisfa ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

  • irid ikopri perjodu ta’ aktar minn erbgħa u għoxrin siegħa jew akkomodazzjoni ta’ bil-lejl; u
  • irid jinbiegħ għal prezz inklużiv.

Informazzjoni għall-konsumatur

  • Kwalunkwe fuljett li jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konsumatur irid jindika b’mod ċar u preċiż:
    • il-prezz;
    • id-destinazzjoni, l-itinerarju u l-mezzi ta’ trasport użati;
    • it-tip ta’ akkomodazzjoni;
    • il-pjan tal-ikel;
    • ir-rekwiżiti tal-passaport u tal-viża;
    • il-formalitajiet tas-saħħa;
    • l-iskeda għall-pagament;
    • l-iskadenza biex il-konsumatur jiġi informat jekk jitħassar.
  • L-informazzjoni li tinsab f’dan il-fuljett hija vinkolanti għall-organizzatur. Fil-każ ta’ bidliet għal din l-informazzjoni, il-konsumatur irid jiġi informat b’mod ċar sabiex ikun jista’ jagħti l-kunsens tiegħu.
  • Qabel jiġi konkluż il-kuntratt, l-organizzatur irid jipprovdi ċerta informazzjoni dwar passaporti, viżi (perjodi biex dawn jinkisbu) u formalitajiet tas-saħħa bil-miktub.
  • Qabel jibda l-vjaġġ, l-organizzatur irid jipprovdi, bil-miktub:
    • il-ħinijiet u l-postijiet tal-waqfiet intermedji u l-konnessjonijiet tat-trasport, kif ukoll dettalji tal-akkomodazzjoni;
    • l-isem, l-indirizz u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant lokali tal-organizzatur, jew, fin-nuqqas ta’ dan, numru tat-telefon ta’ emerġenza;
    • ċerti dettalji addizzjonali fil-każ ta’ vjaġġi li jinvolvu t-tfal;
    • informazzjoni dwar kuntratti fakultattivi li jkopru l-assigurazzjoni jew l-assistenza.

Bidliet għall-kuntratt

  • Il-konsumatur jista’ jittrasferixxi l-prenotazzjoni tiegħu jew tagħha lil persuna oħra li tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa mill-pakkett, u jinforma lill-organizzatur jew lill-bejjiegħ fi żmien raġonevoli qabel it-tluq. Il-konsumatur oriġinali se jkun responsabbli flimkien u separatament għall-ħlas tal-bilanċ dovut, u għal kwalunkwe spiża addizzjonali, flimkien mal-persuna li tkun aċċettat il-prenotazzjoni ttrasferita.
  • Il-prezzijiet iddikjarati fil-kuntratt ma jistgħux jinbidlu sakemm il-kuntratt ma jipprovdix għal din il-possibbiltà espressament. F’każ bħal dan, huma rilevanti biss varjazzjonijiet fl-ispejjeż tat-trasport, drittijiet, taxxi jew tariffi li jistgħu jiġu imposti u rati tal-kambju.
  • Jekk l-organizzatur ibiddel il-kuntratt b’mod sinifikanti, il-konsumatur jista’ jew jirtira mill-kuntratt mingħajr piena; jew jaqbel mal-bidliet billi jaċċetta emenda (jiġifieri klawżola addizzjonali) għall-kuntratt.

Kanċellament jew nuqqas ta’twettiq tal-kuntratt

  • Jekk il-konsumatur ma jaqbilx mal-bidliet tal-organizzatur u jirtira mill-kuntratt, jew jekk l-organizzatur jikkanċella l-pakkett, il-konsumatur għandu d-dritt li jieħu pakkett alternattiv (meta dan jiġi offrut) jew li jiġi rrimborsat għas-somom imħallsa. Fejn ikun xieraq, il-konsumatur huwa intitolat għal kumpens għan-nuqqas tat-twettiq tal-kuntratt.
  • L-organizzatur huwa responsabbli effettivament għan-nuqqas ta’ twettiq jew it-twettiq mhux xieraq tal-kuntratt, ħlief meta l-konsumatur ikollu tort jew għal raġunijiet ta’ force majeure*.

Regoli ġodda minn Lulju 2018

Id-Direttiva 90/314/KEE se tiġi revokata u sostitwita mid-Direttiva (UE) 2015/2302 mill-1 ta’ Lulju 2018. Id-direttiva l-ġdida se testendi l-protezzjoni lil hinn mill-vaganzi kollox kompriż tradizzjonali organizzati mill-operaturi tat-tours. Se tipproteġi lill-konsumaturi li jipprenotaw forom oħra ta’ vjaġġar ikkombinat, eż. il-kombinazzjoni ta’ titjira flimkien mal-lukanda jew il-kiri ta’ karozza offruti flimkien fuq websajt.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mit-18 ta’ Ġunju 1990. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-31 ta’ Diċembru 1992.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Force majeur: avveniment li ma jistax jiġi antiċipat jew li, jekk ikun antiċipat, ikun wisq qawwi biex jiġi kkontrollat, jiġifieri ma jistax jiġi evitat permezz tal-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta, bħal diżastru naturali.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE tat13 ta’ Ġunju 1990 dwar il-vjaġġi kollox kompriż (package travel), il-vaganzi kollox kompriż u t-tours kollox kompriż (ĠU L 158, 23.6.1990, p. 59-64

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22-39)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2005/29/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija biss ta' valur dokumentarju.

Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta, li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 90/314/KEE (ĠU L 326, 11.12.2015, p. 1–33)

l-aħħar aġġornament 27.03.2017

Top