Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mekkaniżmu tar-rata tal-kambju bejn l-euro u muniti nazzjonali parteċipanti oħra

Mekkaniżmu tar-rata tal-kambju bejn l-euro u muniti nazzjonali parteċipanti oħra

 

SOMMARJU TA’:

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tar-rata tal-kambju

Ftehim bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja (2006)

Ftehim bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra miż-żona euro li jemenda l-Ftehim tal-2006 (2020)

Ftehim bejn il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra miż-żona euro li jemenda l-Ftehim tal-2006 (2022)

X’INHU L-GĦAN TAR-RIŻOLUZZJONI U TAL-FTEHIMIET?

  • Ir-riżoluzzjoni kellha l-għan li toħloq sistema bejn l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (UE) taż-żona tal-euro u dawk mhux fiż-żona tal-euro li ggarantiet stabbiltà fir-rati tal-kambju bejn il-muniti differenti tagħhom meta beda t-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monetarja fl-1 ta’ Jannar 1999.
  • Il-ftehim tal-2006 (Ftehim tal-Bank Ċentrali ERM II) jibni fuq ir-riżoluzzjoni u jirrevoka u jissostitwixxi ftehim simili li kien intlaħaq fl-1998. Huwa jistabbilixxi mekkaniżmu tar-rata tal-kambju stabbli (ERM II), li jissostitwixxi s-Sistema Monetarja Ewropea oriġinali, bejn l-euro u l-muniti nazzjonali tal-Istati Membri mhux fiż-żona euro (Stati Membri li ma adottawx l-euro iżda li qed jipparteċipaw fil-ftehim). Bħalissa, l-ERM II tinkludi l-muniti tal-Bulgarija u tad-Danimarka, minn meta l-Kroazja ssieħbet fiż-żona tal-euro fl-1 ta’ Jannar 2023, billi ssodisfat il-kriterju tar-rata tal-kambju matul il-perjodu ta’ sentejn li jintemm fit- 18 ta’ Mejju 2022.
  • L-għan tar-riżoluzzjoni u tal-ftehim tal-2006 huwa li jiġi evitat ċaqliq eċċessiv fir-rati tal-kambju li jfixkel is-suq uniku tal-UE.
  • Il-ftehim emendatorju tal-2020 ikkunsidra l-irtirar tar-Renju Unit mill-UE. Il-Bank tal-Ingilterra m’għadux parti mill-Ftehim tal-Bank Ċentrali dwar l-ERM II sa mill-1 ta’ Frar 2020. L-Anness II mal-ftehim, il-“Limiti dwar l-aċċess għall-faċilità ta’ finanzjament għal perjodu ta’ żmien qasir imsemmi fl-Artikoli 8, 10 u 11 tal-Ftehim tal-Bank Ċentrali ”, ġie sostitwit biex jirrifletti dan it-tluq.
  • Il-ftehim emendatorju tal-2022 iqis l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja fl-1 ta’ Jannar 2023. Mill-istess data, il-Bank Nazzjonali Kroat (Hrvatska narodna banka) ma baqax parti mill-Ftehim tal-Bank Ċentrali dwar l-ERM II. L-Anness II mal-ftehim ġie sostitwit biex jirrifletti l-adozzjoni tal-euro mill-Kroazja.

PUNTI EWLENIN

  • Il-ftehim tal-2006:
    • jikkonferma li l-parteċipazzjoni fl-ERM II hija volontarja għall-Istati membri mhux fiż-żona tal-euro b’opt out mill-munita unika, iżda jżid li huma mistennija li jipparteċipaw;
    • jipprovdi għal rata ċentrali — miftehma mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-bank ċentrali nazzjonali rilevanti — bejn l-euro u kull munita nazzjonali parteċipanti, li tista’ tiċċaqlaq bi 15 % f’direzzjoni waħda jew oħra;
    • jippermetti għal intervent awtomatiku u mhux limitat mill-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali jekk jinqabeż il-limitu ta’ 15 %;
    • jistabbilixxi proċeduri dettaljati għal:
      • l-involviment ta’ bank ċentrali nazzjonali taż-żona tal-euro fi kwalunkwe intervent,
      • faċilitajiet ta’ kreditu għal terminu qasir ħafna bejn il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro,
      • ħlas lura ta’ bilanċi pendenti tal-finanzjament għal terminu qasir ħafna,
      • estensjoni ta’ kwalunkwe operazzjoni ta’ finanzjament,
      • kooperazzjoni aktar mill-qrib dwar ir-rati tal-kambju bejn il-BĊE u l-bank ċentrali nazzjonali mhux fiż-żona tal-euro,
      • monitoraġġ tas-sistema globali tal-ERM II,
      • emendi possibbli tar-rati ċentrali u tal-limiti taċ-ċaqliq ta’ 15 %.
  • Il-ftehim tal-2006 irid jiġi emendat kull meta jipparteċipa bank ċentrali nazzjonali ġdid jew meta bank ċentrali nazzjonali jitlaq.

MINN META JAPPLIKAW IR-RIŻOLUZZJONI U L-FTEHIMIET?

  • Ir-riżoluzzjoni ilha tapplika mis-16 ta’ Ġunju 1997.
  • Il-ftehim tal-2006 ilu japplika mill-1 ta’ April 2006.
  • Il-ftehim tal-2020 jemenda l-Ftehim tal-Bank Ċentrali dwar l-ERM II b’effett mill-1 ta’ Frar 2020.
  • Il-ftehim tal-2022 jemenda l-Ftehim tal-Bank Ċentrali ERM II b’effett mill-1 ta’ Jannar 2023.

SFOND

  • Il-konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika bażika hija essenzjali biex tinżamm rata tal-kambju stabbli. Hemm bżonn ambjent ekonomiku stabbli biex is-suq uniku jopera kif suppost u biex jiġu promossi aktar investiment, tkabbir u impjiegi.
  • Il-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju jagħti lill-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro referenza għal politiki ekonomiċi sodi, u jippermettilhom iħejju ruħhom biex jadottaw l-euro.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew dwar it-twaqqif ta’ mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-unjoni ekonomika u monterja, Amsterdam, 16 ta’ Ġunju 1997 (ĠU C 236, 2.8.1997, pp. 5–6).

Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 73, 25.3.2006, pp. 21–27).

L-emenda tal-2020 għall-ftehim tal-2006 ġiet inkorporata fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ftehim tat-12 ta’ Diċembru 2022 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jemenda l-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (ĠU C 12, 13.1.2023, pp. 3–6).

l-aħħar aġġornament 21.03.2023

Top