Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment

Speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 708/2007 — l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal:

  • caqliq ta’ speċijiet aljeni (introduzzjonijiet)* jew speċijiet li ma jinstabux lokalment (traslokazzjonijiet)* għall-użu tagħhom fl-akkwakultura fl-UE;
  • it-tipi kollha ta’ installazzjoni ta’akkwakultura. Madankollu, dan jistabbilixxi regoli speċjali dwar faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura. Iċ-ċaqliq ta’ speċijiet mhux indiġeni jew li ma jinstabux lokalment li għandhom jinżammu f’faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jistgħu jiġu eżentati mill-ħtieġa li jinkiseb permess bil-kundizzjoni li jkunu trasportati skont kundizzjonijiet li jimpeduhom milli jinxterdu fl-ambjent. Il-pajjiżi tal-UE għandhom iżommu lista aġġornata regolarment tal-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura.

Dan ma japplikax għal:

  • traslokazzjonijiet ta’ organiżmi fil-pajjiżi tal-UE, ħlief jekk ikun hemm riskju għall-ambjent;
  • ħwienet tal-annimali domestiċi, ċentri tal-ġardinaġġ jew akwarji fejn ma jkunx hemm kuntatt mal-ilmijiet tal-UE;
  • l-ispeċijiet elenkati fl-Anness IV, ħlief għal ċerti każijiet.

Ikopri l-ispeċijiet akkwatiċi kollha, inkluż kwalunkwe parti li tista’ tibqa’ ħajja u tirriproduċi.

Miżuri biex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-bijodiversità

Il-pajjiżi tal-UE għandhom:

  • jintroduċu miżuri biex jevitaw effetti negattivi fuq il-bijodiversità li jirriżultaw miċ-ċaqliq ta’ organiżmi akkwatiċi għal skopijiet ta’ akkwakultura u mit-tixrid ta’ dawk l-organiżmi;
  • jimmonitorjaw u jispezzjonaw attivitajiet tal-akkwakultura biex jiżguraw li
    • l-faċilitajiet magħluqa tal-akkwakultura jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti minn dan ir-Regolament; u
    • li t-trasport lejn jew minn tali faċilitajiet iseħħ taħt kundizzjonijiet li jipprevjenu l-ħrib ta’ speċijiet aljeni jew speċijiet mhux fil-mira.

Permessi

Kull moviment ta’ organiżmu akkwatiku aljen lejn faċilità tal-akkwakultura jeħtieġ permess maħruġ mill-pajjiż tal-UE riċeventi. Biex jikseb dan il-permess, l-operatur tal-akkwakultura għandu jissottometti applikazzjoni li tipprovdi ċerta informazzjoni, inkluż:

  • l-isem u l-karatteristiċi tal-organiżmu kkonċernat;
  • id-destinazzjoni proposta u r-raġuni għaċ-ċaqliq;
  • l-impatt potenzjali fuq l-ambjent;
  • il-miżuri biex ikun ġestit u mmonitorjat iċ-ċaqliq, eċċ.

Ċaqliq ta’ rutina

Fil-każ ta’ moviment minn sors magħruf li ma joħloqx riskju għall-ambjent, l-awtorità kompetenti tista’ toħroġ permess li jindika, fejn applikabbli, rekwiżiti għal kwarantina* jew rilaxx pilota*.

Ċaqliq mhux ta’ rutina

Fil-każ ta’ ċaqliq mhux ta’ rutina, trid titwettaq valutazzjoni tar-riskju ambjentali. Jekk il-livell ta’ riskju jiġi stmat li huwa medju jew għoli, l-applikant u l-amministrazzjoni kkonċernati għandhom jeżaminaw jekk hemmx modi kif ir-riskju jitnaqqas għal livell baxx. Jekk il-livell ta’ riskju jitnaqqas għal wieħed baxx, l-awtorità kompetenti tista’ toħroġ permess li jindika, fejn xieraq, rekwiżiti għall-kwarantina, ir-rilaxx pilota jew il-monitoraġġ*.

Ċaqliq li jaffettwa lil pajjiżi tal-UE ġirien

Il-pajjiżi tal-UE li x’aktarx jiġu affettwati minn ċaqliq ta’ organiżmi tal-baħar għandhom jiġu infurmati u jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni Ewropea, li se tikkonferma, tħassar jew temenda l-permess.

Reġistru

Il-pajjiżi tal-UE għandhom iżommu reġistru tal-introduzzjonijiet u tat-traslokazzjonijiet li jkun fih l-informazzjoni kollha relatata magħhom. Ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli għall-pubbliku.

Il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE ddedikaw paġna web speċifika għar-regolament u r-reġistru huwa ġeneralment aċċessibbli minnha.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2009, minbarra l-Kapitoli I u II, kif ukoll l-Artikolu 24 (regoli dettaljati u adattament għall-progress tekniku) li ilhom japplikaw mit-18 ta’ Lulju 2007.

SFOND

Speċijiet aljeni invażivi huma waħda mill-kawżi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, kemm jekk permezz ta’:

  • bidliet ġenetiċi;
  • id-deterjorament jew il-modifika tal-ħabitats;
  • it-tixrid ta’ aġenti u parassiti patoġeniċi; jew
  • is-sostituzzjoni ta’ speċijiet indiġeni fin-niċċa ekoloġika li jokkupaw.

Dan l-impatt ambjentali għandu riperkussjonijiet ekonomiċi u soċjali kbar.

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI PRINĊIPALI

Akkwakultura: it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi bl-użu ta’ tekniċi mfassla biex iżidu l-produzzjoni ta’ dawk l-organiżmi lil hinn mill-kapaċità naturali tal-ambjent. L-organiżmi jibqgħu l-proprjetà ta’ persuna fiżika jew ġuridika matul it-trobbija jew il-kultivazzjoni, sa u inkluż il-ħsad.
Speċijiet li ma jinstabux lokalment: kwalunkwe speċi akkwatika li ma tinstabx lokalment minn żona fi ħdan il-firxa naturali ta’ distribuzzjoni tagħha għal raġunijiet bijoġeografiċi.
Speċijiet aljeni:
  • kwalunkwe speċi akkwatika li tinsab barra mill-firxa naturali magħrufa tagħha u miż-żona tal-potenzjal ta’ tixrid tagħha;
  • kwalunkwe organiżmu li fih in-numru ta’ kromożomi jkun ġie rduppjat permezz ta’ tekniki artifiċjali; u
  • speċijiet fertili artifiċjalment ibridizzati.
Introduzzjonijiet: il-proċess li bih speċi aljena tiġi mċaqilqa intenzjonalment għal ambjent barra mill-firxa naturali tagħha sabiex tintuża fl-akkwakultura.
Traslokazzjonijiet: il-proċess li bih speċi li ma tinstabx lokalment tiġi mċaqilqa intenzjonalment fi ħdan il-firxa naturali tagħha sabiex tintuża fl-akkwakultura għal żona fejn ma kinitx teżisti qabel.
Kwarantina: l-iskop ta’ dan huwa li l-organiżmi kkonċernati jinżammu f’iżolament totali għal żmien twil biżżejjed biex jiġi stabbilit stokk riproduttiv, sabiex jinstabu speċijiet aċċidentalment preżenti u sabiex jiġi kkonfermat in-nuqqas ta’ patoġeni u mard. Il-faċilità ta’ kwarantina trid tikkonforma ma’ speċifikazzjonijiet dettaljati f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti bir-regolament (Anness III).
Rilaxx pilota: il-fażi inizjali ta’ rilaxx fuq skala limitata ta’ organiżmi akkwatiċi soġġetti għal miżuri speċjali ta’ trażżin u prevenzjoni. Għandu jitfassal pjan ta’ kontinġenza sabiex l-organiżmi inkwistjoni jkunu jistgħu jitneħħew jew jitnaqqsu fid-densità fil-każ ta’ riskji mhux previsti għall-ambjent jew għall-popolazzjonijiet indiġeni.
Monitoraġġ: dan għandu jitwettaq għal mill-inqas sentejn wara r-rilaxx tal-organiżmi fl-ambjent il-ġdid tagħhom, biex jiġi vvalutat jekk l-impatti kinux previsti b’mod preċiż jew jekk kienx hemm impatti addizzjonali jew differenti.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 tal-11 ta’ Ġunju 2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 168, 28.6.2007, p. 1-17)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 708/2007 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss għal skopijiet ta’ referenza.

DOKUMENTI RELEVANTI

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 535/2008 tat-13 ta’ Ġunju 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljat għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċijiet aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 156, 14.6.2008, p. 6-9)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 506/2008 tas-6 ta’ Ġunju 2008 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi[jiet] aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 149, 7.6.2008, p. 36-37)

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/516 tas-26 ta’ Ottubru 2021 li jemenda l-Anness IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 708/2007 dwar l-użu ta’ speċi aljeni u li ma jinstabux lokalment fl-akkwakultura (ĠU L 104, 1.4.2022, p. 51-52)

l-aħħar aġġornament 01.04.2022

Top