Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kiri ta’ vetturi għat-trasport ta’ merkanzija

Kiri ta’ vetturi għat-trasport ta’ merkanzija

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2006/1/KE dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din tistabilixxi r-regoli tal-Unjoni Ewropea (UE) dwar l-użu ta’ vetturi* mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq.
  • Direttiva Emendatorja (UE) 2022/738 taġġorna dawn ir-regoli bl-għan li tneħħi r-restrizzjonijiet li fadal dwar l-użu ta’ vetturi mikrija* f’trasport internazzjonali u tistabilixxi qafas regolatorju uniformi biex tagħti lil operaturi tat-trasport fl-UE kollha iktar aċċess indaqs għas-suq ta’ vetturi mikrija.

PUNTI EWLENIN

UŻU TA’ VETTURI MIKRIJA MINN IMPRIŻI STABBILITI FUQ IT-TERRITORJU TA’ STAT MEMBRU IEĦOR

Kull Stat Membru tal-UE irid jippermetti l-użu fit-territorju tiegħu ta’ vetturi mikrija minn impriżi stabbiliti fuq it-territorju ta’ Stat Membru ieħor sakemm:

  • il-vettura tkun reġistrata jew tkun fiċ-ċirkolazzjoni konformi mal-liġijiet ta’ xi Stat Membru, u, jekk applikabbli, użata f’konformità ma’ Regolament (KE) Nru 1071/2009 dwar ir-regoli operattivi tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ara s-sommarju) u Regolament (KE) Nru  1072/2009 dwar regolamenti fuq l-aċċess għas-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ara s-sommarju);
  • il-kuntratt jikkonċerna biss il-kiri ta’ vettura mingħajr sewwieq u li ma tkunx akkumpanjata b’kuntratt ta’ servizz magħmul mal-istess impriża li jkopri persunal li jsuq jew li jakkompanja;
  • il-vettura mikrija tkun għad-dispożizzjoni unika tal-impriża li tkun qed tużaha matul il-perjodu tal-kuntratt tal-kiri;
  • il-vettura mikrija tkun misjuqa minn persunal tal-impriża li jkun qed jużaha.

Dokumentazzjoni

Id-dokumenti li ġejjin f’forma elettronika jew karta, li jipprovdu prova tal-konformità tal-vettura mar-rekwiżiti, iridu jittieħdu mal-:

  • il-kuntratt tal-kirja, jew estratt ċertifikat minn dak il-kuntratt li juri b’mod partikolari, l-isem tal-lokatur, id-data u d-durata tal-kuntratt u l-identifikazzjoni tal-vettura;
  • fejn is-sewwieq ma jkunx il-persuna li tkun kriet il-vettura, il-kuntratt tal-impjieg tas-sewwieq jew estratt ċertifikat minn dak il-kuntratt li juri, b’mod partikolari, l-isem ta’ min iħaddem, l-isem tal-impjegat u d-data u d-durata tal-kuntratt tal-impjieg jew irċevuta tal-paga riċenti.

Kondizzjonijiet għal użu ta’ vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija

  • L-Istati Membri għandhom jiżguraw li impriżi stabbiliti fuq it-territorji rispettivi tagħhom jistgħu jużaw vetturi mikrija għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq taħt l-istess kundizzjonijiet bħal vetturi fli huma tagħhom stess.
  • Madanakollu, peress li rati nazzjonali tat-tassazzjoni tal-vetturi jvarjaw b’mod sinifikanti, u biex nevitaw distorsjoni fiskali, l-Istati Membri xorta jistgħu jirrestrinġu l-użu ta’ vetturi li l-kumpaniji tagħhom stess jikru fi Stat Membru ieħor.
  • Ir-restrizzjonijiet jinvolvu prinċipalment l-porzjon ta’ dawn il-vetturi mikrija fil-flotta ta’ kumpanija u l-perjodu tal-kirja, b’minimi ggarantiti ta’ 25% u 30 jum, rispettivament.
  • Biex jitjieb l-infurzar, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jirrekordjaw in-numru ta’ vetturi mikrija minn Stat Membru ieħor fir-reġistru nazzjonali elettroniku ta’ impriżi tat-trasport bit-triq.

Rapportar

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tissottometti rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-direttiva sas-7 ta’ Awwissu 2027.

Id-direttiva ma taffettwax l-applikazzjoni tar-regoli tal-UE li jinvolvu:

  • l-organizzazzjoni tas-suq għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq għal kiri jew premju jew f’ismek stess, u b’mod partikolari, aċċess għas-suq u għar-restrizzjonijiet ta’ kwota fuq il-kapaċitajiet tat-toroq;
  • prezzijiet u kundizzjonijiet għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq;
  • l-issettjar ta’ prezzijiet tal-kiri;
  • l-importazzjoni ta’ vetturi;
  • il-kundizzjonijiet li jiggvernaw l-aċċess għall-attività jew okkupazzjoni tal-lokatur tal-vettura tat-triq.

MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLI?

Ir-regoli aġġornati li daħlu permezz tad-Direttiva Emendatorja (UE) 2022/738 għandhom ikunu inkorporati f’liġi nazzjonali sas-6 ta’ Awwissu 2023.

SFOND

Direttiva 2006/1/KE kodifikata u sostitwiet leġiżlazzjoni ta’ qabel: Direttiva 84/647/KEE.

TERMINI EWLENIN

Vettura. Vettura bil-mutur, trailer, semi-trailer, jew taħlita ta’ vetturi maħsuba esklużivament għat-trasport ta’ merkanzija.
Vettura mikrija. Kwalunkwe vettura li, għal remunerazzjoni u għal perjodu stabbilit, titpoġġa għad-dispożizzjoni ta’ impriża li tinnegozja fit-trasport ta’ merkanzija bit-triq għal kiri jew għal premju jew għaliha stess abbażi ta’ kuntratt ma’ impriża li tagħmel il-vetturi disponibbli.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2006/1/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Jannar 2006 dwar l-użu ta’ vetturi mikrija mingħajr sewwieqa għat-trasport ta’ merkanzija bit-triq.(Verżjoni kodifikata) (ĠU L 33, 4.2.2006, p. 82-85).

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/1/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta’ operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 51-71).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (riformulazzjoni) (ĠU L 300, 14.11.2009, pp. 72-87).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 14.07.2022

Top