EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-konsumaturi minn klawżoli inġusti fil-kuntratti

Il-protezzjoni tal-konsumaturi minn klawżoli inġusti fil-kuntratti

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva 93/13/KEE tipproteġi lill-konsumaturi fl-UE minn klawżoli u kundizzjonijiet inġusti li jistgħu jiġu inklużi f’kuntratt standard għall-prodotti u s-servizzi li jixtru. Din tintroduċi l-kunċett ta’ “buona fede” sabiex jiġi evitat kwalunkwe żbilanċ sinifikanti fid-drittijiet u l-obbligi reċiproċi.
  • Bħala parti mill-Patt Ġdid għall-Konsumaturi, id-Direttiva 93/13/KEE ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2019/2161, li għandha l-għan li timmodernizza l-liġi tal-konsumatur tal-UE u ttejjeb l-infurzar tagħha.

PUNTI EWLENIN

Id-Direttiva 93/13/KEE

  • Il-prodotti u s-servizzi involuti, iċ-ċirkostanzi tat-tranżazzjoni u t-termini u l-kundizzjonijiet l-oħrajn kollha għandhom jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk klawżola f’kuntratt hijiex ġusta jew le.
  • Il-prezz effettivament imħallas għall-prodotti jew għas-servizzi ma jitqiesx f’din il-valutazzjoni, sakemm il-klawżola inkwistjoni ma tkunx miktuba b’mod ċar u li jinftiehem.
  • Id-direttiva fiha lista mhux eżawrjenti u indikattiva ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti. Dawn jinkludu li l-konsumaturi jintalbu jħallsu kumpens mhux raġonevoli jew li jintrabtu b’termini li ma kellhomx biżżejjed żmien biex jifhmu kompletament qabel iffirmaw il-kuntratt.
  • Il-kliem tal-kuntratti kollha bil-miktub għandu jkun b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Meta jkun hemm dubju dwar it-tifsira ta’ terminu, dan għandu jiġi interpretat b’mod favorevoli għall-konsumatur.
  • Klawżoli kuntrattwali meqjusa inġusti mhumiex vinkolanti fuq il-konsumaturi, iżda l-bqija tal-kuntratt jibqa’ validu fejn dan ikun legalment possibbli.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li jkun hemm rimedji effettivi biex jiġi evitat li jkomplu jintużaw klawżoli inġusti fil-kuntratti.
  • Organizzazzjonijiet jew individwi b’interess leġittimu biex jipproteġu d-drittijiet tal-konsumaturi jistgħu jidħlu l-qorti biex jevitaw li tkompli tapplika klawżola kuntrattwali inġusta.
  • Fl-2019, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet nota ta’ gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva 93/13/KEE. Din isservi biex tiġi ppreżentata l-ġurisprudenza rikka tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar din id-direttiva b’mod strutturat biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tad-direttiva fil-pajjiżi tal-UE u taż-Żona Ekonomika Ewropea.

Penali

  • L-emendar tad-Direttiva (UE) 2019/2161 jirrikjedi li l-pajjiżi tal-UE jintroduċu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jikkastigaw lin-negozjanti li jiksru r-regoli dwar klawżoli kuntrattwali inġusti abbażi ta’ sett ta’ parametri. Dawn il-kriterji jinkludu:
    • in-natura, is-serjetà, l-iskala u d-dewmien tal-ksur;
    • kwalunkwe azzjoni meħuda min-nezjonat biex itaffi jew jirrimedja d-dannu mġarrab mill-konsumaturi;
    • kwalunkwe ksur preċedenti min-negozjant;
    • penali imposti fuq in-negozjant għall-istess ksur f’pajjiżi oħra tal-UE f’każijiet transfruntiera fejn l-informazzjoni dwar dawn il-penali hija disponibbli permezz tal-mekkaniżmu stabbilit bir-Regolament (UE) 2017/2394 (ara s-sommarju).
  • Skont id-direttiva l-ġdida, il-pajjiżi tal-UE għandhom ikunu jistgħu jimponu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi fejn, b’rabta ma’ azzjonijiet ikkoordinati skont ir-Regolament (UE) 2017/2394, jidentifikaw ksur transfruntier kbir li jaffettwa lill-konsumaturi f’diversi pajjiżi tal-UE. Il-multi għandhom ikunu jistgħu jilħqu 4 % tal-fatturat ta’ negozjant, jew EUR 2 miljun meta l-informazzjoni dwar il-fatturat tan-negozjant ma tkunx disponibbli.

MINN META BDEW JAPPLIKAW ID-DIRETTIVI?

  • Id-Direttiva 93/13/KEE ilha tapplika mis-16 ta’ April 1993 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-13 ta’ Diċembru 1994.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2019/2161 għandha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-28 ta’ Novembru 2021. Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw ir-regoli mit-28 ta’ Mejju 2022.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 95, 21.4.1993, pp. 29-34)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 93/13/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata għandha biss valur dokumentarju.

Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur (ĠU L 328, 18.12.2019, pp. 7-28)

DOKUMENTI RELATATI

Avviż tal-Kummissjoni — Gwida dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU L 323, 27.9.2019, pp. 4-92)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew — Patt Ġdid għall-Konsumaturi (COM(2018) 183 final, 11.4.2018)

Ir-Regolament (UE) 2017/2394 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2006/2004 (ĠU L 345, 27.12.2017, pp. 1-26)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 10.03.2020

Top