Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE: Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali

Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE: Kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali

 

SOMMARJU TA’:

In-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE

X’INHU L-GĦAN TAN-NOTIFIKA?

  • Din tistabbilixxi kif il-Kummissjoni Ewropea u l-qrati nazzjonali jikkooperaw meta l-qrati nazzjonali japplikaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) (preċedentement l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea):
    • L-Artikolu 101 jipprojbixxi l-kartelli u l-imġiba anti-kompetittiva;
    • L-Artikolu 102 jipprojbixxi kull abbuż minn pożizzjoni dominanti.
  • In-notifika għandha l-għan li tgħin lill-qrati nazzjonali meta japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Din la torbot lilhom u lanqas ma taffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-gvernijiet tal-UE jew tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi.
  • Avviż separat tal-Kummissjoni jkopri l-kooperazzjoni fi ħdan in-network tal-awtoritajiet kompetenti.

PUNTI EWLENIN

Il-qrati nazzjonali tal-pajjiżi ta-UE:

  • jistgħu japplikaw l-Artikoli 101 u 102 fi proċedimenti amministrattivi, ċivili jew kriminali;
  • m’għandhomx bżonn japplikaw il-liġi nazzjonali dwar il-kompetizzjoni b’mod parallel;
  • għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għal kwalunkwe prattika miftiehma li tkun qed tiġi ttrattata skont il-liġi nazzjonali jekk dawn jistgħu jaffettwaw il-kummerċ transkonfinali;
  • għandhom jirrispettaw il-prinċipju tas-supremazija tal-liġi tal-UE u m’għandhomx joħorġu sentenza li tkun kontra r-regoli tal-UE;
  • jinforzaw deċiżjonijiet jew regolamenti tal-Kummissjoni dwar ċerti kategoriji ta’ ftehimiet, deċiżjonijiet jew prattiki miftiehma;
  • huma marbuta bil-każistika tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u bir-regolamenti tal-Kummissjoni;
  • jekk ma jkunx hemm dispożizzjonijiet legali speċifiċi tal-UE, japplikaw il-liġi proċedurali nazzjonali u s-sanzjonijiet filwaqt li jiżguraw li dawn ikunu kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tal-UE.

Regoli speċifiċi japplikaw jekk qorti nazzjonali u l-Kummissjoni jkunu t-tnejn involuti fl-istess każ ta’ kompetizzjoni tal-UE. Il-qorti nazzjonali ma tistax tadotta deċiżjoni li:

  • tista’ tkun f’kunflitt ma’ deċiżjoni sussegwenti li tkun għadha ma nħarġitx mill-Kummissjoni. Il-qorti nazzjonali tista’ titlob lill-Kummissjoni dwar il-progress fil-proċedimenti u l-probabbiltà ta’ deċiżjoni fil-każ. Il-qorti nazzjonali tista’ tistenna sakemm il-Kummissjoni tkun laħqet deċiżjoni;
  • tkun f’kunflitt ma’ deċiżjoni li l-Kummissjoni kienet diġà ħadet. Madankollu, jekk tkun qed tikkunsidra li tagħmel dan u jkollha dubji dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, il-qorti nazzjonali tista’ tirreferi mistoqsija lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni.

Il-Kummissjoni u l-qrati nazzjonali għandhom dmir reċiproku ta’ kooperazzjoni leali, fejn tal-ewwel tassisti lil dawn tal-aħħar meta japplikaw il-liġi tal-UE u tal-aħħar jgħinu lil tal-ewwel biex twettaq il-kompiti tagħha.

Il-Kummissjoni għandha:

  • tirrispetta l-indipendenza tal-qrati nazzjonali;
  • tkun newtrali u oġġettiva meta tagħti l-għajnuna;
  • ma sservix l-interessi privati ta’ parti involuta fil-każ.

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ara s-sommarju) jipprovdi għall-aktar mezzi frekwenti ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni tista’:

  • tittrażmetti dokumenti fil-pussess tagħha jew tipprovdi informazzjoni proċedurali, filwaqt li tirrispetta s-segretezza professjonali;
  • tagħti l-opinjoni tagħha dwar talbiet tal-qorti nazzjonali dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u dwar kwistjonijiet ekonomiċi, fattwali u legali;
  • tissottometti osservazzjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 lill-qrati nazzjonali. Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jistgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fuq inizjattiva tagħhom stess jew fuq dawk orali bil-permess tal-qorti nazzjonali.

Il-qrati nazzjonali għandhom:

  • jipprovdu lill-Kummissjoni b’kopja ta’ kwalunkwe dokument li tqis meħtieġ biex tivvaluta każ qabel ma tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha;
  • jibagħtu lill-Kummissjoni kopja tas-sentenzi nazzjonali kollha bil-miktub li japplikaw l-Artikoli 101 u 102;
  • jagħtu lill-Kummissjoni, jekk mitluba, l-awtorizzazzjoni meħtieġa biex twettaq spezzjonijiet fl-imġiba tan-negozju.

Il-Kummissjoni tippubblika d-dettalji tal-kooperazzjoni tagħha mal-qrati nazzjonali fir-rapport annwali tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni.

L-avviż ħa post l-avviż tal-1993 dwar il-kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat tal-KEE.

MINN META JAPPLIKA L-AVVIŻ?

L-avviż inħareġ sabiex jgħin lill-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikoli tat-Trattat relatati mal-antitrust. Dan ma jorbotx lill-qrati nazzjonali, u lanqas ma jaffettwa d-drittijiet u l-obbligi tal-pajjiżi tal-UE u l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi taħt il-liġi tal-UE.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Notifika tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU C 101, 27.4.2004, pp. 54-64)

Emendi suċċessivi għan-notifika ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Rettifika tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE fl-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU C 230, 15.7.2017, p. 56)

DOKUMENTI RELATATI

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni fuq is-suq, fuq it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għal impriżi — Artikolu 101 (ex Artikolu 81 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 88-89)

Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Tlieta — Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu VII — Regoli komuni tal-kompetizzjoni, it-tassazzjoni u l-approssimazzjoni tal-liġijiet — Kapitolu 1 — Regoli dwar il-kompetizzjoni — Taqsima 1 — Regoli li japplikaw għall-impriżi — l-Artikolu 102 (ex l-Artikolu 82 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 89)

Verżjoni kkonsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Parti Sitta — Instituzzjonijiet u provvisti finanzjarji — Titolu I — Dispożizzjonijiet istituzzjonali — Kapitolu 1 — L-istituzzjonijiet — Taqsima 5 — Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 267 (ex Artikolu 234 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 164)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Emendi għall-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-qrati tal-Istati Membri tal-UE għall-applikazzjoni tal-Artikoli 81 u 82 KE (ĠU C 256, 5.8.2015, p. 5)

Avviż mill-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (ĠU C 101, 27.4.2004, pp. 43-53)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, pp. 18-24)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, pp. 1-25)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 15.05.2020

Top