Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Medjazzjoni fl-assigurazzjoni: protezzjoni aħjar tal-konsumaturi

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Distribuzzjoni tal-assigurazzjoni — regoli ġodda mill-2018' for an updated information about the subject.

Medjazzjoni fl-assigurazzjoni: protezzjoni aħjar tal-konsumaturi

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2002/92/KE — medjazzjoni fl-assigurazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Id-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni tirregola l-prattiki tal-bejgħ tal-prodotti tal-assigurazzjoni kollha mill-aġenti u mis-sensara.
  • Hija tkopri r-regolamentazzjoni tal-prodotti ta’ assigurazzjoni ġenerali, bħall-assigurazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, kif ukoll poloz tal-assigurazzjoni tal-ħajja, inklużi dawk li fihom elementi ta’ investiment, bħal prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja marbuta ma’ unitajiet*.

PUNTI EWLENIN

  • L-individwi jew il-kumpaniji kollha li jwettqu medjazzjoni fl-assigurazzjoni jew fir-riassigurazzjoni* għandhom ikunu rreġistrati fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom fl-UE abbażi ta’ għadd ta’ rekwiżiti minimi speċifiċi, inklużi:
    • il-pussess ta’ għarfien u ħiliet xierqa kif iddeterminati mil-liġijiet rilevanti tal-pajjiż tagħhom fl-UE,
    • li jkunu ta’ reputazzjoni tajba,
    • il-pussess ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali jew kwalunkwe garanzija komparabbli oħra kontra responsabbiltà li tirriżulta minn negliġenza professjonali,
    • kapaċità finanzjarja suffiċjenti sabiex tipproteġi lill-klijenti kontra kwalunkwe nuqqas mill-intermedjarju li jittrasferixxi l-primjums tal-klijenti lill-kumpaniji tal-assigurazzjoni jew li jgħaddi lill-klijenti flus riċevuti għall-klejms skont il-poloz li jkollhom.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jadottaw regoli aktar stretti, iżda dawn japplikaw biss għall-aġenti u s-sensara rreġistrati fit-territorju tagħhom.
  • Abbażi tar-reġistrazzjoni tagħhom fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, l-intermedjarji tal-assigurazzjoni jew tar-riassigurazzjoni ser ikunu jistgħu jagħmlu negozju f’pajjiżi oħrajn tal-UE.
  • L-intermedjarji tal-assigurazzjoni huma mitluba li jagħtu lill-klijenti spjegazzjonijiet ċari għall-pariri li jagħtuhom dwar il-prodotti li għandhom jixtru. Huma għandhom jispeċifikaw b’mod ċar u preċiż bil-miktub lill-klijent għaliex huma rrakkomandaw prodotti partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti individwali ta’ dak il-klijent.
  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom jipprovdu aċċess pubbliku faċli permezz ta’ punt ta’ informazzjoni waħdieni għad-dettalji tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni rreġistrati, tal-awtoritajiet tal-pajjiżi tal-UE rilevanti li magħhom huma rreġistrati u tal-pajjiżi tal-UE fejn huma jwettqu n-negozju tagħhom.
  • Id-direttiva tħeġġeġ lill-pajjiżi tal-UE sabiex jistabbilixxu proċeduri ta’ soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim xierqa u effettivi għal rimedju barra l-qorti għall-klijenti mhux sodisfatti, b’mod partikolari permezz tan-netwerk FIN-NET.

Fl-20 ta' Jannar 2016, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-direttiva dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (Direttiva (UE) 2016/97), li taġġorna u tissostitwixxi d-direttiva dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni. Id-direttiva l-ġdida ser tkopri l-katina tad-distribuzzjoni kollha, inklużi l-assiguraturi li jbiegħu direttament lill-konsumaturi (b’hekk l-isem ġdid). Hija ser tkompli ttejjeb ukoll il-mod kif jinbiegħu l-prodotti tal-assigurazzjoni, inkluż permezz ta’ trasparenza akbar tal-prezzijiet u tagħrif aħjar għall-konsumaturi.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

  • Id-Direttiva 2002/92/KE daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Jannar 2003. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sal-14 ta' Jannar 2005.
  • Id-Direttiva (UE) 2016/97 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) daħlet fis-seħħ fit-22 ta' Frar 2016. Il-pajjiżi tal-UE ser ikollhom jinkorporaw id-direttiva fil-liġi nazzjonali tagħhom sat-23 ta' Frar 2018.

SFOND

Aktar tagħrif huwa disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni.

* TERMINI EWLENIN

Prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja marbuta ma’ unitajiet: dawn jagħtu lid-detenturi tal-poloz ta’ assigurazzjoni tal-ħajja l-possibbiltà li jikkombinaw flushom ma’ dawk ta’ detenturi ta’ poloz oħrajn f’fond marbut ma’ unitajiet. Dan jippermettilhom jinvestu f’firxa usa’ ta’ investimenti (bħal stokks u bonds) milli kieku jkunu weħidhom.

Riassigurazzjoni: meta l-assiguraturi jittrasferixxu partijiet mill-portafoll b’riskju tagħhom lil assiguraturi oħrajn sabiex ikunu jistgħu jifirxu r-riskju li jkollhom iħallsu ammonti kbar f’każ ta’ klejm.

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva 2002/92/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Diċembru 2002 dwar il-medjazzjoni fl-assigurazzjoni (ĠU L 9, 15.1.2003, p. 3–10)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2002/92/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (riformulazzjoni) (ĠU L 26, 2.2.2016, pp. 19–59)

l-aħħar aġġornament 24.10.2016

Top