Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji

Ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji

 

SOMMARJU TA’:

Direttiva 2007/59/KE dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Din tistabbilixxi r-rekwiżiti u l-proċeduri għaċ-ċertifikazzjoni tas-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja fl-UE.

PUNTI EWLENIN

Meta jimplimentaw id-direttiva, il-pajjiżi tal-UE jistgħu jeskludu lis-sewwieqa tal-ferroviji li joperaw esklussivament fuq:

  • metro, trammijiet u sistemi minuri oħra ta’ ferrovija;
  • netwerks separati mill-bqija tas-sistema tal-ferrovija u li huma intiżi biss għal servizzi lokali, urbani jew suburbani ta’ passiġġieri u ta’ merkanzija;
  • infrastrutturi ferrovjarji tal-privat;
  • partijiet ta’ linji li jkunu magħluqin temporanjament għat-traffiku normali.

Ċertifikazzjoni tas-sewwieqa

Is-sewwieqa jrid ikollhom l-istat ta’ saħħa u l-kwalifiki meħtieġa. Dawn irid ikollhom ukoll id-dokumenti li ġejjin:

  • liċenzja li tikkonferma li sewwieq jissodisfa rekwiżiti minimi għall-istat ta’ saħħa mediku u psikoloġiku, edukazzjoni bażika u ħiliet professjonali ġenerali;
  • ċertifikat komplementari armonizzat li jindika li l-infrastruttura (il-linji tal-ferrovija) u r-rolling stock (it-tipi ta’ ferrovija) li għalihom huwa awtorizzat is-sewwieq.

Il-kisba ta’ liċenzja u ċertifikat

  • L-applikanti jridu jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:
    • ikollhom mill-inqas 20 sena, għalkemm il-pajjiżi tal-UE jistgħu joħorġu liċenzji limitati għat-territorju tagħhom stess għal sewwieqa mill-età ta’ 18-il sena;
    • ikunu ngħataw taħriġ bażiku u jissodisfaw ir-rekwiżiti mediċi stabbiliti fid-direttiva;
    • jipprovdu evidenza ta’ stat ta’ saħħa fiżika tajjeb billi jgħaddu minn eżami mediku mwettaq minn tabib mediku rikonoxxut mill-awtorità kompetenti;
    • juru stat ta’ saħħa psikoloġika tajjeb billi jgħaddu minn eżami mwettaq minn psikologu rikonoxxut mill-awtorità kompetenti;
    • jipprovdu prova tal-ħiliet professjonali, u jekk meħtieġ, ta’ dawk lingwistiċi tagħhom.
  • L-awtorità kompetenti trid toħroġ il-liċenzja fi żmien xahar minn meta tirċievi d-dokumenti neċessarji. Il-liċenzja hija valida għal 10 snin.
  • Iċ-ċertifikati komplementari jinħarġu minn min iħaddem is-sewwieqa tal-ferroviji, jiġifieri l-impriżi ferrovjarji jew l-amministraturi tal-infrastruttura.

X’inhu r-rwol tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali?

L-awtorità maħtura minn pajjiż tal-UE sabiex toħroġ liċenzja ta’ sewwieq tal-ferrovija għandha għadd ta’ kompiti, li jinkludu:

  • il-ħruġ u l-aġġornament ta’ liċenzji, il-provvista ta’ sostituti u s-sospensjoni u l-irtirar tal-liċenzji jekk meħtieġ;
  • l-iżgurar ta’ eżamijiet u kontrolli perjodiċi;
  • l-iżgurar tal-pubblikazzjoni u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ persuni u korpi akkreditati (tobba mediċi, trainers, eżaminaturi, eċċ.);
  • iż-żamma u l-aġġornament ta’ reġistru ta’ liċenzji li jkunu nħarġu, ġew modifikati, sospiżi, ikkanċellati jew iddikjarati mitlufa jew meqruda, jew li skadew;
  • is-superviżjoni tal-proċess ta’ ċertifikazzjoni tas-sewwieqa u t-twettiq tal-kontrolli neċessarji abbord ferroviji li jivvjaġġaw fi ħdan l-UE.

Il-kumpaniji tal-ferrovija jridu:

  • iżommu reġistru taċ-ċertifikati komplementari armonizzati kollha maħruġa, li skadew, ġew modifikati, sospiżi, ikkanċellati jew iddikjarati mitlufa jew meqruda;
  • jistabbilixxu sistema ta’ monitoraġġ tas-sewwieqa tagħhom u jieħdu azzjoni immedjata jekk ikun hemm dubji dwar l-adegwatezza ta’ sewwieq għax-xogħol.

Sad-29 ta’ Ottubru 2018, is-sewwieqa kollha jrid ikollhom liċenzji u ċertifikati li jikkonformaw ma’ din id-direttiva.

Emendi għad-Direttiva 2007/59/KE

Id-direttiva ġiet emendata diversi drabi:

  • mid-Direttiva 2014/82/UE li tinkludi bidliet żgħar fir-rekwiżiti sabiex jinħarġu liċenzja u ċertifikat biex ikun hemm applikazzjoni uniformi fil-pajjiżi kollha tal-UE;
  • mid-Direttiva (UE) 2016/882 u mir-Regolament (UE) 2019/554 li jemendaw l-Anness VI għad-direttiva rigward ir-rekwiżiti tal-lingwa għas-sewwieqa tal-ferroviji;
  • Regolament (UE) 2020/698 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport. Ir-regolament jestendi t-termini stabbiliti fid-Direttiva 2007/59/KE b’6 xhur.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva ilha tapplika mill-4 ta’ Diċembru 2007 u kellha ssir liġi fil-pajjiżi tal-UE sat-3 ta’ Diċembru 2009.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ sewwieqa tal-ferroviji li joperaw lokomotivi u ferroviji fuq is-sistema ferrovjarja tal-Komunità (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 51-78)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2007/59/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (ĠU L 165, 27.5.2020, pp. 10-24)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/89/UE tal-14 ta’ Frar 2014 dwar proġett bi prova għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ kooperazzjoni amministrattiva deskritti fid-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (ĠU L 45, 15.2.2014, pp. 36-39)

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/765/UE tat-22 ta’ Novembru 2011 dwar kriterji għar-rikonoximent ta’ ċentri tat-taħriġ involuti fit-taħriġ ta’ sewwieqa tal-ferroviji, dwar kriterji għar-rikonoxximent tal-eżaminaturi ta’ sewwieqa tal-ferroviji u dwar kriterji għall-organizzazzjoni ta’ eżamijiet skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 314, 29.11.2011, pp. 36-40)

Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2011/766/UE tat-22 ta’ Novembru 2011 dwar il-proċedura għar-rikonoxximent taċ-ċentri tat-taħriġ u tal-eżaminaturi tas-sewwieqa tal-ferroviji skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 314, 29.11.2011, pp. 41-46)

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 36/2010 tat-3 ta’ Diċembru 2009 dwar mudelli Komunitarji għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji, ċertifikati komplementari, kopji ċċertifikati taċ-ċertifikati komplementari u formoli tal-applikazzjoni għal-liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji, skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 13, 19.1.2010, pp. 1-27)

Ara l-verżjoni kkonsolidata.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/17/KE tad-29 ta’ Ottubru 2009 dwar l-adozzjoni ta’ parametri bażiċi għar-reġistri ta’ liċenzji tas-sewqan tal-ferroviji u ċ-ċertifikati komplementari pprovduti skont id-Direttiva 2007/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 8, 13.1.2010, pp. 17-31)

l-aħħar aġġornament 22.07.2020

Top